“Irrid nagħti risposta kbira lil min m’emminx fija” – Kurt ‘Maxi’ Magro

Il-klabb ta' Vella jaċċetta li jibgħat lil Kurt Magro b'self għal sena ma' Mosta FC

Wara tliet xhur ta’ diżappunt totali minħabba l-parametri li jinvolvi l-futbol Malti, il-klabb ta’ Valletta aċċettaw li jibagħtu lil Kurt ‘Maxi’ Magro b’self għal sena ma’ Mosta fejn niftakru li Magro kien diġà jimmilita ma’ dan it-tim fil-passat riċenti. Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Kurt innifsu fejn talbu jirrakkontalna x’fissru l-aħħar tliet xhur għalih u kif qed iħares lejn il-futur tiegħu ma’ Mosta. 

Huwa qal li “Kienet iebsa ħafna għalija għax Valletta lanqas biss għajtuli għall-pre season magħhom għax skont il-kumitat Gilbert Agius – kowċ ta’ Valletta ma kellux bżonni.

Allura kelli nibqa’ nagħmel taħriġ waħdi biex nibqa’ tajjeb ħalli kif jinqala tim inkun ippreparat sew. Kienu tliet xhur ta’ ħidma kbira għax biex tagħmel taħriġ waħdek trid tkun dedikat. Sibt għajnuna kbira mill-MFPA (Malta Football Players Association) minn Carlo Mamo u Konrad Sultana.

Għax għamilt erba’ ġimgħat nagħmel taħriġ magħhom u lgħabna logħba ta’ ħbiberija kontra Valletta wkoll.

Meta spiċċat din l-avventura sabiħa ħafna erġajt ġejt mingħajr tim u komplejt fejn ħallejt b’ħafna xogħol fil-gym u ħafna ġiri.

Qabel ma avviċinawni Mosta kont iltqajt ma’ diriġenti ta’ Żebbuġ Rangers però ma wasalna mkien imbagħad u sa fl-aħħar avviċinawni Mosta.

Ħadet ħafna żmien biex sar it-trasferiment għaliex Valletta riedu jagħtu ċifra lill-Mosta biex iseħħ it-trasferiment.

Jien diġà kont ma’ Mosta u għalhekk ma sibtha xejn iebsa biex nerġa’ nirritorna ma’ dan il-klabb li nħobbu ħafna għax dejjem rajt rispett kbir minnu. Il-partitarji Mostin huma partitarji b’qalb kbira u jħobbu lill-klabb.

Il-kumitat irsista ħafna biex jakkwistani għax jafu li jien dejjem nilgħab għall-flokk li nilbes u nġib rispett kbir lejn il-klabb li nkun qiegħed nilgħab miegħu.

L-aktar tliet persuni li ħadmu biex dan iseħħ kienu Adrian Farrugia, il-President ta’ Mosta, George Galea u Manuel Buhagiar.

Kieku ma kinux dawn għalija jiena waqaft mill-futbol għax kienet iebsa ħafna biex Valletta jsellfuni lil xi tim ieħor għax bdew jitolbu parametri biss. Ma ridux isellfuni għal sena peress li jien spiċċali l-kuntratt u ma tawnix kuntratt ieħor. Però nirringrazzja lil Alla nqalgħu dawn in-nies u rsistew biex jeħduni. Nixtieq nirringrazzja wkoll minn qalbi lill-kumitat ta’ Valletta kollu talli ma baqax iebes miegħi u ħallieni nkompli l-karriera tiegħi però l-iktar wieħed lil Alexander Fenech, iktar magħruf bħala “s-Sunny” li kelli ħafna diskursati miegħu u għeni ħafna biex inkun nista’ mmur ma’ Mosta. Li ma kienx hu ma mort imkien.

Nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi – missieri, ħija u ommi tal-paċenzja li ħadu bija għax kienu tliet xhur ta’ dwejjaq u ta’ nkwiet kbir għax aħna kulħadd jaf li aħna familja li għandha x’taqsam ħafna mal-futbol Malti. Sibt ħafna appoġġ mingħandhom. Nixtieq ngħid grazzi kbira lit-tfajla tiegħi Gwen – il-futura mara tiegħi tal-paċenzja li ħadet bija għax kien mument diffiċli ħafna sakemm sibt klabb.

Kurt ‘Maxi’ Magro fl-azzjoni bil-flokk tal-klabb li għadu kif irritorna miegħu - Mosta FC
Kurt ‘Maxi’ Magro fl-azzjoni bil-flokk tal-klabb li għadu kif irritorna miegħu - Mosta FC

Issa li bdejt nitħarreġ mal-Mosta rrid ninsa dak iż-żmien ikrah u nħares ’il quddiem biex inkompli fejn ħallejt u nagħti risposta kbira lil min ma emminx fija u ngħin lill-Mosta FC jaqtgħu xewqithom u jilagħbu fl-Ewropa. Hemm grupp ta’ plejers tajbin ħafna u hemm materjal biżżejjed biex nisfidaw għall-unuri. Il-grupp huwa eċċellenti u kif mort l-ewwel darba laqgħuni tajjeb ħafna. Issa nħares ’il quddiem u naħdem biex dan l-istaġun ikun wieħed memorabbli.”

More in Sports