Christian Schembri jirbaħ it-titlu tal-Prizeboxing Promotions Champion

Christian Schembri jaqta' xewqtu wara li kien ilu jistenna dan l-avveniment b'ħerqa kbira.

Christian Schembri fl-azzjoni kontra l-avversarju tiegħu
Christian Schembri fl-azzjoni kontra l-avversarju tiegħu
Il-kick-boxer u boxer ewlieni f’Malta, Christian Schembri
Il-kick-boxer u boxer ewlieni f’Malta, Christian Schembri
Christian Schembri jiċċelebra r-rebħa tat-taqbida
Christian Schembri jiċċelebra r-rebħa tat-taqbida

L-aħħar kompetizzjoni li kien involut fiha Christian Schembri kienet dik ta’ nhar il-Ġimgha 27 ta’ Ġunju fil-boxing. L-avveniment li ħa sehem fih kien faċilment l-ikbar wieħed fl-istorja ta’ Malta, fejn kien fih 14-il ġlieda bi tnejn minnhom professjonali. Din il-kompetizzjoni kienet organizzata minn Demis Tonna, promoter tal-ogħla kwalità, u kienet ilha tiġi reklamata minn bosta żmien qabel, allura l-partitarji attendew għaliha bi ħġarhom, fejn kien hemm attendenza ta’ ’l fuq minn 1,600 ruħ. 

Schembri li kien qiegħed jistenna dan l-aveniment b’ħerqa kbira, minħabba l-fatt li kien se jiġġieled għat-titlu ta’ Champion Nazzjonali tal-Prizeboxing Promotions fil-kategorija tal-piż tiegħu, li huwa wieħed mill-iktar titli prominenti fix-xena tal-boxing semi-professjonali Maltija. Il-preparazzjoni tiegħu kienet waħda mill-aqwa, fejn bħas-soltu huwa kien iggwidat mill-aqwa kowċ u boxer professjonali Malti, Super Steve Martin. Barra minn hekk, kompla bil-ħidma li kien beda fil-preparazzjoni għall-ġlieda ta’ qabel ma Clayton Gatt fuq strength and conditioning, ’il għaliex ħass li t-taħriġ fiżiku tiegħu kien qiegħed jagħmillu ħafna ġid. F’kummneti li għadda lil dan il-ġurnal, Schembri semma b’ċerta enfasi l-isparring li jagħmel ma’ Tyrone ‘El Terribile’ Borg, boxer professjonali Malti ieħor li jitħarreġ fil-Fight Factory tal-ogħla kwalità u b’rekord mingħajr telfa, u ma’ Richard ‘The Viper’ Vella, wieħed mill-aqwa boxers li għandna fix-xena semi professjonali Maltija. Barra minn hekk, it-tliet boxers li semma qabel Schembri, u boxer promettenti ħafna ieħor Mario ‘Il-Gross’ Borg, kienu telgħu erbat ijiem ta’ taħriġ l-Ingilterra fit-Trad TKO, fejn għamlu sparring sessions ma’ boxers tal-ogħla kwalità.

Dan wassal biex Christian jidħol fir-ring totalment konċentrat u kunfidenti fl-abbiltà tiegħu u konvint li kellu ċans tajjeb li jikseb it-titlu fit-taqbida kontra Chris Debono, boxer ta’ esperjenza kbira Malti. Schembri u Chris Debono għamlu s-sitt rawnds sħaħ, u l-ebda wieħed minnhom ma ried iċedi, iżda fl-aħħar nett il-wirja ta’ Christian kienet iġġudikata li kienet iktar aggressiva u preċiża, allura l-ġudikaturi ddeċidew li jagħtu r-rebħa bil-punti lilu. Din kienet rebħa ta’ sodisfazzjon kbir għal Christian, għaliex wettaq xewqa li minn dejjem kellu - li jirbaħ it-titlu ta’ champion nazzjonali, u t-tieni għax ir-rebħa ġiet kontra boxer ta’ esperjenza u kwalità. 

Wara ftit jiem ta’ mistrieħ li Schembri ħa wara dan is-suċċess, il-kowċ tiegħu Super Steve Martin ikkonferma li se jkun hemm avveniment kbir ieħor fit-22 ta’ Awwissu, ‘Casino Royale’, li se jsir fil-Hilton Hotel, fejn hu se jidħol fl-istorja ta’ Malta għax se jkun l-ewwel boxer Malti li jikkompeti għal titlu Mondjali Professjonali, u dan juri biċ-ċar kemm hu boxer ta’ livell kbir. Huwa avvanza tant li il-promoter ta’ dan l-avveniment, Steven Vaughan, ta ċ-ċans lill-boxers Maltin li jikkompetu f’dan l-avveniment kontra boxers mill-Bulgarija, u għalhekk Schembri reġa’ beda jitħarreġ b’intensità biex ikun fl-aqwa forma, għaliex ma kienx se jitlef l-opportunità li jkun parti minn avveniment storiku bħal dan. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas Christian Schembri, xtaq bħal dejjem jirringrazzja lill-familja tiegħu, il-kowċis u lil sħabu tal-għajnuna li jtuh kuljum għat-taħriġ, li mingħajrhom ma kienx żgur jasal li jikkompeti għal dan it-titlu. Huwa xtaq jgħaddi ringrazzjament kbir ukoll lill-partitarji tiegħu tal-kuraġġ kbir li għamlulu waqt it-taqbidiet tiegħu. 

Fl-aħħar nett nixtieq inħeġġiġkom biex ma titilfux l-opportunità li taraw l-avveniment storiku li jmiss fit-22 ta’ Awwissu b’għajnejkhom, fejn bħas-soltu se jkun hemm boxing tal-ogħla kwalità bl-aqwa boxers Maltin mill-Fight Factory kontra avversarji internazzjonali. Jekk tixtiequ tixtru l-biljetti, tistgħu ċċemplu fuq 79311928 jew 99672300 għal iktar informazzjoni.

More in Sports