“Il-basketball Malti reġa’ lura fit-triq it-tajba” – Josephine Grima

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet it-tim nazzjonali femminili tal-basketball rebaħ midalja tal-bronż fil-European Championship for Small Countries wara li għeleb lill-Iskozja fil-logħba għat-tielet u r-raba’ post.

It-tim nazzjonali tal-basketball tan-nisa li kiseb il-bronż fl-Awstrija
It-tim nazzjonali tal-basketball tan-nisa li kiseb il-bronż fl-Awstrija
Josephine Grima fl-azzjoni
Josephine Grima fl-azzjoni

Fil-fażi tal-gruppi Malta tilfet 46-85 kontra l-Iżlanda li eventwalment rebħu l-grupp filwaqt li għelbu lill-Ġibiltà 25-93 biex spiċċaw it-tieni fi Grupp B u qatgħu post fis-semi finali. Hawn iltaqgħu mal-Awstrija, li eventwalment rebħu l-kompetizzjoni u tilfu 58-46. Malta kien imissha tilgħab għall-midalja tal-bronż fejn għelbu lill-Iskozja 66-59 u hekk spiċċaw fit-tielet pożizzjoni u b’midalja tal-bronż.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Chris Agius, feraħ lit-tim femminili tal-Basketball u lill-kowċ Taljana Angela Adamoli u l-assistent tagħha Christoph Stolp għal din ir-rebħa importanti. Huwa faħħar l-impenn tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball taħt it-tmexxija tal-President Paul Sultana li f’dan l-aħħar xahar irnexxielhom jakkwistaw erba’ midalji; deheb mit-tim nazzjonali maskili ta’ taħt is-16-il sena, fidda mit-tim nazzjonali femminili ta’ taħt is-16-il sena u fidda mit-tim nazzjonali tal-irġiel, minbarra din il-midalja tal-bronż mit-tim nazzjonali tan-nisa.

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ waħda mill-iktar plejers importanti u ta’ esperjenza ta’ dan it-tim kif ukoll il-captain tal-istess tim, Josephine Grima fejn talabha tirrakkontalna l-esperjenza tat-tim nazzjonali rebbieħ tal-midalja tal-bronż fl-Awstrija. Tajjeb ngħidu wkoll li l-istess Josephine Grima ġiet magħżula bħala waħda mill-aqwa ħames plejers ta’ dan it-tournament. Hija saħqet li: 

“Kienet esperjenza kbira u nħoss li din kienet waħda mill-iktar midalji importanti li qatt irbaħt f’ħajti. Għalkemm hija midalja tal-bronż, għalija għandha valur ta’ waħda tad-deheb. Ħdimna qatigħ matul din is-sena u żgur li kien jimmeritana li nirbħu midalja. Fis-semi finali kontra l-Awstrija, fl-opinjoni tiegħi ma kienx ħaqqna li nitilfu. 

Iż-żewġ kowċis ippreparaw il-logħbiet flimkien tant tajjeb li sa minn meta bdiet il-logħba, nista’ ngħid li rajt xi uċuħ inkwetati tal-plejers Awstrijaċi. Id-difiża tagħna kienet waħda mill-aqwa. Sfortunatament huwa diffiċli ħafna li tkun perfett fil-logħba kollha u ħallejniehom jirbħu wisq rebounds offensivi u tlifna xi blalen li minnhom huma approfittaw bis-sħiħ. 

Ġejna lura b’midalja tal-bronż iżda b’valur ta’ waħda tad-deheb u rbaħna lura r-rispett li konna tlifna matul is-sena li għaddiet wara l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fil-Lussemburgu. Il-basketball Malti reġa’ lura fit-triq it-tajba.”

More in Sports