L-imħabba kbira għall-Furjana espressa fil-basketball

Erik Debattista – PRO tal-klabb tal-basketball tal-Furjana li l-imħabba li għandu għal dan ir-raħal wasslitu biex jinvesti ħafna ħin fil-klabb tal-basketball tal-istess lokalità

Erik Debattista
Erik Debattista

Kif ġejt involut l-ewwel darba fil-basketball?

Jien il-basketball bdejt inħobbu minn mindu kont żgħir. Bħala student tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fl-aqwa żmien tar-Rabat Depiro ma stajtx ma nsirx inħobb il-logħba. Bis-saħħa wkoll ta’ Brother Jimmy, konna niddedikaw ħafna ħin għall-basketball u konna partitarji kbar tad-Depiro. Sfortunatament it-talent ma kienx fija allura wara li għalaqt l-14-il sena kelli nieqaf għax ma stajtx inlaħħaq mal-livell. Għal iktar minn 15-il sena waqaft insegwi l-basketball lokali avolja minn dejjem bqajt nagħti każ ta’ x’jiġri barra speċjalment fl-NBA. Erġajt dħalt lura b’kumbinazzjoni meta sħabi Furjaniżi ħeġġewni biex immur nara l-finali tan-Knock Out, Floriana kontra Luxol fl-2011. Kienet l-ewwel finali li qatt lagħbu l-Floriana fil-kategorija maġġuri tal-irġiel u għalkemm dik il-logħba tlifniha vera ħassejt nara l-kuluri ħodor li tant inħobb jiġġieldu għall-unur f’dan l-isport. Apparti minn hekk kont sempliċiment impressjonat bil-livell tal-barrani tal-Furjana, Evan Fjeld. Ian Mercieca (dak iż-żmien captain) u Mark Victor Camilleri ħeġġewni ngħinhom primarjament biex nipproduċi sit elettroniku ġdid. Minn dakinhar nista’ ngħid li taru tliet snin u l-ħidma fuq kull aspett tal-klabb ma waqfitx.

“Daqskemm mar kollox tajjeb fis-sena meta rbaħna il-kampjonat, daqshekk ukoll mar kollox ħażin fl-istaġun li għadda”

Xi tgħidli fuq il-kampjonat li rbaħtu fl-2012?

Kienet esperjenza inkredibbli wara sena ħidma bla waqfien. Il-Furjana famuża l-iktar għall- futbol imma rebħet ħafna unuri f’diversi sport oħra. Li tkun parti minn tim li żżid sport ieħor fil-lista kien unur kbir. Dik is-sena l-klabb kien ukoll ġie ppremjat b’Ġieħ il-Furjana, biex tara kemm il-Furjaniżi jieħdu l-isport bis-serjetà. Ħafna Furjaniżi kienu attendew għall-finali u għalkemm ħafna minnhom raw logħba basketball għall-ewwel darba, għadhom isemmuhieli sal-lum. Ma nista’ ninsiha qatt dik il-ġurnata.

Nemmen li ebda klabb tal-basketball f’Malta m’għandu rabta daqshekk b’saħħitha mal-lokalità daqsna. Darba persuna waqt battibekk qalli li għalija l-basketball hija sempliċiment logħba, mentri għalih kienet ħajtu. Minn ġewwa tajtu raġun avolja naf li l-Furjana jista’ jkun sempliċiment raħal għal ħafna, imma għalina l-Furjaniżi l-kulur aħdar ifisser kollox. Il-kumitat preżenti tal-klabb huwa wkoll kompost minn seba’ Furjaniżi!

L-istaġun li għadda tista’ tgħid kien disfatta kbira għal klabb. X’taħseb fuq dan?

Ma nistax ma nagħtikx raġun. Daqskemm mar kollox tajjeb fis-sena meta rbaħna l-kampjonat, daqshekk ukoll mar kollox ħażin fl-istaġun li għadda. Nista’ nassigurak li kull problema li setgħet inqalgħet, inqalgħet, tibda mill-fatt li għalkemm ġibna barrani ta’ livell kbir, l-injury ta’ rkobbtu tefgħetna lura wisq. Ovvjament il-bidla tal-kowċ affetwat ħafna wkoll. Apparti l- kommossjoni medjatika li kienet ħolqot, it-tim ma addattax u telfa wara l-oħra kissret għal kollox il-moral tal-iskwadra.

Ħafna ħasbu li mhux se tikkonfermaw lil Christoph Stolp bħala kowċ, imma dan ġie kkonfermat kmieni minn Mejju. X’inhi r-raġuni?

Nemmnu bis-sħiħ li Christoph huwa kowċ ta’ livell kbir ħafna. Sempliċiment tara sessjoni ta’ taħriġ tiegħu tapprezza l-kapaċitajiet tiegħu fil-logħba. Christoph sofra ħafna minn problemi tipiċi li kowċ barrani jsib mal-ewwel impatt mar-realtà Maltija. Affarijiet bħal dawn fil-fatt narawhom anki fil-futbol. La aħna bħala kumitat u lanqas il-kowċ ma ħsibna li t-tim ried daqshekk żmien biex jaddatta għal sistema ġdida. Ir-realtà dilettanteska ta’ Malta ħadnieha b’ovvja. Dan ma jfissirx li kollox kien ħażin u fil-fatt deher biċ-ċar li l-livell tat-tim beda jiżdied ma’ kull logħba. Mas-Siġġiewi, li s-sena li għaddiet kienu forza, tlifna fl-aħħar sekondi u tajnihom logħba kbira, filwaqt li anke rnexxielna nirbħu lil Luxol ta’ Samuel Deguara. Ċerti plejers żgħażagħ bħal Clayton Calleja, Billy Zammit u Sean Borg għamlu qabża notevoli ta’ kwalità fi ftit żmien. Nemmnu li bi Stolp mill-bidu tal-istaġun l-affarijiet se jkunu ferm differenti.

X’inhuma l-pjanijiet tagħkom għall-istaġun li ġej?

Bdejna naħdmu minn kmieni sforz ukoll li ma konniex qed nilagħbu l-playoffs. Immedjatament wara l-konferma ta’ Stolp, ħabbarna l-akkwist ta’ Nikola Vasovic mingħand Luxol, wieħed mill-iktar plejers promettenti fix-xena lokali, filwaqt li ġeddidna l-kuntratt ta’ Dirk Schembri għal tliet snin wara diċeriji li kien se jieqaf. Ftit wara ħabbarna wkoll lil Nigel Sultana u lil Marco Mercieca (li se jingħaqad ma’ ħuh Ian, Furjaniż, il-captain tal-ewwel kampjonat u llum President tal-klabb). Ġew ikkonfermati wkoll Omar Shamala, David Agius, Sean Borg, Billy Zammit u Clayton Calleja, filwaqt li David Camilleri u Peter Shoults ingħaqdu ma’ Hibs u Virtus rispettivament.

Nemmen li sa ġimgħa mill-għeluq tas-suq tat-trasferimenti konna flimkien mad-Depiro l-iktar timijiet armati. Imbagħad ġrat xi ħaġa li ħadd ma stenna. It-tim tad-Depiro tal-irġiel neħħa l-aħjar plejers tiegħu u minn dan ibbenefikaw l-iktar Virtus (klabb ġdid) u Athleta. Dawn tal-aħħar kienu qed ibatu biex ikollhom tim kompetittiv wara li tilfu lil Shawn Pace u David Bugeja, żewġ żgħażagħ promettenti ħafna, u rtira Steve Schembri, wieħed mill-aqwa plejers Maltin ta’ kull żmien. Fi żmien ġimgħa reġgħu ramaw bil-kbir bi tliet plejers tad-Depiro fosthom Roderick Vella, li hu plejer eċċezzjonali u li nemmen li s-snin li ġejjin se jkunu l-aqwa tiegħu. Bi plejers rinomati bħal Michael Naudi u Omar Said jidher ċar li għal darb’oħra l-Athleta se jkunu l-aqwa forza tal-kampjonat.

“Telfa wara l-oħra kissret għal kollox il-moral tal-iskwadra”

Nammetti li xi ftit ħassejniha peress li aħna konna ilna ħafna nippjanaw u xejn ma seta’ jippreparana għall-aħħar ġimgħa tat-trasferimenti. Imma min-naħa l-oħra huwa tajjeb ukoll għal-logħba Maltija li se jkun hemm iktar klabbs jiġġieldu għall-unuri. Fortunatament iffirmajna lil Lee Ross ukoll fl-aħħar minuti tas-suq tat-trasferimenti. Lee kien żgur wieħed mill-aqwa plejers tal-istaġun li għadda u kien il-pedina perfetta biex nagħlqu l-lista tal-Maltin. Minn kif qed jidhru l-affarijiet s’issa, aħna u Virtus se nkunu l-ikbar xewka għad-dominanza ta’ Athleta, avolja ħadd ma jista’ jissottovaluta l-grinta tas-Siġġiewi u l-esperjenza tal-Luxol. Iż-żgħażagħ tad-Depiro jistgħu wkoll joffru xi sorpriża.

Qed issir xi tip ta’ ħidma fuq in-nursery?

Iva, fil-fatt apparti mit-tim tal-kbar qed naħdmu ħafna fuq is-settur tan-nursery u din is-sena se nilagħbu f’erba’ kategoriji tal-bniet u se nintroduċu l-kategorija U12 tas-subien wara ħafna snin. Qed naħdmu qrib ħafna mal-iskejjel fosthom Stella Maris tal-Gżira, li minn hawn nixtieq nirringrazzjahom. It-triq hija twila u iebsa għax hawn ħafna kompetizzjoni minn klabbs u sports differenti. Għajnuna nammetti ma tantx issib u r-riżorsi u l-faċilitajiet huma ftit, imma mhux se naqtgħu qalbna għax nemmnu li l-futur tal-klabb huwa fl-istrutturi u fiż-żgħar.

“Nemmen li ħafna klabbs Maltin moħħhom biss fis-suċċessi fil-kategoriji tal-kbar u ma jinvestux f’bażi soda”

Kif tarah il-basketball Malti inġenerali?

Il-basketball hawn Malta m’għandux il-prominenza li tixraqlu. Eżempju ċar kien in-nuqqas ta’ attenzjoni li rċivew mill-mezzi tax-xandir it-timijiet nazzjonali riċentament fejn it-tim tal-irġiel ġab midalja tal-fidda storika u t-tim tan-nisa rebaħ midalja tal-bronż, apparti suċċessi fil-kategoriji taż-żgħar. Din hija ħasra kbira għax il-basketball hija logħba mill-isbaħ.

Hawn nuqqas ta’ riżorsi wkoll. Biex issib post fejn titħarreġ diffiċli ħafna u għandek kompetizzjoni minn sport oħra bħall-futsal. L-MBA għamlet sforz notevoli minn dan il-lat u t-training courts il-ġodda ġewwa Ta’ Qali huma verament state of the art, imma xorta mhux biżżejjed. Il-finanzi huma problema kbira oħra għax trid tiġġieled mal-futbol, festi u elf ħaġa oħra għal ftit fondi.

Nemmen ukoll li wisq klabbs Maltin huma moħħhom biss fis-suċċessi fil-kategoriji tal-kbar u ma jinvestux f’bażi soda. Ċerti plejers Maltin ukoll jippretendu wisq mil-lat finanzjarju u dik titfa’ lura lil ħafna klabbs. Mhux se ngħid xejn ġdid imma l-futur tal-basketball huma t-tfal u l-ħidma trid tiġi ffukata hemmhekk.

More in Sports