L-Avukat President taċ-Champions tal-Waterpolo

Dr Daniel Aquilina - Avukat u President ta’ San Ġiljan għall-aħħar sitt snin fejn ħadem biex jara lil dan it-tim tant għal qalbu lura fejn jixraqlu - fil-quċċata tal-waterpolo lokali permezz tar-rebħ tad-Double wara 20 sena.

Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Missieri kien dilettant tal-waterpolo u anki għamel sena fl-amministrazzjoni tan-Neptunes meta kont żgħir jien. Niftakar iż-żminijiet fejn il-logħbiet kienu jintlagħbu fil-pitches u konna nduru l-varji klabbs biex naraw il-logħob.

Ġieli lgħabt il-waterpolo fil-passat?

Ngħum waħda ’l fuq, waħda ’l isfel imbagħad taħt l-ilma! Nammetti li qisni qatt ma kelli l-istamina neċessarja għall-waterpolo meta kont żgħir avolja minn dejjem kont inħobb dan l-isport.  Kont nilgħab il-futbol mal-Luxol St. Andrews u iktar tard lgħabt ir-rugby bħala full back ma’ klabb li kien jismu Phoenicians li sfortunatament m’għadux jeżisti.

U kif iddeċidejt li tidħol fl-amministrazzjoni ta’ dan l-isport? U għaliex ma’ San Ġiljan?

Il-ħabib kbir tiegħi John Xerri de Caro kien captain ta’ San Ġiljan u kien introduċieni mal-President ta’ qabli Brian Schembri għax il-klabb kellu bżonn is-servizzi tiegħi ta’ Avukat rigward każ partikolari. Minn avukat u konsulent legali tal-klabb spiċċajt President għax bdejt nieħu iktar interess biex ngħinhom u għax dak iż-żmien Brian ma xtaqx ikompli fil-kariga.

X’jinvolvi finanzjarjament biex tmexxi klabb ta’ suċċess bi plejers professjonali fosthom dawk barranin, bħal San Ġiljan?

Ovvjament biex tikkompeti għall-unuri jinħtieġu l-finanzi. Meta sirt President, jien u l-kaxxier Ivan Said flimkien ma’ sħabna tal-kumitat ta’ dak iż-żmien rajna kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-klabb, kellna naqtgħu xi dejn antik imbagħad bdejna nħajru sponsors ġodda u nġibu kuntratti aħjar milli kellna biex inżidu d-dħul finanzjarju tal-klabb.

U x’għajnuna ssibu mill-isponsors?

L-isponsors fl-isport Malti jilagħbu rwol kruċjali. Mhux faċli li ssib sponsor u allaħares ma kienx għal dawk il-kumpaniji li jirreklamaw jew jagħtu xi forma ta’ sponsor lill-klabbs. Fil-każ tagħna għadu kif spiċċa il-kuntratt ta’ sponsor prinċipali li kellna mal-Allcare Insurance u l-Crystal Finance Investments u ninsabu ottimisti, speċjalment wara r-rebħ tad-double, li għandna nkunu attraenti għal main sponsor ġdid għas-sena d-dieħla u s-snin li ġejjin.

Bosta jsaqsu d-domanda ta’ x’fettillu Avukat ta’ suċċess bħalek jintriga ruħu fl-isport billi jokkupa l-kariga ta’ President ta’ tim tal-waterpolo, li lkoll nafu kemm jinvolvi spejjeż, u li jsir b’mod voluntarju. Kif tirribbatti għal dawn il-kummenti? U kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol professjonali tiegħek u mal-amministrazzjoni bħala President ta’ San Ġiljan?

Naħseb li kull min huwa nvolut fl-amministrazzjoni tal-isport hawn Malta jagħmel sagrifiċċji kbar, mhux neċessarjament finanzjarji imma b’mod speċjali dak li jirrigwardja ħin. Hija kwistjoni wkoll ta’ ‘time management’ effettivament biex tqassam il-ħin tiegħek għal xogħlok, ħin għall-familja u ħin għall-klabb. Naħseb li l-amministrazzjoni tal-klabb għallmitni ħafna dwar management ta’ nies u sitwazzjonijiet li forsi f’ċerti każi għenitni anki f’xogħli. L-isfida personali hija li nibbilanċja ħajti u ma nħallix l-amministrazzjoni tal-klabb ‘tisraq’ ħin li huwa tax-xogħol jew tal-familja speċjalment għaliex għandi erba’ bniet li għadhom żgħar u nixtieq ingawdihom kemm nista’ qabel ma jikbru u l-ħin jaħrab!

X’fisser dan ir-rebħ tad-double għalik personali u kemm kien diffiċli?

Ir-rebħ tad-double huwa ta’ sodisfazzjon kbir personali wara sitt snin ta’ sagrifiċċji u ħidma. Dan speċjalment wara li tlifna d-decider tal-Kampjonat tal-2013 fejn kont ħlift miegħi nnifsi li bħala tim ta’ San Ġiljan inkomplu niġġieldu biex niksru l-‘jinx’ li ma konniex qed nirbħu unuri. Kien diffiċli ferm għax kellhom jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli ħafna u sfortunatament dejjem se jkun hemm min jieħu għalih jew iweġġa’ b’xi deċiżjoni li nieħdu bħala Kumitat.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess ta’ dan id-double storiku li wasal wara xejn inqas minn 20 sena?

Is-sigriet tas-suċċess ta’ dan id-double storiku kien ix-xogħol bla waqfien mill-kumitat u mill-iskwadra kollha. Il-plejers din is-sena qishom iktar ikkonvinċew lilhom infushom li m’għandna xejn inqas minn ħaddiehor.

X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-membri tal-kumitat sħabek?

Ir-relazzjoni hija tajba iżda ta’ min jgħid ukoll li minn grupp ta’ 11 spiċċajna 7, però anki dawk li telqu, taw kontribut essenzjali lill-klabb din is-sena u fl-aħħar iċċelebrajna flimkien daqs li kieku baqgħu hemm sal-aħħar.

Fil-bidu tal-istaġun qatt kont temmen li din kellha tkun propju s-sena ta’ San Ġiljan?

Iva, kont nemmen u għamilna sforzi kbar għax 20 sena stennija huma wisq għal klabb bħal San Ġiljan bl-istorja tiegħu u bin-numru kbir ta’ partitarji li għandu l-klabb.

Qatt kont temmen li kontu se tirbħu l-istess kampjonat propju ġurnata qabel tmiem il-Kampjonat?

Stajna nagħlqu l-Kampjonat saħansitra anki qabel b’naqra iktar fortuna, imma ma ngergrux - l-importanti li ġejna nkurunati champions. Kif ġiet, kienet isbaħ għax l-aħħar logħba kienet waħda ta’ festa u ċelebrazzjoni minflok mimlija tensjoni bħas-soltu u għollejna t-tazza propju ġurnata qabel il-festa ta’ San Ġiljan biex qattajna tmiem il-ġimgħa memorabbli għal kulħadd.

Bħas-soltu kellkom sfida denja għar-rebħ ta’ dan il-Kampjonat min-Neptunes. X’tikkummenta?

Neptunes huwa klabb immexxi b’passjoni kbira mill-kollega Matthew Bonello li għamel ħafna għall-klabb tiegħu wara diversi snin anki huma fil-limbu. Il-fatt li rebħu ħames Kampjonati wara xulxin huwa rekord impressjonanti u naħseb reġgħu bdew dan il-Kampjonat bħala favoriti avolja wara snin ta’ suċċess b’Sergei Markoch bħala kowċ u Tamas Molnar fl-ilma kellhom ibiddlu ftit l-affarijiet. Aħna ħadna ftit deċiżjonijiet iebsin fil-bidu tal-istaġun. Għażilna bir-reqqa x’tip ta’ plejers barranin kellna bżonn u l-iskwadra kollha, immexxija mill-captain Matthew Zammit, ħadmu bla waqfien b’konvinzjoni li nistgħu nirbħu. San Ġiljan dejjem kienu fil-quċċata tal-klassifika mill-bidu sat-tmiem tal-istaġun, u naħseb dak il-fatt diġà jgħid ħafna dwar l-istaġun tagħna.

Madankollu timijiet bħal Sliema, Sirens u anki Valletta speċjalment fis-semi-finali tan-Knock Out tawkom sfida denja. Il-kummenti tiegħek. 

Anki Sliema għamlu tibdil fl-amminstrazzjoni fil-bidu tal-istaġun u wrew li jridu jiġġieldu għall-unuri. Il-klassifika hija giddieba u ma nemminx li hemm dak id-distakk bejn it-tlieta ta’ fuq. Sirens għandhom żgħażagħ promettenti ħafna u żewġ plejers barranin tajbin immens u Valletta ma’ kull sena li tgħaddi qed jibnu ġebla fuq oħra għall-futur.

M’hemmx dubju li kellhom impatt kbir matul dan l-istaġun iż-żewġ plejers barranin Guillermo Molina u Boris Vapenski?

Iż-żewġ plejers barranin tagħna Molina u Vapenski huma plejers ta’ klassi li ġew Malta bil-mentalità tajba, jiġifieri dik li jaħdmu u jistinkaw u jagħtu dak kollu li jistgħu daqs li kieku qed jilagħbu għal pajjiżhom jew għall-klabb prinċipali tagħhom. Dan mhuwiex il-każ għal kull plejer barrani li jiġi Malta. Kienu wkoll leaders fl-ilma u barra mill-ilma u taw eżempju tajjeb ħafna ta’ mentalità rebbieħa lill-plejers Maltin. L-istess għamel il-plejer Franċiż naturalizzat Malti, Aurelien Cousin.

Kellu wkoll irwol ċentrali f’dan ir-rebħ tal-Kampjonat, il-kowċ Marko Orlovic. Il-kummenti tiegħek.

Marko Orlovic huwa bniedem li jħobb ħafna x-xogħol u jaħdem bla waqfien biex jilħaq il-miri tiegħu. Irnexxielu wkoll iżomm l-iskwadra miegħu u jittrasmetti l-valuri u l-prinċipji tax-xogħol lill-plejers kollha. Jien għidtlu fil-bidu li ġie li ċ-changing rooms jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tiegħu fejn lanqas jien ma nindaħallu. Ċerti affarijiet huma tal-iskwadra u tal-iskwadra biss. Ma ninsewx li lil Orlovic sibnieh fix-xorti u ġie rakomandat lit-Team Manager Alfredo Spiteri de Barro minn kuntatt tiegħu fis-Serbja biex jieħu post il-kowċ Kroat Emil Nikolic li wkoll kien kowċ tajjeb ħafna iżda li għal raġunijiet ta’ saħħa ma’ setax ikompli jaħdem Malta.

F’kumment li għamilt is-sena li għaddiet, faħħart lill-kowċ tat-tim nazzjonali Karl Izzo talli waqt tournament internazzjonali kien utilizza numru ta’ plejers żgħażagħ. X’tikkummenta fuq dan il-kowċ bravu, li huwa l-moħħ wara l-iżvilupp ta’ elementi żgħażagħ fosthom Dino Zammit, Ben Plumpton u Andreas Galea?

Kelli relazzjoni tajba mal-kowċis kollha ta’ San Ġiljan tul is-snin iżda ma’ Karl Izzo nista’ ngħid li għandi relazzjoni speċjali għax huwa bniedem li jgħix għall-waterpolo u għen lill-klabb ħafna speċjalment biex jidentifika u jiżviluppa talent ta’ żgħażagħ bħalma semmejt int u oħrajn li llum qegħdin fis-senior squad jew dalwaqt ikunu hemm. Huwa kowċ ippreparat ħafna u dejjem jistinka biex ikompli jitgħallem u jitjieb. 

Tħoss li dawn it-tliet plejers imsemmija fost oħrajn jirrapreżentaw il-futur tat-tim ta’ San Ġiljan?

Żgur li jirrapreżentaw il-futur ta’ San Ġiljan flimkien ma’ diversi plejers oħrajn li ffurmaw għal ħafna snin is-sinsla tal-U17 u U20s li rebħu diversi unuri f’dawn l-aħħar snin.

X’qed jagħmel it-tim ta’ San Ġiljan biex jindokra t-timijiet tal-Youths fi ħdanu?

Qed intejbu l-istruttura tal-klabb f’dak li għandhom x’jaqsmu il-youths u se ninvestu iktar fil-kowċing tagħhom u f’opportunitajiet biex anki jsiefru t-tfal tagħna għal traning camps ma’ klabbs ewlenin fl-Ewropa.

Karl Izzo kien ukoll il-kowċ tat-tim ta’ San Ġiljan. Ħassejtek diżappuntat meta huwa kien irriżenja mill-kariga tiegħu ta’ kowċ ta’ dan it-tim biex imbagħad ħa t-tmun tat-tim nazzjonali tal-waterpolo?

Karl, bil-barka tagħna kien diġà kowċ ta’ Malta qabel ma rreżenja minn kowċ ta’ San Ġiljan. Ħassejtni diżappuntat mhux bih personali imma bis-sitwazzjoni li kienet waslet għar-riżenja tiegħu, għax flimkien kellna proġett għall-futur u f’temp ta’ żewġ logħbiet qisu nqaleb kollox ta’ taħt fuq. Illum qed naraw anki l-frott tal-ħidma tiegħu u ħsibt fih mhux ftit meta għollejna t-tazzi din is-sena bħalma ħsibt ukoll f’dawk il-plejers li kienu magħna tul is-snin jiġġieldu biex jgħollu isem San Ġiljan ’il fuq, imma d-destin hekk ried!

Kont ħlift miegħi nnifsi li bħala tim ta’ San Ġiljan inkomplu niġġieldu biex niksru l-‘jinx’ li ma konniex qed nirbħu unuri

Tidher ferm emozzjonat waqt il-logħbiet li fihom issegwi lit-tim ta’ San Ġiljan mill-istands. X’ikun għaddej minnek dak il-ħin u speċjalment waqt logħbiet kruċjali fosthom il-finali tan-Knock-Out fejn kien biss fl-aħħar ħames sekondi li San Ġiljan ħarġu rebbieħa kontra Neptunes b’gowl mill-isbaħ ta’ Guillermo Molina?

Jiena bniedem inħoss it-tensjoni tal-logħob u naqbel li nkun emozzjonat. Dak il-gowl ta’ Molina 1.2 sekonda mit-tmiem fil-finali tan-Knockout ma ninsieh qatt f’ħajti speċjalment wara li n-Neptunes kienu ġabu d-draw 8 sekondi mit-tmiem u kulħadd kien mingħalih li konna sejrin  għall-ħin barrani. Iżda Molina kellu ħsibijiet oħrajn. Dak il-gowl kisser il-‘jinx’ ta’ San Ġiljan ta’ 20 sena ma’ ngħollux tazzi u jien kont konvint li jekk nirbħu n-Knockout, konna se nirbħu wkoll id-Double, għax għelibna l-biżà li nitilfu. 

Bqajt fit-tmun ta’ San Ġiljan bħala president anki meta l-affarijiet ma tantx kienu qed jidhru sbieħ għall-Ġiljaniżi fosthom matul l-istaġun li għadda. Il-kummenti tiegħek.

Fl-aħħar ta’ kull sena nitlob lill-membri tal-kumitat jieħdu ftit jiem ta’ riflessjoni jekk iridu jkomplu jew le għax jekk m’għandekx il-motivazzjoni neċessarja, aħjar wieħed jieqaf milli jkompli nofs qalb. Jien ta’ kull sena nagħmel l-istess ukoll.

Dan ir-rebħ tal-Kampjonat ġie wara li sentejn ilu tant kontu viċin li tirbħu l-istess Kampjonat, meta kien biss propju fid-decider li San Giljan tilfu r-rebħ tal-Kampjonat kontra l-ġirien, Neptunes. X’ħassejt dakinhar?

Dakinhar ħassejt diżappunt kbir għax avolja konna l-underdogs konna tlifna żewġ ‘matchpoints’. Fl-ewwel logħba draw kien ikun bizzejjed imbagħad tlifna wkoll id-decider. Konna tlifna lil Karl Galea f’sospensjoni għad-decider li konna ħassejnieh u l-poplu Ġiljaniż ma tantx kien kuntent bil-prestazzjoni tal-plejer barrani tagħna ta’ dak iż-żmien, Peter Biros, li mbagħad ingħaqad man-Neptunes biex iktar jirrabbjaw in-nies tagħna u l-partitarji Ġiljaniżi!

Bħala San Ġiljan kellkom Kampjonat tax-Xitwa mill-aqwa fejn tliftu r-rebħ tal-Kampjonat bi sbrixx. X’tikkummenta fuq il-Kampjonat tax-Xitwa mirbuħ minn Neptunes?

Kienet it-tieni darba f’dawn l-aħħar snin li ġejna l-ewwel u ma rbaħniex il-Winter League minħabba differenza ta’ gowls. Naħseb tgħallimna minnha din is-sena però għax inżilna bi ftit kunfidenza żejda kontra n-Neptunes għax kellhom plejers neqsin u rebħulna xorta.

Kif rajtu jinbidel lit-tim ta’ San Ġiljan tul is-snin?

Meta dħalt President, it-tim ta’ San Ġiljan kien beda diġà jikseb riżultati pożittivi ’l hemm u ’l hawn, iżda sena wara sena bnejna l-konsistenza sakemm wasalna biex nirbħu dan id-Double storiku.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala president ta’ San Ġiljan?

Bħalissa qiegħed f’dik il-ġimgħa ta’ riflessjoni li semmejtlek iktar qabel, flimkien ma’ sħabi tal-kumitat qabel ma naslu għall-AGM li jmiss.

U l-futur ta’ San Ġiljan bħala tim?

Nispera li issa ma nħarsux lura iżda nkomplu bl-istess ġuħ għall-unuri li kellna matul din is-sena.

Taħseb li f’Malta hemm bżonn li tinbena indoor pool?

Ikun pass importanti għal Malta kieku jkollna indoor pool bħalma hemm madwar l-Ewropa. Mhux faċli għall-plejers u n-nies jagħmlu t-taħriġ fix-xitwa esposti għall-ksieħ u x-xita fost affarijiet oħra u barra minn hekk, anki l-ASA tkun tista’ torganizza iktar avvenimenti ta’ għawm u waterpolo internazzjonali b’faċilitajiet indoor.

Il-media sportiva f’pajjiżna tagħti bizzejjed exposure lil-logħba tal-waterpolo jew tagħmel dan biss matul ix-xhur tas-sajf?

Naħseb li l-ġurnalisti sportivi f’pajjiżna huma kompetenti ħafna u jagħtu exposure tajba lill- waterpolo. Mingħajr exposure jew interess ma jigux l-isponsors, għaldaqstant l-irwol tal-media jsir wieħed kruċjali.  

X’tikkummenta fuq l-amministrazzjoni tal-ASA mmexxija mill-President, Joe Caruana Curran?

Għandi relazzjoni tajba ma’ kulħadd li hemm fit-tmexxija tal-ASA. Huma wkoll qed jagħmlu xogħol volontarju u jiddedikaw ħafna ħin għall-isport.  Joe Caruana Curran għamel ħafna biex jitjiebu l-faċilitajiet ġewwa Tal-Qroqq fl-aħħar snin u naħseb li l-passat tiegħu bħala President ta’ Valletta fil-futbol jgħinu biex jifhem il-ħtiġijiet tal-klabbs. Naħseb hija wkoll ħaġa tajba li m’għandux passat ta’ involviment fi klabb tal-waterpolo u allura m’għandux rabtiet mal-ebda klabb partikolari.

U fuq ir-referis li jirrefjaw il-logħba Maltija tal-waterpolo - kemm dawk Maltin kif ukoll dawk Taljani? Taqbel man-numru sostanzajli ta’ referis Taljani jiġu jirrefjaw f’pajjiżna sena wara l-oħra? Int x’taħseb? 

Ir-referi fil-logħba tal-waterpolo għandu ħafna saħħa, għalhekk hija importanti ħafna l-konsistenza tar-referis minn azzjoni għall-oħra anki fl-istess logħba. Huwa fatt li r-referis innifishom kif ukoll l-ASA ilhom jitolbu lill-klabbs biex eks plejers per eżempju jagħmlu korsijiet ta’ referis għax żgur li hemm bżonn ta’ iktar referis Maltin. Ma tantx ħarġu referis Maltin ġodda f’dawn l-aħħar snin u kien hemm oħrajn li waqfu. Għalhekk l-ASA trid bilfors iġġib referis minn barra u l-ispejjeż tar-referis fl-aħħar mill-aħħar jitħallsu mill-klabbs stess.

Taqbel mat-tibdil li kien hemm fir-regoli tal-waterpolo fuq livell internazzjonali?

Personalment le, ma tantx naqbel magħhom u nippreferi r-regoli kif qegħdin illum.

Bħala President ta’ San Ġiljan ASC, għaddi messaġġ lill-partitarji kollha ta’ dan it-tim fl-okkażjoni tar-rebħ ta’ dan id-double storiku.

Nirringrazzja lill-partitarji numerużi ta’ San Ġiljan talli baqgħu magħna jsostnu lit-tim b’entużjażmu kbir matul dawn is-snin diffiċli. Flimkien ma’ sħabi tal-kumitat niddedika d-double lilhom għal-lealtà tagħhom u għaliex dejjem għamlulna kuraġġ. Nispera minn qalbi li dawn in-nies se jkollhom iktar biex jifirħu fis-snin li ġejjin kif jixirqilhom ‘it-tfal ta’ werwer’ għax naħseb li m’hemmx sapport bħal dak ta’ San Ġiljan fil-waterpolo lokali.

More in Sports