L-Inter Club jorganizza attività ta’ solidarjetà

Fil-ġranet li għaddew il-klabb ta’ Inter Pupi Zanetti Malta organizza attività ferrieħa b’turija ta’ solidarjetà lejn it-tfal barra mid-djar fil-Palazz Verdala l-Buskett taħt il-patronċinju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca.

Il-President tal-Inter Club PUPI Zanetti Malta, Paul Fenech, jippreżenta tifkira lil Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta
Il-President tal-Inter Club PUPI Zanetti Malta, Paul Fenech, jippreżenta tifkira lil Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta

Kienet attività li żgur it-tfal kollha se jibqgħu jiftakru peress li pparteċipaw f’ħafna logħob mhejji mill-grupp ta’ animazzjoni Bronk Productions. Apparti minn hekk it-tfal kollha setgħu jieħdu dawra madwar il-Palazz Verdala fuq iż-żwiemel ipprovduti mill-Montekristo Estates u l-Montekristo Equestrian Club li grazzi għall-assistenti kollha tal-Magħtab Racing Club kienu preżenti biex jagħtu daqqa t’id lit-tfal biex igawdu minn din l-opportunità. Naturalment ma setgħux jonqsu l-uffiċjali tas-St. John’s Ambulance li kienu preżenti għal li jista’ jinqala’. 

Il-President Coleiro Preca kienet preżenti għal din l-okkażjoni speċjali fejn iltaqgħet mat-tfal kollha kif ukoll tkellmet dwar ċerti sitwazzjonijiet li jiffaċċjaw l-amministraturi tad-djar. Hija faħħret l-inizjattiva li ħa l-Klabb Inter Club Pupi Zanetti li mhux biss ħaseb li jippromwovi lill-klabb Taljan Inter imma l-għan aħħari tiegħu huwa li jorganizza avvenimenti ta’ din ix-xorta biex iferrħu lil min jinsab f’sitwazzjonijiet diffiċli. Coleiro Preca rringrazzjat lil Mons. Victor Zammit McKeon għad-dedikazzjoni qalbiena li ta u għadu jagħti lid-djar fl-aħħar snin.

Il-President tal-Inter Club Pupi Zanetti Paul Fenech irringrazzja lil Marie Louise Coleiro Preca talli mal-ewwel aċċettat ir-rikjesta biex jiġi organizzat dan il-festin għat-tfal kollha. Fenech ippreżenta lill-President ta’ Malta rikordju bħala ringrazzjament kif ukoll donazzjoni ta’ mitt ewro b’riżq il-Malta Community Chest Fund.

More in Sports