Intervista Lokali Barranin

Il-moħħ wara l-ġlieda kontra l-kankru tal-korruzzjoni fil-futbol lokali

Franz Tabone - Huwa l-’Integrity Officer’ tal-MFA fejn huwa rikonoxxut bħala wieħed mill-aqwa fl-Ewropa mill-UEFA fost il-persuni li jokkupaw din il-kariga ferm delikata u li ġġorr magħha responsabbiltà kbira.

Cristian Muscat / 11 t'April 2016 17:57
Kif beda l-interess tiegħek fil-futbol?

Il-logħba tal-futbol hija parti mill-familja fejn fost l-oħrajn, missieri kien ukoll kowċ ta’ Floriana Ajax.

Irrakontalna xi ftit dwar il-karriera tiegħek bħala plejer.

Nibda biex ngħid li jien qatt ma qlajt sold wieħed mil-logħob tal-futbol, u dejjem lgħabtu għall-pjaċir biss. 

Għalkemm niġi minn familja tal-futbol, missieri qatt m’għamel pressjoni fuqi jew fuq ħuti sabiex nilagħbu l-logħba. Bdejt nilgħab mat-tim ta’ Qormi, għaliex inzerta li missieri kien kowċ hemmhekk, u ridt nibda nilgħab mal-minors. Ma’ Qormi kont għamilt sena fejn sal-lum niftakar il-pjaċir li kont nieħu f’ambjent bażiku tal-futbol. 

Wara Qormi, mort ma’ Melita fejn qattajt iżjed minn tmien staġuni nilgħab fil-kategoriji tal-Minors, Reserves u First Team. Imbagħad inqalgħet sitwazzjoni fejn Melita ma kinux jieħdu pjaċir li plejers minn tagħhom jilagħbu fis-Sliema Sports Association (SSA). Għalija d-deċiżjoni kienet faċli u għażilt l-SSA li kien jintlagħab futbol ferm kompetittiv. L-SSA kien Kampjonat li minnu ħarġu ħafna plejers tajbin u s-Sliema WFC kienu jagħtuh ħafna importanza biex isibu plejers ġodda u anke jibagħtu plejers tagħhom jilagħbu fih.

Irritornajt nilgħab f’Kampjonat tal-MFA meta ingħaqadt għal sena ma’ Sirens FC fir-raba’ diviżjoni meta ħadna l-promozzjoni. Sena minnhom meta kont nilgħab mal-Luxol fl-SSA, iddeċidejna li nidħlu b’tim f’Kampjonat tal-MFA. Għamilt sena waħda u kont kważi rtirajt.

Ġara li Robert Kelly kien inħatar kowċ ta’ Naxxar Lions u staqsieni jekk ridtx immur miegħu għax kien hemm proġett li n-Naxxar Lions jiġu promossi għall-ewwel darba wara żmien twil ħafna. Kienet proposta interessanti u għalkemm kont kbirt, kont għadni nħobb it-taħriġ u kont għadni nilgħab f’kampjonati oħrajn. Qattajt sentejn indimentikabbli ma’ Naxxar Lions fejn ħadna żewġ promozzjonijiet u knock-outs. Bi plejers Maltin u barranin ta’ kwalità kellna tim ta’ qawwa. Iżda l-akbar sodisfazzjon kien li fl-1987 fl-età ta’ 38 sena, lgħabt kontra l-Manchester United fl-ewwel sena ta’ Sir Alex Ferguson bħala kowċ tar-Red Devils, u l-captain Bryan Robson. Kellna magħna fit-tim guest plejers Ingliżi ta’ fama. It-telfa kbira li sofrejna dakinhar ma fissret xejn ħdejn l-esperjenza pożittiva li ħadt minn dik il-logħba.

F’dan iż-żmien kollu kont lgħabt ukoll fl-MHRSA, IASC, MAFA u fil-GIDA b’mod regolari sal-età ta’ 63 sena. Waqaft nilgħab futbol 5-a-side fl-età ta’ 65 sena.

Bħala ‘Integrity Officer’ tal-MFA, kont tħoss li diġà kienet teżisti l-korruzzjoni lura fi żmien li kont tilgħab? 

Il-korruzzjoni tfisser meta timmanipula riżultat għal skopijiet differenti. Minn dejjem ta’ dejjem kien hemm dubji dwar jekk avvenimenti sportivi ġewx immanipulati jew le. Issa llum dan il-fenomenu ħareġ iżjed fil-beraħ għaliex ħa qabża f’ambjent ieħor. Fejn fil-passat il-korruzzjoni setgħet kienet preżenti prinċiparjament sabiex tim jirbaħ lill-ieħor, illum hawn iżjed opportunitajiet li jsir gwadann mill-imħatri. Dan kompla jikber u jsir iżjed possibli minħabba t-teknoloġija li tant żviluppat illum il-ġurnata u saret iżjed sofistikata li l-aċċessibilità biex tilgħab hija faċli ħafna. B’hekk it-tentazzjonijiet laħqu livelli għoljin.

Franz Tabone qed jiġġieled ‘battalja mitlufa’, għax il-korruzzjoni fil-futbol permezz tal-betting inferxet wisq u anki għaliex bħala ‘Integrity Officer’ tal-MFA, qiegħed waħdek?

Li hija battalja diffiċli, huwa minnu. Sfortunatament hija tentazzjoni kbira għaliex il-flus kapaċi jagħmuk, speċjalment f’sitwazzjoni fejn tkun tinsab dahrek mal-hajt. Ma naħsibx li hi battalja mitlufa, u kieku ili li waqaft niġġilidha. Hawn ħafna nies li jistgħu jipprevjenu li dan l-isfreġju jibqa’ jikber. Dawn huma n-nies ġenwini fil-futbol li llum jew għada ta’ bilfors iridu jkunu parti akbar fil-ġlieda. Jien inħoss li nies kapaċi u li għandhom il-futbol għal qalbhom jindunaw li bis-saħħa tagħhom stess jingħaqdu iżjed minn qatt qabel.  

Nippreferi li fil-pożizzjoni tiegħi, qiegħed waħdi u fis-sitwazzjoni u l-mod kif naħdmu, huwa biżżejjed speċjalment meta l-assistenza tal-pulizija tkun f’postha. Jien u l-Prosekutur tal-MFA, Adrian Camilleri, niffurmaw tim sod.

Fil-’press box’ mal-ġurnalisti, ikun hemm persuna tagħmel xogħol relatat ma’ betting għall-kumpanija Sportradar. Dan ifisser li l-MFA hi kompliċi fil-betting, u x’inhu l-irwol tal-iSportradar?

Il-betting hija attività kompletament legali u ta’ saħħa kummerċali kbira speċjalment f’pajjiżna, imma bħall-attivitajiet kummerċjali oħra, tista’ tiġi abbużata. Dak li qiegħed jiġri bil-match-fixing.

Sportradar hija kumpanija li b’awtorizzazzjoni tal-UEFA tħares lejn il-betting patterns biex tara jekk jistax ikun hemm indikazzjoni ta’ match-fixing. Li nagħmlu aħna bil-livescouts awtorizzati li jkun hemm l-istadium, b’parti żgħira ngħinu f’dan l-eżerċizzju. Sportradar kienu strumentali f’diversi każi li nkixfu u ttieħdu passi mill-pulizija. 

Sportradar flimkien mal-UEFA jibnu database fuq kull individwu li jipparteċipa f’kull logħba u minn dak, aħna qegħdin f’pussess ta’ informazzjoni importanti.

Hemm scouts oħrajn li jkunu l-istadium, bla permess, jaħdmu illegalment għall-kumpaniji oħra. Dawk huma li veru jinkwetawna għax jistgħu jkunu qegħdin jgħinu organizzazzjoni dubjuża.

Ilek tokkupa dil-kariga mill-2011. Ħafna nies isaqsu, kif minn dak iż-żmien ‘l hawn, ftit nies ġew akkużati u investigati?

Lil dawn il-ħafna nies ngħidilhom li żgur jafu d-diffikultà tas-suġġett. Jista’ jkun li anke huma jafu ċerti dettalji iżjed minna u qatt ma ġew għandna bihom. Iridu jifhmu li huwa fl-interess tagħhom stess u m’għandhomx jistennew lill-MFA waħedha taħdem fuq din il-kriminalità. Nassigurahom li għamilna iżjed minn qatt qabel f’ambjent li ggrava ferm iżjed mill-passat. Kull meta kellna l-iċken ħjiel qatt ma qagħdna lura, u dejjem noħorġu għonqna. Aħna dejjem lesti nisimgħu u naġixxu immedjatament. Il-kritika infondata ma tagħmilx ġid.

Allegazzjoni kerha li tisma’ hija li ‘Franz Tabone mdaħħal ukoll’. Xi twieġeb għal dawn ix-xniegħat?

M’iniex sorpriż. Jista’ jkun li rfist ħafna kallijiet u allura jridu jippruvaw iwaqqfuni. Jekk hemm min irid iħammigni, f’idejh, imma jien m’għandix diffikultà għaliex m’hemm l-ebda bażi. Anzi dan isaħħaħni u nieħu ċertu sodisfazzjon li jitkellmu hekk fuqi, għaliex dak ifisser li qiegħed ninkwetahom bis-sħiħ u jippruvaw jitfgħu d-dubji fuqi għall-għanijiet personali tagħhom. 

"Nemmen li uħud mill-klabbs lokali tal-futbol, sfortunament, jistgħu jiġu ttentati u sfruttati biex jiffinanzjaw ruħhom esklussivament mill-match-fixing u mill-betting"
Hemm nibqa’ tinkwetax. Dawn il-kummenti isaħħuni u lil dan il-persuna jew lil dawn in-nies ngħidilhom li lili ħadd u xejn mhu ħa jżommni milli nibqa’ naħdem b’ruħi u ġismi f’din il-battalja tagħna kontra dawk li rrovinaw il-futbol.

F’newsletter ta’ kull xahar, kont għidt li l-futbol Malti huwa infestat minn persuni li jiddegradaw l-ispirtu sportiv u li l-klabbs tal-futbol Malti jiffinanzjaw lilhom infushom billi jimmanipulaw logħbiet li jkunu nvoluti fihom, jilagħbu l-flus fuqhom u r-rebħ imur biex jiġi finanzjat il-klabb. Għal dan, Adrian Delia, f’isem il-Premier League Standing Committee (PLSC) talbek biex tissostanzja l-allegazzjonijiet, għax ‘dawn kienu jxejnu r-reputazzjoni tal-klabbs li jimmilitaw fil-futbol Malti’. Għalhekk, Delia talbek tipprovdi evidenza jew tirtira l-allegazzjonijiet. 

Li kont għidt f’dik in-newsletter, dejjem minħabba d-dispjaċir tiegħi b’dak iż-żmien partikolari, kont għidtu fin-newsletter li ħriġt qabilha, iżda dik ġiet ippubblikata fuq il-mezzi soċjali u minn hemmhekk splodiet, u allarmat lil ħafna. Iżda nħoss li f’dik in-newsletter numru 35, stajt ġejt ikwotat ħażin u dak li għidt forsi ttieħed barra mill-kuntest. Kienu qalu wkoll li jien tfajt lil kulħadd fl-istess keffa, li mhux il-każ. Iżda li verament jinkwetani hu li, allura min attakani setgħu kienu jafu li teżisti dik il-keffa, irrispettivament min qiegħed fiha. L-affarijiet bejnietna kienu ċċarati u mhuwiex ta’ ġid li nibqgħu nitkellmu fuq dan għax ma jagħmel l-ebda sens u jdawwar il-mira. Naf li qegħdin fuq l-istess kapitlu.

Għadek taħseb hekk?

Iva, nemmen li wħud mill-klabbs lokali tal-futbol jistgħu sfortunatament jiġu ttantati u sfruttati biex jiffinanzjaw ruħhom mill-match fixing u mill-betting. U dak hu fejn aħna disposti biex ngħinuhom jaħarbu mill-periklu.

Ma taħsibx li dawn huma kummenti u rimarki ferm inkwetanti għall-futbol Malti?

Hemm żewġ modi kif tipprova ssolvi problema. Jew titkellem fuqha biex issib l-għajnuna u s-soluzzjoni jew toqgħod kwiet u tittama f’miraklu. Agħżel int!

Dawk il-klabbs li jafu li qed jaħdmu b’mod nadif u trasparenti m’għandhomx x’jinkwetaw rigward id-dikjarazzonijiet li kont għamilt.

Issa tajt l-opporunità lill-klabbs kollha li jsiru jafu l-fatti kif verament huma, u jekk mhumiex konxji ta’ dak li qiegħed iseħħ fl-ambjenti tagħhom, għandhom jagħmlu minn kollox biex isiru jafu. Il-ballun jinsab f’saqajhom. Jien mexxejthom, issa sta għalihom li jagħmlu r-riċerki interni tagħhom. U jien dejjem lest biex ngħinhom kull meta u fejn iridu huma. 

Spjegalna fid-dettall x’inhu l-irwol u x’jinvolvi eżatt ix-xogħol tiegħek bħala ‘Integrity Officer’ tal-MFA.

L-’Integrity Officer’ jifforma parti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-MFA, u nopera b’mod individwali b’komunikazzjoni kontinwa mal-President, Segretarju Ġenerali u l-Kap legali tal- MFA, barra ovvjament mal-Prosekutur.

Hekk kif ili nokkupa din il-kariga għal ħames snin sħaħ, issa nħoss li stabbilejt sew il-kuntatti tiegħi f’dan il-qasam delikat, kemm f’pajjiżna mal-Pulizija ta’ Malta, kif ukoll barra minn xtutna, fosthom mal-Interpol, il-Europol, il-Pulizija ta’ Bochum fil-Ġermanja, il-Guardia di Finanza tal-Italja, il-FIFA, il-UEFA, Sportradar, Betfair, ESSA, MGA u organi oħra Ewropej u iżjed importanti man-network tal-Integrity Officers kollha fuq il-kontinent. Ma’ dawn kollha fuq bażi personali ma’ individwi li lkoll kienu ferm strumentali biex isaħħu l-pożizzjoni tiegħi u anke l-għarfien tiegħi bħala’Integrity Officer’ tal-MFA.

Dak li kont poġġejt bħala l-prijorità tiegħi kienet dik li nassisti lill-persuni onesti fil-futbol u li nqaċċat ‘il barra persuni ħżiena li kienu nfiltraw fil-futbol b’mod veloċi wisq u li għamlu kapital minn sitwazzjoni li diġà kienet vulnerabbli. Il-match-fixing kien laħaq livell ieħor u kellu jiġi ndirizzat b’mod differenti u jinghata prijorità u attenzjoni speċifika.

B’hekk, jien bħala ‘Integrity Officer’ tal-MFA kelli nibda r-riċerki dettaljati tiegħi u nibda nifhem dan is-suġġett ferm vast u kumpless, fejn bdejt indur Malta kollha nitkellem f’ dawk li huma ‘Integrity Tours’, u anke barra minn Malta fejn mexxejt lezzjonijiet rigward match-fixing lill-mijiet ta’ persuni midħla tal-futbol u anki barra mid-dinja tal-futbol. Bħalissa, jien rikonoxxut mill-UEFA bħala wieħed mill-aqwa ‘Integrity Officers’ fl-Ewropa. L-esperjenza u x-xogħol tiegħi huwa mfittex minn organi Ewropej. Madankollu, fil-bidu bdejt ninnota li għalkemm bdejt nagħti l-enerġija u s-saħħa tiegħi kollha biex nagħti informazzjoni eżatta, ma kontx qed nintlaqa’ b’mod tajjeb minn kulħadd. Dan hekk kif ħassejt li diversi persuni bdew jinterpretawni ħażin u jifhmu l-messaġġ tiegħi b’mod żbaljat. Ħasbu li kont qed nagħmel dan ix-xogħol biex nagħmel ħsara lilhom personali, jew biex inħassar ir-reputazzjoni ta’ xi wħud. Altru minn hekk, dak li kont interessat fih, kien biss li nagħti stampa iktar nadifa lil-logħba tant sabiħa tal-futbol. L-oġġettiv tiegħi mhuwiex dak li niddixxiplinaw in-nies jew nitfawhom il-ħabs, imma li ma naslux viċin għal dak il-pass.

Inħoss li parti mill-missjoni tiegħi diġà ġiet milħuqa hekk kif irnexxieli nqajjem reazzjoni mingħajr preċedent f’pajjiżna rigward dan is-suġġett ferm delikat. Dan hekk kif wara l-famuża Newsletter numru 35, ġejt mistieden minn bosta programmi televiżivi sportivi iżda wkoll oħrajn ta’ ġrajjiet kurrenti biex niddiskuti dan is-suġġett inkwetanti. Barra minn hekk, wara din in-newsletter 35, li anke spiccat tinqara fil-parlament, twaqqfet ‘Task Force’ li taħdem kontra l-Korruzzjoni fl-isport, immexxija mill-MFA għaqqadna l-awtoritajiet governattivi, l-Oppożizzjoni, il-Pulizija, SportMalta, u lill-Malta Gaming Authority. Dan huwa pass bla preċedent u flimkien se nsaħħu l-liġi u l-koperazzjoni.  

"Ħadd u xejn mhu ħa jżommni milli nibqa’ naħdem b’ruħi u ġismi f’din il-battalja tagħna kontra dawk li rrovinaw il-futbol"
Jien naħseb li wettaqt xogħol mill-aqwa u ħriġt bil-fatti kif verament huma. Dan qatt ma kien mitkellem bil-miftuh għal aktar minn 100 sena.  Issa jiddependi mill-persuni onesti fil-futbol, li nemmen li huma fi stramaġġoranza, biex huma wkoll jagħmlu l-parti tagħhom. Huma m’għandhomx jitilfu l-focus mir-realtà għal xi teknikalità jew jekk jien ngħid xi ħaġa sforz l-imħabba tiegħi lejn il-logħba tal-futbol. Din mhux biss ma tkunx qed tgħin biex isir il-progress, iżda talli tkun qed iċċaħħad milli dan isir. Il-mira hija waħda, li lkoll naqblu fuqha.

Issib għajnuna mill-Pulizija ta’ Malta fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-futbol Malti? F’intervisti passati kont għidt li l-għajnuna li ssib mill-Pulizija ta’ Malta hija waħda minima għall-aħħar. Din għadha hekk illum il-ġurnata, jew inbidlet mal-medda tas-snin?

Kemm ili ‘Integrity Officer’ fi ħdan l-MFA, f’dawn l-aħħar ħames snin jien ħdimt ma erba’ Kummissarji tal-Pulizija differenti u ħames Spetturi. Huwa minnu li fil-passat, meta bdejt nokkupa din il-kariga, l-għajnuna mill-Pulizija ma kinitx konsistenti għal raġunijiet li llum nifhimhom ferm iżjed. Iżda llum b’wiċċi minn quddiem nista’ ngħid li l-folja nqalbet ħafna għall-aħjar fejn qed insib għajnuna kbira mill-Pulizija speċjalment minn dawk li taħthom taqa’ r-responsabbiltà li jiġġieldu u jinvestigaw il-kankru tal-korruzzjoni fl-isport, fosthom fil-futbol. Kienet parti mill-programm edukattiv tagħna li nuru lill-pulizija d-diffikultajiet vera x’inhuma, u fehmunha.

L-ewwel biċċa xogħol prinċipali li kellek bħala ‘Integrity Officer’, kienet li tinvestiga l-allegazzjonijiet tal-match-fixing fil-logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2008 bejn in-Norveġja u Malta, mirbuħa min-Norveġiżi 4-0, wara li l-Kroat li kien instab ħati ta’ korruzzjoni, Marijo Cvrtak, informa lill-pulizija Ġermaniża li kien avviċina xi plejers Maltin u tahom somma flus biex jitilfu logħba. Tina d-dettalji kollha rigward din il-logħba li tant għamlet ħoss fil-media lokali u anke f’dik internazzjonali.

Din il-logħba partikolari kienet tefgħetna f’realtà kerha tal-match-fixing fil-futbol għal skopijiet ta’ betting, u li anki aħna bħala Malta konna sirna parti integrali ta’ dan il-fenomenu.

Meta nitkellem fuq dan l-episodju jaqbadni ċertu dwejjaq għax ma stajtx nifhem kif dawn l-affarijiet li huma partikolarment assoċjati l-iżjed ma’ pajjiżi tat-tielet dinja, setgħu jolqtu lilna. Qegħdin nitkellmu fuq it-tim nazzjonali Malti hawn, li huwa t-tim ta’ kull ċittadin Malti. Kien il-każ li lili tefagħni kif jgħidu bl-Ingliż, ‘At the deep end u kien ukoll Baptism of Fire’ għalija. Tmintax-il xahar minn ħajti marru fuq dan il-każ. L-esperjenza u t-tagħlim li ħadt minnu servieni biex nimxi ferm ‘il quddiem. 

Id-dettalji ta’ dan il-każ għalkemm importanti m’għandix, f’dan l-istadju, m’hemmx skop li nerġa’ nsemmihom. Forsi ‘l quddiem jiġi ppubblikat ktieb bl-istorja.

Li nħoss żgur hu li dan il-każ m’għamilx ġid għall-futbol tagħna. Għad għandi daqsxejn rabja dwaru għal raġunijiet varji, imma l-liġi hi dik li hi.

Franz Tabone kif qed iħares lejn il-futur ta’ din il-battalja kontra l-kankru tal-match-fixing fil-futbol lokali u anke dak internazzjonali?

L-edukazzjoni hija s-sigriet ta’ kollox u tirbaħ dejjem. Din hija arma importanti u l-aktar b’saħħitha li għandna. Aħna mhux se nieqfu milli nxerrdu l-kelma fuq kull livell tal-futbol u s-soċjetà. Inħoss li l-avvenimenti riċenti u skonċertanti għandhom fihom timbru pożittiv tal-edukazzjoni li aħna tajna madwar il-klabbs lil aktar minn 1,200 plejer. Inħoss li l-messaġġ tagħna fetaħ għajnejn ċerti individwi.

Poter jew maġija biex inwaqqaf kollox m’għandix, allura nagħmel dak kollu possibli biex nuża l-poter li għandi, u li ħadd qatt ma’ jista’ joħoduli - dak biex neduka u nagħti pariri siewja lil kull min għandu bżonn. B’hekk nispera li ħafna jifhmu l-gravità tas-suġġett u jersqu aktar lejna biex onestament jiġġieldu din il-ġlieda kruċjali għall-futbol tagħna. Inħoss li jien s’issa tajt u se nibqa’ nagħti sehmi bis-sħiħ u bla ebda kundizzjoni!

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook