Sabrina Grima: Xhieda ċara li l-bodybuilding mhux għall-irġiel biss

“Trid taddatta u ddawwar ħajtek madwar l-isport tal-bodybuilding. Trid tirrifjuta mill-pjaċiri soċjali”

 

Sabrina Grima - waħda mill-aqwa bodybuilders nisa li pproduċa dan l-isport fl-aħħar snin. Xhieda ċara tal-fatt li l-bodybuilding mhuwiex biss għall-irġiel, iżda jipprovdi stil ta’ ħajja mill-aqwa għan-nisa wkoll, li jista’ jgħinhom javvanzaw f’diversi oqsma fil-ħajja fosthom fl-istima tagħhom infushom.

Kienet marret tara konkors fejn ikkompetiet Derya Satariano u minn hemm immotivat aktar ruħha biex tieħu sehem hi wkoll.

Fl-ewwel kompetizzjoni li ħadet sehem, rebħet it-titlu ta’ Miss Bikini.

F’April li ġej se tikkompeti fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Bodybuilding.

Ftit tal-ġimgħat ilu, rebħet l-ewwel post f’Miami PRO Miss Bikini u ġiet it-tieni fil-fitness model

Kif għażilt il-bodybuilding fost sports ieħor?  

Minn dejjem kont attiva u jinteressani l-fitness u sports ieħor. Huwa fatt li meta tara persuna bil- muskoli jew daqsxejn toned mal-ewwel tgħid li hija persuna b’saħħitha.

Meta bdejt nieħu l-Insanity Classes, li huwa t-taħriġ tiegħi bis-serjetà, u bdejt nara ġismi jieħu forma oħra, għall-ewwel ma ħassejtniex komda. Iżda meta tħares madwarek u internazzjonalment, tinduna kemm it-tfajliet m’għadhomx iridu dehra ta’ waħda rqieqa iżda toned b’daqsxejn muskoli li tagħti iktar dehra ta’ tfajla b’saħħitha.  

Minn hemmhekk, iddeċidejt li ridt inkun ta’ eżempju għal ħafna oħrajn biex iżommu stil ta’ ħajja fit u b’saħħtu.

Sentejn ilu smajt bl-assoċjazzjoni IFBB fejn jikkompetu bodybuilders, kif ukoll bil-kategorija bikini fitness. Blanche Coppola kienet avviċinatni biex nieħu sehem iżda jien ma ħassejtniex li kont lesta. Mort nara konkors fejn rajt lil Derya Satariano tikkompeti u fejn immotivajt aktar ruħi biex ’il quddiem nieħu sehem jiena wkoll. L-ewwel kompetizzjoni li ħadt sehem fiha kienet f’Ottubru tas-sena li għaddiet man-NABBA, fejn irbaħt it-titlu ta’ Miss Bikini.


Ma taħsibx li l-bodybuilding minħabba s-saħħa fiżika li jirrikjedi huwa iktar addattat għall-irġiel milli għan-nisa?

Ilum sar hawn interess kbir f’dan l-isport kemm fost l-irġiel kif ukoll fost in-nisa. Le ma naħsibx li huwa addattat aktar għall-irġiel. Hawn ħafna nisa determinati u lesti jagħmlu sagrifiċċji .

Int tieħu sehem fil-kategorija ‘Bikini Fitness’. X'differenzi jgħaddu bejn din il-kategorija u kategoriji oħra fil-bodybuilding?  

Il-Bikini Fitness hija l-iżgħar kategorija tan-nisa fil-bodybuilding, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ massa ta’ muskoli. 

It-taħriġ li int tagħmel biex tieħu sehem f'din il-kategorija kif jiddeversifika minn taħrig li wieħed irid jagħmel biex jieħu sehem f'kategoriji u kompetizzjonijiet oħra tal-bodybuilding?

It-taħriġ huwa differenti għaliex biex iżżomm figura tajba għall-bikini fitness, m’għandekx għaliex terfa’ weights tqal ħafna biex tkabbar il-massa tal-muskoli, u tirrikjedi dieta differenti. 

X'differenza tgħaddi bejn il-Bodybuilding, il-Weightlifting u l-Powerlifting?    

Il-Bodybuilding jiffoka fuq apparazzjoni estetika, il-Weightlifting huwa esibizzjoni ta’ min jerfa’ l-aktar toqol ta’ weights, waqt li l-Powerlifting huwa esibizzjoni ta’ saħħa esplossiva.

Bodybuilders Maltin jieħdu sehem regolarment f'kompetizzjonijiet importanti tal-bodybuilding madwar id-dinja? 

Iva, hemm diversi kompetizzjoniet li wieħed jista’ jieħu sehem fihom matul is-sena kollha. IFBB Malta, fost organizazzjonijiet oħra, toffri għajnuna lill-atleti li juru interess f’dawn il- kompetizzjoniet. 

Issibu għajnuna mill-Kunsill Malti għall-Isport u mill-Kumitat Olimpiku Malti? X’tikkummenta fuq l-IFBB imexxija mill-President Ralph Decelis u s-Segretarja, Blanche Coppola?

Matul is-sena d-dieħla, eżattament f’April, se tkun l-ewwel darba għalija li se nikkompeti taħt l-awspiċi ta’ din il-Federazzjoni, fejn se nkun qed nieħu sehem fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Bodybuilding, iżda s’issa, nista’ ngħidlek li sibt sapport kbir u motivazzjoni kbira! Minn hawn nirringrazzjahom mill-qalb, għaliex naf kemm jieħdu interess kbir fl-atleti tagħhom. Huma stess huma atleti, u b’hekk jistgħu jifhmu u jgħinu sewwa lil kull atleta.

Naf li l-isport tagħkom jinvolvi bosta spejjeż. Huwa minnu dan?

Iva, speċjalment għaliex trid tiekol b’mod frekwenti prodotti ġenwini. Għandek bżonn ta’ dieta bbażata fuq laħmijiet u ħut li huma finanzjarjament ogħla meta kkumparati ma’ ikel ta’ kuljum. Għall-irġiel jaf tkun aktar ta’ spiża għaliex huma jirrikkjedu dieta differenti fost affarijiet oħra.

Konxju wkoll mill-fatt li l-isport tagħkom jinvolvi dieta partikolari. Int kif tqassam id-dieta tiegħek?

Iva, jinvolvi xhur twal ta’ dieta bbażata fuq proteini, clean carbs u ilma. Kollox bil-kejl u trid tiekol kull tliet siegħat. Bażikament trid iżżomm dieta nadifa, iżda meta toqrob lejn il- kompetizzjoni, trid tkun iktar strett miegħek innifsek, u tnaqqas aktar affarijijet mid-dieta tiegħek.

X'sagrifiċċji u ‘commitments’ partikolari jirrikjedi l-isport li int tipprattika?

Iva, trid taddatta u ddawwar ħajtek madwar l-isport tal-bodybuilding. Trid tirrifjuta mill-pjaċiri soċjali u ġeneralment issib ruħek fil-gym is-Sibt filgħaxija, bħali!    

Kif tipprepara ruħek kemm fiżikament kif ukoll mentalment qabel kompetizzjonijiet tal-bodybuilding importanti? Il-bodybuilding kif jgħin lill-atleta li jkun qed jipprattikkah kemm mentalment kif ukoll psikoloġikament?    

Billi żżomm nies madwarek li jimmotivawk u jinkoraġġuk biex iżżomm iffukat fuq l-għanijiet tiegħek. Minn hawn nixtieq nirringrazja lill-kowċ tiegħi Susan Borg, lill-familja tiegħi u l- sħabi li nittrenja magħhom imsejħa insaniacs, ta’ kemm jagħmluli kuraġġ u jgħinuni fi żminijiet diffiċli. 

Ċert li dan l-isport jghollilek l-istima personali tiegħek kif ukoll il-kunfidenza fik innifsek. Il-kompetizzjomijiet tagħkom kif jintrebħu?

Il-ġurija partikolari tiġġudika min estetikament ikun jidher l-aħjar f’għajnejhom. Il-kunfidenza u l-imġiba tal-atleta fuq il-palk jaffettwaw il-ġudizzju finali tal-ġurija. B’hekk huwa ferm importanti li wieħed ikun kunfidenti. Bla ma trid meta tibda tara riżultati ta’ għaliex tkun qed taħdem, il-moral u l-kunfidenza jikbru. Biex wieħed joħroġ fuq palk, ikun hemm xhur twal ta’ preparazzjoni. B’hekk wieħed ikun kuntent li rnexxielu jasal fejn wasal u jara r-riżultati mixtieqa.      

Naf li jkun hemm ġurija li tiġġudika r-rebħ ta' dawn il-kompetizzjonijiet. Fuq xiex tgħaddi l-ġudizzji tagħha?  

Id-deċiżjonijiet jiġu meħuda minn grupp ta’ ġuriji li jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq bażi ta’ simmetrija, fiżika, definizzjonijiet fiżiċi, u proporzjonijiet.   

Naf ukoll li qabel il-kompetizzjonijiet ma tieklu u tixorbu kważi xejn fejn kważi tiġu ‘dehydrated’. Huwa minnu dan?  

Iva huwa minnu, għalkemm mhuwiex healthy. Dan huwa proċess li jrid isir. B’hekk id-definizzjoni tal-muskoli toħrog aktar. 

Hemm bizzejjed konkorrenza minn persuni żgħażagħ għal dan l-isport?

Dan l-aħħar sentejn kibret ħafna. Mhux faċli li wieħed jagħmel dan is-sagrifiċċju kollu ta’ dieta u taħriġ, b’hekk mhux kulħadd jasal li jikkommetti ruħu għal dan l-isport. Iżda, sar hawn ħafna atleti li lesti jagħmlu dan kollu u fl-aħħar mill-aħħar tkun sodisfatt tar-riżultat li wieħed ikun kiseb. Insibuha bħala sfida wkoll.  B’hekk ħafna qegħdin juru interess f’dan l-isport biex dejjem jidhru aħjar u jibqgħu motivati.

Kif tqabbel ir-riżorsi li fihom titħarrġu f'Malta meta kkumparati ma' dawk li nsibu barra minn Malta?

Dan l-aħħar ftit snin, Malta avvanzat ħafna f’dan ir-rigward. Anki l-mentalità li rridu ngħixu ħajja fit u sana bdiet tindara. F’Malta għandna riżorsi bizzejjjed biex wieħed ikun jista’ jipprattika dan l-isport.

 It-taħriġ tagħkom il-bodybuilders nisa fiex jikkonsisti u jagħmel differenza t-taħriġ tal-irġiel, meta kkumpartat ma' dak tan-nisa?

Personalment jiena nagħmel insanity u bodyweight training kuljum, waqt li ndaħħal daqsxejn taħriġ permezz tal-weights ukoll mqassam matul il-ġimgħa.      

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala ‘bodybuilder’ li tieħu sehem fil-kategorija tal- ‘Bikini Fitness’?

Jiena nixtieq nibqa’ nikkompeti ’l quddiem għaliex il-bodybuilding sar parti integrali minn ħajti u jżommni motivata biex dejjem intejjeb l-apparenza u l-livell tiegħi tal-fitness.  Għadni kif ġejt mill-Ingilterra fejn irbaħt żewġ titli internazzjonli. Irbaħt l-ewwel post f’Miami PRO Miss Bikini u ġejt it-tieni fil-fitness model, konkors li sar fl-Ingilterra f’Lulju ta’ din is-sena. Issa jmiss f’Novembru l-WBFF, u s-sena d-dieħla f’April il-Kampjonati Nazzjonali tal-Bodybuilding organizzati mill-IFBB.

Għaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ speċjalment tfajliet li qegħdin jaħsbuha biex jibdew jipprattikaw il-‘bodybuilding’, fosthom il-kategorija li int tieħu sehem fiha - dik tal-'Bikini Fitness'. 

Jien qabel xejn ninkoraġġixxi lit-tfajliet kollha biex iżommu ħajja fit u sana. Dan huwa delizzju li jagħtik sodisfazjon fl-aħħar mill-aħħar. Trid temmen fik innifsek u żżomm lilek innifsek iffukat fuq il-ħolma tiegħek għax xi darba tasal żgur. Għid lilek innifsek li l-apparenza fiżika qed iżżomm lilek innifsek b’saħħtek u tħossok kunfidenti fil-ħajja soċjali ta’ kuljum. 

More in Sports