Sena mill-aqwa għal Danica Bonello Spiteri

Wara kważi sentejn ta’ preparazzjoni, waslu l-Logħob tal- ‘Commonwealth’. Fost atleti oħra Danica Bonello Spiteri kellha l-unur li tirrappreżenta lil Malta ġo dawn il-logħob ta’ livell għoli, ġewwa Glasgow, l-Iskozja. It-triathlon tan-nisa kienet l-ewwel avveniment fil-programm fejn l-atleti kellhom jgħumu 1.5km, jaqdfu 40km bir-rota u jiġru 10km. Ir-rotta tar-rota u l-ġirja kienu ferm iebsin peress li kien hemm it-tidwir u t-tlajja’. Madwar 30 atleta bdew it-tellieqa bl-għawma li bdiet b’pass mgħaġġel ħafna. Kienet diffiċli biex Danica żżomm mal-grupp ta’ quddiem. Bdiet ir-rota waħedha, waqt li kien hemm atleti oħrajn li kienu ġo grupp quddiemha. Dan ifisser li hi ma setgħetx tibbenifika minn ‘drafting’, fejn l-atleti jaħdmu flimkien fuq ir-rota biex ikollhom pass iktar mgħaġġel, allura l-atleti ta’ quddiemha fetħu distakk ikbar fuq ir-rota. 

Fit-tieni nofs tar-rota irnexxielha taħdem ftit m’atleta tal-Mauritius, li kienet anki ħadet sehem fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012. Kien hemm diversi atleti li ġew imwaqqfa mill-ġurija waqt ir-rota, peress li dawn ikunu ‘lapped’ (meta l-ewwel atleta tkun laħqet l-aħħar atleta f’waħda mill-ħames dawriet tar-rotta fuq ir-rota). Danica bdiet il-ġirja mal-atleta tal-Mauritius u saqajha kienu diġà għajjenin, iżda tant kemm kien hemm appoġġ, li xorta għamlet ħilitha biex tiġri tajjeb. Irnexxielha tispiċċa t-tellieqa fil-15-il post. Saret taf li 16-il atleta biss setgħu jispiċċaw it-tellieqa, għal diversi raġunijiet. Minn dawk is-16, Danica kienet l-unika atleta li ma titħarriġx fuq bażi professjonali. L-atleti professjonali jitħarrġu fit-triathlon ‘full time’, fejn saħansitra jagħmlu 35 siegħa ta’ taħriġ intensiv u jiddependu fuq ‘sponsors’ u ‘funding’ mill-pajjiż tagħhom. Danica, mill-banda l-oħra taħdem full time, bħala tabiba tal-isport u l-eżerċizzju, u ma tibbenifikax minn sponsorships. Danica tipprova titħarreġ qabel u wara x-xogħol. Dan ifisser li ma tantx ikollha ħin liberu għaliha, iżda tieħu gost tagħmel dak li tagħmel.

“Ħadet it-titlu ta’ Kampjonessa Mondjali”

Wara l-avventura tal-logħob tal-‘Commonwealth’ ġewwa Glasgow, kienet taf li kien se jkun hemm perjodu fejn il-motivazzjoni li tkompli titħarreġ kienet se tbatti, allura kellha tfittex kompetizzjoni oħra biex tgħinha tegħleb din l-emozzjoni. L-ewwel tellieqa kienet li tikkompeti fil-kampjonat nazzjonali tal-Ingilterra, fil-kategorija Elite. Dan fisser li Bonello Spiteri ma setgħetx taqbad u tapplika biex ittellaq, iżda riedet tibgħat profil tagħha bħala atleta, imbagħad jekk jaraw li għandha livell tajjeb, jaċċetawha f’din it-tellieqa, peress li hemm 40 atleta biss li jistgħu jtellqu. It-tellieqa saret f’Liverpool f’kundizzjonijiet mill-agħar. Kien hemm il-bard, xita u saħansitra riħ qawwi, li intant, it-tellieqa tal-irġiel li kellha sseħħ wara tan-nisa ġiet ikkanċellata minħabba l-urugan Bertha li laqat ix-xtut ta’ Liverpool.

It-tellieqa tan-nisa bdiet b’għawma ġo Alberta Docks, b’ritmu mgħaġġel ħafna, iżda għamlet sforz li tibqa’ ġo grupp. Kif ħarġet mill-ilma u ħarġet fuq ir-rota, rnexxielha tidħol ġo grupp tajjeb ħafna ta’ tfajliet li s-soltu jgħadduha b’ċertu distakk fl-għawma. Dan taha ħafna kuraġġ biex taqdef u tibqa’ fil-grupp, avolja kien hemm ħafna qilla tar-riħ li kien qed jiżdied bis-sekondi. Ħassitha tajba ħafna, iżda kellha tirtira mit-tellieqa minħabba li kellha puncture fir-rota ta’ quddiem. Iddispjaċiha ħafna, għax kieku kompliet kienet tidħol f’xi l-għaxar post. Iżda f’dan l-isport, hemm affarijiet li mhumiex fil-kontroll tal-atleta. Din kienet l-ewwel triathlon li qatt kellha tirtira minnha, fi kważi 20 sena ta’ kompetizzjonijiet.

F’nofs Awwissu Danica kellha xewqa oħra li rnexxielha twettaq. Mis-sena l-oħra hija kienet ilha taqra fuq il-‘cross triathlon’. Dan huwa sport differenti ħafna mit-triathlon normali, li jinvolvi għawma, rota fuq il-mountain bike, u ġirja. Id-differenza kbira hi li din it-tellieqa sseħħ fuq terran off-road u tinkludi ħafna ostakli, kemm fuq ir-rota kif ukoll fil-ġirja, allura anki r-rota, żraben tar-rota u tal-ġiri huma differenti. Hemm ħafna teknika fiha ta’ kif titla’ tlajja’ bir-rota fuq il-ġebel, kif tiġri bir-rota fejn it-terran ma jippermettix li taqdifha minħabba d-diffikultà ta’ ostakli jew jekk it-telgħa tkun wieqfa żżejjed. Il-ġirja tinkludi terran fit-tajn, ilma, ħaxix, ċagħaq u ramel. Din it-tip ta’ tellieqa jisimha ‘Xterra’ u hija popolari ħafna, speċjalment fl-Amerka.

“Ivvjaġġajt sal-Ġermanja, f’post ċkejken jismu Zittau, biex nieħu sehem fl-ewwel tellieqa tiegħi tal-‘cross triathlon’, li kienet ukoll Kampjonat Mondjali, kif ukoll tellieqa tal-Xterra. Meta mort fil-post u bdejt nara partijiet mir-rotta ħassejtni qisni qatt m’għamilt tellieqa f’ħajti meta ndunajt kemm hemm affarijiet differenti minn triathlon normali, allura saqsejt ħafna domandi lil xi ħbieb, kif ukoll lil atleti oħra” qalet Bonello Spiteri.

It-tellieqa tan-nisa kollha bdiet flimkien, fejn kien hemm madwar 80 mara. Kif telqu fl-għawma, Danica malajr qabdet pass tajjeb. Kellhom żewġ dawriet, fejn fin-nofs riedu joħorġu, jiġru fuq ir-ramel u jerġgħu jaqbżu ġol-ilma. Hija għamet 1.5km fi 22 minuta u żewġ sekondi, u kienet fit-tielet post globali, ġriet għal ħdejn ir-rota tagħha, u malajr ħarġet fuq ir-rota. L-ewwel 10km tar-rota kienu kontinwament għat-telgħa, iżda t-terran kien relattivament faċli. Kif bdew il-ħdax-il kilometru, Danica kienet taf li kien hemm telgħa iebsa ħafna. Kellhom jinżlu minn fuq ir-rota minħabba l-waqfien tat-telgħa, u l-ġebel kbar li kien hemm li kienu jiżolqu ħafna bix-xita li kienet nieżla. Kienet iebsa ħafna, u Bonello Spiteri tilfet il-ħin hawnhekk għax ma kinitx ħafifa biżżejjed biex tiġri u timbotta r-rota fit-telgħa. Imbagħad ġiet niżla kollha ġebel u żlieq fejn avolja rnexxielha tirkeb ir-rota fin-niżla, n-nisa l-oħra kienu mdorrijin ħafna iktar minn Danica kif jinżlu b’ħeffa kbira. 

Danica waqgħet fl-għaxar post globali hawnhekk, iżda kompliet bil-pass tagħha, waqt li tipprova ma titlifx iktar ħin. Iżda kull tellieqa għandha l-istorja tagħha. Fit-tlielaq tal-off-road, hemm ċans kbir li jkun hemm puncture fir-rota, allura kull atleta jkollha bżonn li ġġorr għodda u tubi żejda ġo borża apposta tar-rota (saddle bag). Dan kien imwaħħal taħt is-sedil tar-rota, iżda wara 14-il kilometru dan is-‘saddle bag’ tqatta’ u waqa’ bl-effett tat-terrann li Danica għaddiet minnu. 

B’hekk kellha tieqaf, tiġbru, u żżommu fuq wara tat-trisuit li tilbes għat-tellieqa. Dan żammha lura milli taqdef kif xtaqet hi, iżda ma setgħetx tħallih warajha. Dan swieha ta’ ġid meta fl-20 kilometru kellha puncture fuq ir-rota ta’ wara u kellha tieqaf tbiddel it-tubu ta’ ġewwa. Il-fatt li bdiet tara ħafna nisa oħra għaddejjin waqt li hi kienet qed tbiddel dan it-tubu ħasset li diġà kienet spiċċat it-tellieqa għaliha. Iżda ġaladarba rranġat ir-rota, reġgħet telgħet fuqha, u kompliet taqdef. Hawnhekk it-triatleti kellhom telgħa iebsa oħra, fejn kellhom jinżlu jimxu u jimbuttaw ir-rota għax kienet telgħa wieqfa ħafna. 

“Minkejja l-problemi, il-ġirja tagħha kienet tajba ħafna u għaddiet 17-il atleta”

L-aħħar niżla wieqfa kienet teknika ħafna, bil-ġebel, tajn u żlieq. Danica tilfet xi ftit iktar ħin f’din is-sezzjoni, iżda rkuprat xi ftit fl-aħħar kilometri tar-rotta. Lestiet 36 kilometru bir-rota, f’sagħtejn u 33 minuta, u telgħet elevazzjoni (elevation gain) ta’ 1,160m. Fl-aħħar reġgħet waslet fit-tranżizzjoni fejn ħalliet ir-rota, libset iż-żarbun tal-ġiri u bdiet 9 kilometri bil-ġiri, bl-idea li ma kinitx xi ġirja iebsa. Iżda fil-fatt, mill-ewwel kilometru kellha tiġri fit-tajn u ilma sal-għaksa u ndunat li aħjar kieku ġriet b’żarbun iktar adattat għall-‘trail running’, għax iż-żarbun li kienet libset ma kienx qed iqabbad biżżejjed, allura bdiet tiżloq ħafna, u kellha tnaqqas il-pass meta ġiet fl-inżul u t-tlajja weqfin kollha tajn. Avolja kellha din il-problema teknika, il-ġirja tagħha kienet ferm tajba u għaddiet 17-il atleta. Fl-aħħar tat-tellieqa kien hemm ostakli li t-triatleti kellhom jitilgħu u jaqbżu iżda saqajn Danica kienu b’saħħithom sal-aħħar. Spiċċat it-tellieqa fil-21 post globali, iżda tal-età tagħha, ta’ bejn it-30 u l-34 sena kienet l-ewwel waħda, li tatha t-titlu ta’ Kampjonessa Mondjali! Rebħet ukoll it-tellieqa tal-Xterra tal-istess età. Dan ifisser li issa Danica kkwalifikat li ttellaq fl-itqal tellieqa tal-Xterra f’Maui, Hawaii. Din hija tellieqa li ssir f’Ottubru, iżda biex tkun tista’ tieħu sehem, trid tattendi waħda mit-tlielaq tal-Xterra u tirbaħ. Dan ifisser li l-livell se jerġa’ jkun iktar għoli f’Maui, f’kundizzjonijiet ferm iktar diffiċli. Dan il-Kampjonat tal-Xterra f’Maui huwa ekwivalenti tal-Ironman f’Kona, Hawaii wkoll, b’kompetizzjoni immensa għal dawn il-postijiet.

Il-bqija tal-istaġun ta’ Danica Bonello Spiteri jikkonsisti fil-Kampjonat Nazzjonali ta’ Malta, tellieqa oħra f’Spanja fejn ġejt mistiedna ntellaq ma’ tim professjonali (wara l-wirja tajba fil-Kampjonat Nazzjonali fi Spanja din is-sena), kif ukoll din it-tellieqa f’Maui, l-Hawaii.

Is-sena 2014 tidher li sejra tajjeb ħafna għal Danica Bonello Spiteri, u hija tinsab kuntenta ħafna bir-riżultati sa issa. Parti minn dan is-suċċess hu dovut għar-raġel tagħha, Etienne Bonello u l-ġenituri, Ruth u Oswald Spiteri, li dejjem ikunu hemm meta jkollha bżonnhom fi kwalunkwe sitwazzjoni. Hemm ukoll il-‘coach’ Jack Maitland f’Leeds, l-Ingilterra, li għenha tasal fejn hi llum u għallimha ħafna dwar x’inhu t-triathlon fil-veru sens tal-kelma, avolja fi kliemha għadha qed titgħallem eżatt kemm jinvolvi xorti dan l-isport tant għal qalbha!

More in Sports