Minn sprinter għall-bodybuilder nazzjonali

Andrew Farrugia – atleta li għamel il-qabża mill-atletika għall-bodybuilding b’suċċess kbir u li bil-kitba u l-eżempju tiegħu fost oħrajn qed jispira tant żgħażagħ biex jiksbu s-suċċess li kiseb hu sa issa

Andrew Farrugia
Andrew Farrugia

Kif beda l-interess tiegħek fl-isport?

Kollox beda meta kelli seba’ snin meta kkompetejt fl-ewwel sports day tal-iskola. F’dik il-ġurnata kont ġrejt l-isprint tal-100 metru, fejn kont temmejt fl-ewwel post u għelibt lill-avversarji tiegħi b’distakk kbir għall-ferħ tal-ġenituri tiegħi. Meta skoprejt it-talent tiegħi fil-ġiri, sussegwentament huma daħluni membru fil-klabb ewlieni tal-atletika f’pajjiżna, Athleta Pembroke, fejn hemmhekk stajt inkabbar it-talent tiegħi fl-atletika u nikkompara lili nnifsi mal-aqwa atleti fi gżiritna. Nemmen li din kienet waħda mill-aħjar deċiżjonijiet li l-ġenituri setgħu ħadu f’dak li jirrigwardja lili. Hawnhekk bnejt il-karattru u d-dixxiplina li mexxieni u kabbruni għall-persuna li jien illum. F’dan il-klabb bnejt l-idea li m’hemmx skuża għal xejn u li trid tagħmel l-isport li tkun tipprattika dejjem xemx jew xita. 

“Ġisimkom huwa magna b’saħħitha li jista’ jagħmel il-mirakli jekk jiġi trattat b’rispett, għalhekk dejjem għidu le għall-isteroids”

X’unuri rbaħt fl-atletika?

Nikber fl-atletika rbaħt ħafna titli tal-100 metru u waqqaft rekords nazzjonali matul it-triq fil-kategoriji tal-Cadet, Youth u Junior. Matul dawn is-snin, irrappreżentajt lil Malta fil-livell internazzjonali f’numru ta’ kompetizzjonijiet fosthom il-Logħob tal-FISEC, il-Youth Island Games u l-logħob iktar prestiġjużi tal-World Youth Championships u l-World Junior Championships. Eventwalment irnexxieli nagħmilha fit-tim nazzjonali tal-kbar tal-atletika u kkompetejt fit-tellieqa tal-100 metru u fir-relay tal-4 x 100 metru fejn waqqaft rekord nazzjonali ġdid f’din il-kompetizzjoni. L-aħjar ħin personali tiegħi fil-100 metru kien dak ta’ 10.91 sekondi fejn ksibt ħin ta’ 10.91 sekondi meta kien għad kelli biss 20 sena. Sfortunatament ftit wara li għalaqt l-20 sena sofrejt minn numru ta’ injuries li eventwalment sfurzawni biex nabbanduna l-atletika fl-età ta’ 24 sena għalkemm kont naf li kelli potenzjal biex nirnexxi fl-atletika.

Kif bqajt tevolvi fl-atletika?

Fortunatament għalija waqt li kont qed nitħarreġ għall-isprints ridt nagħmel sessjonijiet fil-gym li jinkludu eżerċizzji bil-piż ta’ kull ġimgħa. Niftakar li kont inħares ħafna ’l quddiem għal dawn l-eżerċizzji. Taħt is-superviżjoni tal-kowċ tal-isprints, Jivko Jetchev, li tajjeb ngħidu li huwa eks atleta professjonali tal-Bulgarija u li nikkunsidrah bħala missieri fl-isport, tgħallimt il-forma u t-teknika propji. Inkoraġġit minn ħbieb tal-qalb tiegħu, il-bodybuilding kien l-isport li jimmarka t-triq l-iktar ċara u ovvja għalija wara li rtirajt mill-atletika. 

Ġaladarba kont bdilt l-isport li nipprattika, il-motivazzjoni prinċipali tiegħi kienet dik li nara lil ġismi jsir iktar muskolari, li jiżviluppa f’verżjoni naturali iktar b’saħħitha tiegħi nnifsi. F’dak il-punt f’ħajti qatt ma kont naħseb li jieħu sehem f’livell kompetittiv. Ikkunsidrajt it-taħriġ tiegħi fil-gym bħala sport li stajt nipprattika u nieħu gost nagħmel mingħajr ir-restrizzjonijiet li kelli fis-snin li fihom kont nipprattika l-atletika li kienu l-konsegwenzi diretta tal-kompetizzjonijiet. 

Kif kienu l-ewwel xhur tiegħek fil-gym?

Ix-xhur inizzjali tiegħi fil-gym bdew permezz ta’ programm ta’ taħriġ ta’ ħamest ijiem li kien qed jaħdem tajjeb ħafna u li kont insibu wkoll li kien imlieli ħajti. Fil-fatt, malajr sar programm ta’ sitt ijiem taħriġ li għadni nsegwi sal-lum il-ġurnata. F’temp ta’ xhur stajt nara riżultati tajbin fuq ġismi, tant evidenti li membri oħra tal-gym kienu qed ifittxu l-pariri tiegħi biex intihom xi pariri għat-taħriġ tagħhom. F’dan il-proċess kabbart l-għarfien tiegħi wkoll rigward in-nutrizzjoni permezz ta’ sigħat twal ta’ qari kif ukoll billi tajt każ għar-rispons tal-muskoli tiegħi u l-kompożizzjoni tal-ġisem għal ikel differenti billi dejjem nibqa’ nipprova u ma naqta’ qalbi qatt.

Iktar ma qattajt sigħat fil-gym, iktar kiber in-network tal-fitness tiegħi. Kienet sena wara li kelli nirtira mill-atletika li ddeċidejt li nipparteċipa fl-ewwel kompetizzjoni tal-bodybuilding u l-fitness – il-Kampjonati Nazzjonali tal-Malta Bodybuilding & Physique Sports Federation (MBPF), li hija waħda mill-federazzjonijiet iż-żgħar tal-fitness f’pajjiżna. Kont ħadt sehem f’din il-kompetizzjoni iktar minħabba kurżità spontanja iktar milli kien pjan premeditat. Fil-fatt kont ili biss ġimagħtejn li tfajt l-applikazzjoni tiegħi għal dan l-avveniment mingħajr qatt qabel ma kontx attendejt avveniment tal-bodybuilding, lanqas bħala parti mill-udjenza. Ma kellix idea kif kelli nippoża iżda kont konxju mill-fatt li l-fiżika tiegħu kienet tajba ħafna. Niftakarni nkellem lil sieħbi u kowċ tiegħi Joseph Gaela, li fil-passat riċenti kien ikkommetta fil-bodybuilding, biex jiggwidani rigward dieta ta’ qabel il-kompetizzjoni kif ukoll fuq kif kelli nippoża. Sal-lum il-ġurnata nibqa’ grat għalih għax kien grazzi għall-parir tiegħu li l-kompetizzjoni marret tajjeb ħafna għalija. 

F’dak iż-żmien kont temmejt fit-tielet post fil-kategorija tal-physique li kien riżultat mill-aqwa meta tikkunsidra li kelli posing fqir ħafna, li huwa wieħed mill-iktar elementi vitali li kompetitur għandu jkollu fuq l-istage. L-iktar importanti f’dik il-ġurnata kien li rrealizzajt li d-diżappunti li kelli fl-atletika ma kinux it-tmiem tal-karriera tiegħi fl-isport iżda opportunità għalija biex nibda nipprattika xi ħaġa li kienet tfisser għalija iktar minn sempliċi sport, iżda passjoni kbira.

Kif bdew ikunu għalik is-sessjonijiet fil-gym?

Is-sessjonijiet ta’ taħriġ fil-gym wara dan l-avveniment ħadu dimensjoni ġdida. Iktar milli taħriġ għall-gost tiegħu, in-natura tas-sessjonijiet tiegħi ħadu direzzjoni u motiv. Il-fatt li stajt nitħarreġ mingħajr inkwiet ta’ injuries li esperjenzajt matul il-karriera tiegħi fl-atletika għamlu s-sessjonijiet tiegħi iktar effettivi u inqas ta’ tensjoni. Iktar ma tħarriġt u rfinajt it-taħriġ tiegħi u t-tip ta’ ikel li jiekol, iktar bdejt ninbena u jitjieb fil-fiżika tiegħi. Erġajt ikkompetejt fl-MBPF Championships lura fl-2011 u l-2012 fejn temmejt fit-tieni u fl-ewwel post rispettivament.

“Se nkun qed infittex biex inkompli noħloq verżjoni aħjar tiegħi nnifsi”

X’ġara f’Lulju tal-2013?

F’Lulju tal-2013 ikkontestajt u rbaħt kompetizzjoni tar-ritratti li għaliha pparteċipaw ħafna atleti, minn wieħed mill-ħwienet ewlenin tan-nutrizzjoni li nsibu f’pajjiżna. Niftakar li kont dħalt għal din il-photoshoot f’kundizzjoni perfetta, saħansitra aħjar mill-aspettattivi tiegħi. Kien f’dan l-avveniment li sirt iktar rikonoxxut mid-dinja tal-fitness f’pajjiżna. Fil-fatt f’temp ta’ ftit ġimgħat ġejt mistieden minn Ralph Decelis li huwa l-President tal-IFBB Malta biex nikkompeti fil-Kampjonati Nazzjonali tal-IFBB ta’ din is-sena.

X’fissru għalik dawn il-Kampjonati Nazzjonali tant importanti fid-dinja tal-bodybuilding?

Malajr indunajt li din kienet opportunità kbira minħabba l-fatt li għaraft li dawn il-kampjonati setgħu jippermettuli li nikkompeti kontra l-krema tal-bodybuilders Maltin. Mingħajr ma ħsibtha darbtejn tajt il-kelma tiegħi lil Ralph li kont se nikkompeti u fid-19 ta’ April ta’ din is-sena, wara ftit xhur ta’ taħriġ intensiv u nutrizzjoni stretta, ikkontestajt f’dan l-avveniment li kien sold-out u f’dak il-lejl sirt il-Men’s Physique Champion Nazzjonali fix-Short Category. B’hekk f’temp ta’ ftit snin għamilt il-qabża minn sprinter nazzjonali għall-bodybuilder nazzjonali li llum timlieni b’sodisfazzjon kbir. 

“Irrid nispira lil oħrajn biex itellgħu lil ħajjithom għal-livell ogħla billi jikkonvertu għall-ħajja b’saħħitha”

Ir-rebħa fil-Kampjonati Nazzjonali tatni ċ-ċans li nieħu sehem fl-IFBB European Championships fi Spanja xahar wara, f’Mejju ta’ din is-sena. Hemmhekk ikkontestajt fil-kategorija tal-Men’s Physique 1m 70 kontra champions nazzjonali diversi mill-Ewropa, li wara xi kontroversja mill-ġurija ratni nispiċċa fl-10 pożizzjoni. M’hemmx għalfejn ngħid li kont qed nistenna li ntemm f’pożizzjoni aħjar u nemmen li stajt faċilment nispiċċa mal-ewwel sitt bodybuilders. Għal ftit żmien kont diżappuntat bil-pożizzjoni li ksibt iżda min-naħa l-oħra l-Kampjonati Ewropej tawni kunfidenza kbira fis-sens li stajt nara fejn kien il-livell tiegħi, li ninsab kburi ngħid li akkwistajtu b’mod naturali u li nista’ nikkumpara mal-aqwa atleti fl-Ewropa. Fuq nota oħra, il-karriera tiegħi fl-isport u l-imħabba tiegħi għall-fitness, ikkumbinati mal-frustrazzjoni li nħoss kull darba li naqra jew nisma’ rigward l-istat ta’ obeżità f’Malta li tant inħobb, jiġifieri l-fatt li rġiel u nisa Maltin, fosthom tfal, li huma fost l-iktar nies ħoxnin fid-dinja, iktar tawni kuraġġ biex nagħti l-aħjar tiegħi li nsib triq li fiha nista’ nħalli impatt, indipendentament minn kemm dan ikun kbir jew żgħir, billi ndawwar din l-istatistika mbarazzanti u ta’ dwejjaq fost il-kompatrijotti tiegħi Maltin. Permezz tal-ispirazzjoni u l-għajnuna tal-ħabib tiegħi lura fis-snin meta konna fi skola sekondarja, Jean Galea, li llum huwa online entrepreneur, riċentament varajt is-sit elettroniku www.mirrorfriendly.com, b’paġni korrispondenti fuq Facebook, Instagram, Twitter u YouTube, li huwa blogg li għandu l-għan ewlieni li naqsam mad-dinja kollha l-vjaġġ tiegħi permezz ta’ ħajja sana, fejn nittama bis-sħiħ li billi nxerred il-kelma u noħloq kuxjenza, Malta, fuq kull pajjiż ieħor, tista’ tkun gżira fejn fiha jgħixu iktar nies b’saħħithom, xi ħaġa li pajjiżna tassew jixraqlu!

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jieħdu b’serjetà l-fitness jew il-bodybuilding f’ħajjithom.

Lil dawk il-persuni li jemmnu li biex wieħed ikollu fiżika tajba, irid jgħix ħajja ta’ dwejjaq, nista’ ngħid li ħajja fil-fitness hija ferm ’il bogħod milli tkun waħda ta’ dwejjaq. Din twassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar għax tnaqqas l-istress, tgħinek tħossok iktar b’saħħtek, ittejjeb il-kunfdienza fik innifsek, torqod aħjar, tidher iżgħar u bħala riżultat ta’ dan kollu tħossok iktar kuntent. Biex nikkonkludi nixtieq ngħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li jħarsu lejja u lejn atleti bħali b’ammirazzjoni: ġisimkom huwa magna b’saħħitha li jista’ jagħmel il-mirakli jekk jiġi trattat b’rispett, għalhekk dejjem għidu le għall-isteroids, dejjem!

F’dak li għandu x’jaqsam mal-futur tiegħi, se nkun qed infittex biex inkompli noħloq verżjoni aħjar tiegħi nnifsi waqt li nispira lil oħrajn biex itellgħu lil ħajjithom għal-livell ogħla billi jikkonvertu għall-ħajja b’saħħitha. Il-fitness hija l-ikbar passjoni f’ħajti, hija tiġbor fiha kulma jien. 

More in Sports