Intervista Lokali Barranin

Iż-żagħżugħ Belti jwettaq il-ħolma ta’ ħajtu ma’ Valletta

Llywelyn Cremona - għalkemm ta’ 20 sena, qed ikollu staġun mill-aqwa ma’ Valletta, tant li kiseb post b’mod regolari mal-ewwel 11 fit-tim mimli stilel ta’ Valletta. Huwa wkoll pedina ferm importanti tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, b’aspirazzjoni li ’l quddiem jirnexxielu jagħmilha fit-tim nazzjonali tal-kbar.

Cristian Muscat / 16 ta' Frar 2016 19:47
Kif għażilt il-futbol fost tant sport ieħor?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol minn dejjem kienet fija, speċjalment minħabba missieri li kien kowċ u anki minn xi membri tal-familja oħra tiegħi, li huma wkoll iffissati fuq il-futbol.

Kif tiddeskrivi l-istaġun ta’ Valletta s’issa, speċjalment wara li qabel il-bidu ta’ dan l-istaġun, xejn ma kien hemm aspettativi li kontu se tiġġieldu għall-unuri prinċipali? 

S’issa sejrin tajjeb, iżda rridu nżommu saqajna mal-art. Bdejna l-istaġun bl-aspettattiva li ma konniex se niġġieldu għar-rebħ tal-Kampjonat, għalhekk ma kellniex il-pressjoni tas-soltu li t-tim ta’ Valletta irid dejjem jiġġieled għall-unuri. It-tragward tagħna bħala tim fil-bidu tal-istaġun ma kienx dak li nirbħu l-Kampjonat, iżda dak li nibnu l-pedament għas-snin li ġejjin. 

M’hemmx dubju li sikkittu lill-kritiċi tagħkom u tajtu risposta lil kulħadd, hekk kif tabilħaqq tinsabu fl-ewwel post tal-Kampjonat BOV Premier... 

Hekk hu. Issa la qegħdin f’din il-pożizzjoni, irridu nippruvaw nibqgħu hemm sal-aħħar, u ma naqtgħux lura biex fl-aħħar mill-aħħar, f’Mejju li ġej niġġieldu għar-rebħ tal-Kampjonat. 

Jidher li l-kowc ta’ Valletta Paul Zammit għandu fiduċja assoluta fik, hekk kif regolarment qed narawh jinkludik mal-ewwel 11 tat-tim Belti. Xi jfisser għalik dan il-kowċ?

Fil-bidu tal-istaġun kont tkellimt b’mod personali miegħu, fejn kien qalli li hu jemmen ħafna fil-potenzjal tiegħi u kont se nkun inkluż iktar fl-iskwadra ta’ Valletta. Jien biex nirringrazzja lilu tal-fiduċja assoluta li hu kien wera fija, bdejt nimpenja iktar ruħi fit-taħriġ tiegħi u anki fil-grawnd. 

Sfortunatament, fil-passat riċenti rajna xi plejers Beltin bħal Ian Zammit, Kurt ‘Maxi’ Magro u l-goalkeeper Yenz Cini, li ftit li xejn ingħataw ċans ma’ Valletta u b’hekk ingħaqdu ma’ timijiet oħra biex magħhom jingħataw iktar ċans li jkunu fl-azzjoni. Iżda jidher li dan l-argument ma jgħoddx għalik, hekk kif int ingħatajt iċ-ċans li tkun fl-ewwel skwadra ta’ Valletta. X’tikkummenta rigward dan? 

Kont fortunat, però naħseb li ħdimt biex nilħaq dan it-tragward fejn sibt ukoll l-għajnuna tal-kowċ Paul Zammit, kif ukoll tal-plejers sħabi. 

X’inhuma l-opinjonijiet tiegħek fuq il-president ta’ Valletta Victor Sciriha u l-Viċi Presidenti Alexander Fenech (is-’Sunny’), kif ukoll Paul Spiteri?

Jidher ukoll li hemm fiduċja assoluta fija minn dawn il-persuni li int semmejt. Dan għax fil-passat riċenti kien hemm xi klabbs Maltin li talbu li jakkwistawni b’self jew anki għal kollox, iżda d-diriġenti għolja ta’ Valletta ma kinux aċċettaw li nħallihom.

X’tikkummenta fuq il-kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, Silvio Vella?

Il-kowċ Silvio Vella jaħdem ħafna fil-preparazzjoni tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, fejn ikolli ngħid li qed niksbu suċċess. Bħala kowċ, huwa ippreparat tajjeb u anki fejn tidħol skwadra, jippreparaha tajjeb ħafna kemm tattikament, kemm fiżikament kif ukoll mentalment. 

"Il-ħolma ta’ kull plejer Belti li huwa mill-Belt Valletta u li jilgħab ma’ Valletta FC, dejjem tkun li jibqa’ jilgħab ma’ dan it-tim"
Taħt il-gwida tal-kowċ Ray ‘Żażu’ Farrugia ġieli lgħabt mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena?

Kont mgħajjat għal-logħba partikolari, però ma lgħabtx.

Niġu issa għat-tim nazzjonali tal-kbar fejn f’Novembru li għadda, l-kowċ Taljan Pietro Ghedin tak id-debutt f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Ġordan. X’emozzjoni ħassejt dakinhar?

Mat-tim nazzjonali tal-kbar, iddebuttajt f’Novembru li għadda meta dħalt bħala sostitut f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Ġordan. Din kienet esperjenza tassew sabiħa, li setgħet kienet isbaħ li kieku ma kontx ilqatt il-lasta, u kien jirnexxieli niskorja propju fid-debutt tiegħi. Nagħmel ħilti matul l-istaġun kollu biex b’hekk inkun nista’ nsib posti iktar fit-tim nazzjonali tal-kbar, iżda għalissa jien għadni nifforma parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena. 

Xi tħoss kull darba li tilgħab kontra Mosta bil-flokk ta’ Valletta? Dan minħabba l-fatt li l-assistent kowċ ta’ dan it-tim, mhuwa ħadd ħlief missierek, Anton Cremona...

Bħala preparazzjoni għal-logħba, din tkun l-istess għal-logħbiet oħra, u ma jsir xejn partikolari differenti. Rigward il-logħba nnifisha, l-unika ħaga li tkun differenti minn logħbiet oħra, tkun dik li missieri minflok isegwini mill-istands, isegwini minn fuq il-bank ta’ Mosta. Ironikament, propju fiż-żewġ logħbiet li fihom affrontajna lil Mosta, li tagħhom missieri huwa l-assistent kowċ, irnexxieli niskorja l-uniċi żewġ gowls tiegħi matul dan l-istaġun, bil-flokk ta’ Valletta.

Int li għalkemm għad għandek biss 20 sena, diġà kellek l-opportunità li tilgħab f’diversi stadia mill-aqwa u tuża riżorsi relatati mal-futbol tal-ogħla livell, kif tikkumpara r-riżorsi u l-istadia li fihom tilgħab regolarment f’Malta ma’ Valletta u mat-tim nazzjonali?

Bħala faċilitajiet f’pajjizna dejjem nippruvaw intejbu l-livell tagħna. Pereżempju, bħala Valletta qed nippruvaw nagħmlu gym fil-grawnd fejn nittrenjaw stess. Iżda, xorta waħda naħseb li fejn jidħlu faċilitajiet sportivi, dawn xejn ma jikkumparaw tajjeb ma’ dawk li nsibu barra minn Malta. U dan minħabba diversi fatturi, fosthom dawk marbutin ma’ finanzi u anki għall-fatt li aħna pajjiż żgħir wisq. Però, mill-ftit faċilitajiet sportivi relatati mal-futbol li għandna f’pajjiżna, bħala amministrazzjni tal-MFA qed jippruvaw li dawn ikunu tal-aħjar livell possibli, iżda xorta waħda jibqgħu jidhru ċerti limitazzjonijiet.

Ġaladarba semmejt l-amministrazzjoni tal-MFA, x’tikkumenta fuq din l-amministrazzjoni mmexxija mid-duo Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo?

Naħseb li tul dawn l-aħħar snin, kien hemm diversi avvanzi mill-amministrazzjoni tal-MFA fen jidħol futbol lokali. Fil-ħajja f’kollox, ikun hemm il-pożittiv u n-negattiv, iżda nemmen li l-MFA għandha iktar pożittiv milli negattiv.

X’inhuma l-fehmiet tiegħek fuq il-livell tar-referis li jikkontrollaw il-logħob tal-futbol f’Malta? Taħseb li dan huwa tajjeb biżżejjed?

Iva, fil-fatt meta jiġu jirrefjaw f’pajjiżna referis barranin li jkunu fuq progamm ta’ skambju, inħoss li ġieli l-livell tagħhom ikun inferjuri għal dak tal-Maltin. 

X’tikkummenta fuq il-kankru tal-betting li kulma jmur qed jeqred il-futbol mondjali?

Il-betting hija problema mhux f’Malta biss, iżda madwar id-dinja kollha. Kumbinazzjoni, ftit tal-ġimgħat ilu, kont qed naqra ktieb fuq il-Kampjonat Taljan tas-Serie A, fejn il-problema tal-betting hija waħda kbira mmens, fejn il-persuni nvoluti jaqilgħu ammonti kbar ta’ flus. B’hekk, meta tqis li wħud mill-plejers f’Malta ma jitħallsux fil-ħin, mill-klabbs rispettivi tagħhom, huwa faċli għalihom li jaqgħu fin-nasba tal-betting.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-futbol?

Irid ikollok tqassim tal-ħin (‘time management’) tajjeb, waqt li trid tara wkoll li l-ħinijiet tax-xogħol ma jaħbtux mal-ħinijiet li fihom ikollok it-taħriġ, u jekk tkun se tasal tard għat-taħriġ, dejjem tkun trid tavża b’dan lill-kowċ. Però, minn hemm jew minn hawn, dejjem jirnexxielna nirranġaw. Barra minn hekk, trid tagħti kas tad-dieta tiegħek u ma tistax tiekol kulma ssib quddiemek fuq il-mejda tal-ikel! 

X’sagrifiċċji u ‘commitments’ partikolari jinvolvi l-futbol, speċjalment għalik li għadek plejer ferm żagħżugħ?

Il-futbol jinvolvi ħafna sagrifiċċji, u anki dawk ta’ madwarek bħal pereżempju t-tfajla tiegħi, ibatu miegħek. Dan għax pereżempju, jekk ikollok aptit toħroġ ma’ sħabek, ġieli ma tkunx tista’, minħabba li jkollok il-taħriġ, logħob u affarijiet oħra relatati mal-futbol. Anki, trid tara li fost affarijiet oħra, tiddedika biżżejjed ħin għall-irqad u l-mistrieħ. 

Jekk tiġik offerta minn xi klabb barra minn Malta biex tmur tilgħab miegħu, tikkunsidraha jew għalissa l-għan ewlieni tiegħek huwa dak li tkompli timpressjona ġewwa pajjiżna ma’ Valletta?

Naħseb li hija ħolma ta’ kull plejer Malti li jmur jilgħab barra minn Malta, però mbagħad trid tara ċ-ċirkostanzi speċifiċi xi jkunu. Pereżempju tliet snin ilu kont mort għal prova, fis-Slovakkja, però hemmhekk il-plejers u l-istaff tekniku tat-tim li kont nittrenja miegħu ma kinux jitkellmu bl-Ingliż. Forsi għall-fatt li kont għadni żgħir, qtajt qalbi u ġejt lura Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek ma’ Valletta? Jekk tiġik xi offerta minn xi klabb ieħor lokali tikkunsidraha, jew meta wieħed iqis l-imħabba speċjali li int għandek lejn Valletta, minħabba l-fatt li int plejer Belti, tqis li l-futur tiegħek huwa wieħed esklussivament ma’ Valletta?

Il-ħolma ta’ kull plejer Belti li huwa mill-Belt Valletta u li jilgħab ma’ Valletta, dejjem tkun li jibqa’ jilgħab ma’ dan it-tim, bħalma pereżempju kien għamel Gilbert Agius. Iżda fil-futur, ħadd ma jaf x’jista’ jiġri, għax hemm diversi fatturi oħra li wieħed ikun irid jikkunsidra, u li ma jkunux jiddependu għal kollox minni bħala plejer. Fost oħrajn insemmi, li tista’ pereżempju bħala plejer ma tibqax fil-pjanijiet tal-kowċ. Bħal fil-ħajja, fil-futbol, inħoss li l-aktar pass għaqli ikun dak li wieħed jimxi pass pass. 

"Id-debutt mat-tim nazzjonali kien esperjenza tassew sabiħa, li seta’ kien isbaħ li kieku ma kontx ilqatt il-lasta, u kien jirnexxieli niskorja propju fid-debutt tiegħi"
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala plejer mat-tim nazzjonali tal-kbar, jew għalissa qed tikkonċentra esklussivament fuq it-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena?

Bħalissa jien għadni plejer tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena u kif għidtlek qabel, l-aktar ħaġa għaqlija bħalissa, speċjalment għall-fatt li għadni żgħir, hija dik li nimxi pass pass. Huwa unur kbir li tintgħażel mat-tim nazzjonali tal-kbar u biex jirnexxielek tagħmel dan, trid taħdem ħafna għaliha. Però, inżid ngħid li din mhix għażla tiegħi iżda għażla tal-kowċ. Naħseb li l-ogħla tragward li plejer Malti jista’ jilħaq f’Malta, huwa dak li jilgħab bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti.

Bħala plejer li rnexxielek tagħmilha mal-ewwel 11 ta’ tim bi storja glorjuża bħal ta’ Valletta, għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ, speċjalment dawk Beltin li huma interessati li jagħmlu karriera fil-futbol, fosthom bil-flokk ta’ Valletta.

Fil-futbol bħal fil-ħajja, jeżistu ħafna sagrifiċċji. Trid tkun professjonali kemm jista’ jkun fit-taħriġ tiegħek għalkemm f’Malta aħna xi ftit limitati. Barra minn hekk, inħoss ukoll li trid tkun ferm professjonali fl-attitudni tiegħek, speċjalment fl-istil ta’ ħajja li taddotta, fost l-oħrajn. Lill-plejers żgħażagħ Beltin nagħmlilhom ħafna kuraġġ, u ngħidilhom li bħalissa qed jaħdmu ferm tajjeb. Dan grazzi għax-xogħol kbir u ferm siewi li qed isir min-naħa tan-Nursery ta’ Valletta. Hemm bosta plejers li telgħu mat-tim tal-kbar ta’ Valletta min-Nursery tal-istess tim u mhux jien biss. Insemmi fost l-oħrajn lil Jean Borg, Russell Fenech, Nicholas Pulis u Daniel Camilleri. Jekk tfal Beltin jieħdu eżempju minn dawn il-plejers li qed tingħatalhom fiduċja assoluta mit-tim tal-kbar ta’ Valletta, jistgħu bl-istess mod jagħtu ħafna kuraġġ biex ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom tal-futbol, u għalhekk ngħidilhom sabiex ma jaqtgħux qalbhom. Fil-ħajja xejn ma jiġi waħdu, u għalhekk trid taħdem bis-sħiħ għall-għan li jkollok f’moħħok, biex jirnexxielek tasal fejn tixtieq fil-ħajja.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook