Suċċess enormi fil-badminton

Stefan Salomone – Rebaħ kulma m’għandu x’joffri l-badminton lokali waqt li ta s-sehem tiegħu wkoll barra mill-pitch bħala Media Officer ta’ Badminton Malta dejjem għall-ikbar ġid tal-badminton lokali

Kif iltqajt mal-isport tal-badminton?

Bdejt nilgħab badminton mindu kont żgħir ħafna. Missieri kien kowċ ta’ De La Salle Badminton Club li, wara xi snin, biddel l-isem għal Birkirkara Badminton Club. Kont nara lil ħuti l-kbar jilagħbu dan l-isport, u kelli ġenn biex nibda nilgħab jien ukoll. Ta’ 6 snin kont ġa qbadt ir-racket f’idi u bdejt nagħti daqqtejn u mmur għat-taħriġ. Tista’ tgħid li minn dak iż-żmien sal-lum, il-badminton baqa’ jokkupa parti kbira minn ħajti.

X’jogħġbok l-iżjed f’dan l-isport li ma fihx sport ieħor?

Jien persuna sportiva ħafna. Tista’ tgħid li l-isports kollu nħobbu. L-iktar ħaġa li togħġobni fil-badminton hi li jirrikjedi diversi kwalitajiet, kemm fiżiċi kif ukoll mentali. Plejer tal-badminton jeħtieġ il-veloċità, is-saħħa, l-istamina, u l-flessibbiltà.

Fl-istess ħin, biex wieħed jilħaq livell għoli f’dan l-isport, irid jiżviluppa wkoll kapaċitajiet mentali, speċjalment minħabba l-fatt li ħafna drabi tkun waħdek fil-court. Allura jekk issib ruħek f’diffikultà, trid issib mezz biex toħroġ minnha waħdek u mhux taqta’ qalbek mal-ewwel intopp li ssib quddiemek. Trid ukoll tipprova tagħraf fejn huma d-difetti tal-avversarju tiegħek u tattakka hemm. Il-fatt li fil-badminton, plejer irid ikun all-rounder jogħġobni ħafna.

“L-appoġġ tani spinta inkredibbli dakinhar tant li l-avversarju, minkejja li kien ta’ livell ogħla minni, ma setax isib mod kif jirbaħli”

Inti ksibt diversi suċċessi fix-xena lokali – irbaħt it-titlu ta’ Men’s Singles għal seba’ darbiet, tal-Men’s Doubles għal għaxar darbiet, il-Mixed Doubles għal seba’ darbiet, u t-triple crown erba’ darbiet. Liema unur qiegħed l-iżjed għal qalbek?

Kull unur li ksibt huwa xi ftit jew wisq speċjali għalija, ibda bl-ewwel unur li qatt irbaħt – dak tal-Under 13 Boys Singles, ibqa’ tiela’ għall-aħħar unuri li ksibt din is-sena stess. Iżda kieku kelli nagħżel unur wieħed, kieku nagħżel is-sena li rbaħt it-titlu nazzjonali tal-Men’s Singles għall-ewwel darba. Kelli 21 sena u fil-finali ltqajt ma’ Kenneth Vella li fl-opinjoni tiegħi hu l-aħjar plejer tal-Men’s Singles li Malta qatt kellha sal-ġurnata tal-lum. 

Kenneth kien ilu ma jitlef logħba singles għal snin twal. Niftakarni tifel żgħir u mmur nara l-finali ta’ dawn il-kampjonati u ħafna drabi kien ikun hemm Kenneth jiġġieled għat-titlu kontra plejers ta’ livell għoli bħal Simon Spiteri, Aldo Polidano jew David Cole. Kont narah jilgħab u niftakarni ngħid lili nnifsi li xi darba rrid nilħaq floku.

U dik il-ġurnata waslet fl-2003. Kont diġà ltqajt miegħu fil-finali sentejn qabel u kont lgħabt ħażin għax kont eċitat ħafna; infatti kont tlift. Fil-finali tas-sena 2003 kont determinat li nagħti l-aħjar tiegħi u ma nħallix l-eċitament u l-biża’ jirkbuni. Wara logħba kumbattuta ħriġt rebbieħ u l-ħolma tiegħi saret realtà.

U fix-xena internazzjonali?

Fix-xena internazzjonali naħseb li l-iktar suċċess li ngħożż huwa meta rbaħna lil selezzjoni tal-aqwa plejers Sqallin fil-Logħob tal-Mediterran li saru fi Sqallija stess. Kienet esperjenza unika għalina l-plejers tal-badminton għaliex aħna m’aħniex imdorrijin nikkompetu u jkollna ġurnalisti u nies mill-Kumitat Olimpiku Malti jiġu jarawk tilgħab. Barra minn hekk, kien hemm diversi sportivi ta’ dixxiplini oħra magħna, kollha ninkuraġġixxu ’l xulxin, u għalhekk kienet esperjenza sabiħa ħafna għalina.

Niftakar li dik is-sena d-dixxiplini l-oħra ma tantx kienu marru tajjeb. Sqallija kienet rebħet il-maġġoranza tal-logħob. Aħna wkoll konna bdejna ħażin għaliex tlifna l-Women’s Doubles, iżda fil-pront, jien u Samuel Cali (li kien qiegħed jagħmel id-debutt internazzjonali tiegħu f’dik il-logħba), ġibna parità għal Malta billi rbaħna l-Men’s Doubles. Kien imiss lili nilgħab il-Men’s Singles iżda sfortunatament kont tlift bi 3 sets. Madankollu l-plejers l-oħra tat-tim irnexxielhom jirbħu l-Women’s Singles (permezz ta’ Maria Borg) u l-Mixed Doubles (grazzi għal Fiorella Sadowski u Samuel Cali) biex b’hekk ġibna r-rebħa għal pajjiżna. Li tirbaħ għal pajjiżek hija sensazzjoni unika!

Hemm xi logħba partikolari li m’int żgur se tinsa qatt?

Naħseb l-iktar logħba li żgur qatt ma jien se ninsa hija meta Badminton Malta kienet organizzat kompetizzjoni internazzjonali ġewwa Malta stess. Niftakar kienu ġew plejers minn diversi pajjiżi fosthom Ċipru, Lussemburgu u s-Sirja. Fil-kompetizzjoni tal-Men’s Singles kont ikkwalifikajt għall-kwarti tal-finali fejn kien imissni nilgħab ma’ plejer minn Lussemburgu li kien wieħed mill-favoriti għar-rebħ tal-kompetizzjoni.

Fl-ewwel sett kont tiela’ ras imb ras miegħu iżda fl-aħħar kien rebaħuli bi ftit punti. Iżda fit-tieni set inqallbet il-folja - ħadt il-logħba f’idejja u rbaħtlu sew biex b’hekk morna għat-tielet sett. Fit-tielet, l-avversarju ma qabadx art. Kienet ġiet folla nies mhux ħażin tara l-logħob, xi ħaġa li għall-badminton hi rari. Niftakar in-nies jappoġġjawni bl-għajjat ta’ “Malta ... Malta”. L-appoġġ tani spinta inkredibbli dakinhar tant li l-avversarju, minkejja li kien ta’ livell ogħla minni, ma setax isib mod kif jirbaħli. Kienet logħba li żgur nibqa’ niftakarha għal għomri.

Eventwalment kont ksibt il-midalja tal-bronż għal pajjiżna.

“Kont narah jilgħab u niftakarni ngħid lili nnifsi li xi darba rrid nilħaq floku”

Stefan, din is-sena inti kont qed tokkupa l-kariga ta’ Media Officer ta’ Badminton Malta. X’kienet ir-raġuni li ġegħlitek tidħol għal din il-kariga, u x’kisbiet għamilt f’din is-sena ta’ ħidma li issa waslet biex tintemm?

Ir-raġuni ewlenija għaliex iddeċidejt li nidħol għal din il-kariga kienet għaliex kont qed nara l-isport li tant inħobb qiegħed imut ftit ftit. Il-badminton, peress li huwa sport żgħir, qatt ma kien jingħata daqshekk importanza. Ħafna mill-attenzjoni tmur fuq sport bħall-futbol u l-basketball. Iżda, iktar minn hekk, il-persuni li kienu jmexxu l-kumitat, fl-opinjoni tiegħi naqsu wkoll milli jagħtu importanza għall-promozzjoni tal-badminton fi xtutna u għalhekk l-ammont ta’ plejers u klabbs jikkompetu kien bil-mod il-mod qiegħed jonqos. Ħassejt li għandi nagħmel xi ħaġa biex nipprova nbiddel din id-direzzjoni li kienet ittieħdet u ddeċidejt li nidħol għal din il-kariga.

Wara sena ta’ ħidma u ħafna sagrifiċċji, nemmen li, flimkien mal-membri kollha tal-kumitat preżenti, din id-direzzjoni rnexxielna ndawruha. Il-badminton qiegħed jerġa’ jidher fuq il-gazzetti. Ħloqna sit ġdid li jiġi kontinwament aġġornat u paġna fuq Facebook li tilħaq mal-4,000 ruħ fil-ġimgħa. Bdejna niffilmjaw xi logħbiet u ntellgħuhom fuq Youtube biex inżidu l-popolarità ta’ dan l-isport tant sabiħ. Ftit ftit il-badminton jidher li qiegħed jerġa’ jieħu l-ħajja.

X’hemm jistenniek fil-futur sportiv tiegħek?

L-istaġun li jmiss se jkun kemxejn differenti għalija għaliex wara ħafna snin iddeċidejt li nieqaf nilgħab ma’ Birkirkara Badminton Club. Din kienet deċiżjoni iebsa ħafna għalija, għaliex kont ili nilgħab ma’ Birkirkara minn tfuliti, u kien hemm membri li tista’ tgħid trabbejna flimkien. 

“Flimkien ma’ grupp ta’ plejers oħra, iddeċidejna li niffurmaw klabb tal-badminton ġdid”

Iżda nemmen li, biex dan l-isport ikompli jikber, hemm bżonn ta’ iktar klabbs f’pajjiżna biex tiżdied il-kompetizzjoni u b’hekk il-livell ikompli jogħla. Flimkien ma’ grupp ta’ plejers oħra, iddeċidejna li niffurmaw klabb tal-badminton ġdid. Għalhekk ingħaqadna ma’ Luxol Sports Club li mill-ewwel offrewlna l-għajnuna tagħhom biex dan il-ħsieb jitwettaq. Nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil Joe Tanti u Paul Falzon tal-għajnuna li qed jagħtuna.

Is-sena d-dieħla se nieħu l-irwol ta’ plejer-kowċ ta’ Luxol Badminton Club. Ovvjament, xorta se nibqa’ nikkompeti u nagħmel ħilti biex nikseb iktar suċċessi, iżda ħa nkun qed nagħmel l-almu tiegħi biex nipprova ngħaddi dak li tgħallimt lill-plejers tal-klabb il-ġdid tiegħi.

Tixtieq tagħmel xi ringrazzjament lil xi ħadd partikolari?

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex l-ewwel nett nirringrazzja lil Alla għat-talent li tani, kif ukoll lil diversi nies li għenuni nasal fejn qiegħed illum. L-ewwel u qabel kollox lill-ġenituri tiegħi li dejjem sibt għajnuna u inkoraġġiment mingħandhom mindu kont żgħir. Nirringrazzja wkoll lill-mara tiegħi li tieħu paċenzja kbira bija minħabba fil-passjoni li għandi għal dan l-isport. Ringrazzjament speċjali jmur għall-kowċis kollha li kelli tul il-karriera kif ukoll għal Badminton Malta, il-Kunsill Malti għall-iSport, u l-Kumitat Olimpiku Malti għax-xogħol siewi tagħhom fil-qasam sportiv. Fl-aħħar nett nixtieq nirringrazzja lill-plejers kollha li xi darba kelli x-xorti nilgħab magħhom – kull wieħed u waħda minnhom għenuni b’xi mod jew ieħor insir il-plejer li jien illum.

More in Sports