“Xejn ma jaqtagħli qalbi” – Ian Paul Grech

Ian Paul Grech – atleta żagħżugħ li diġà kiseb diversi suċċessi fl-atletika kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna u li żgur li għandu futur mill-isbaħ quddiemu f’dan l-isport

Twieled fit-18 ta’ April 1993 f’Tal-Pietà

Ilu fix-xena tal-atletika għal dawn l-aħħar 14-il sena 

Ta’ 9 snin ingħaqad man-nursery tal-klabb ta’ Pembroke, u meta għalaq it-12-il sena tela’ mal-grupp tal-kowċ, Jivko Jetcheva

Rebaħ il-Junior Athlete of the Year għall-istaġun 2010/2011 u reġa’ kiseb l-istess unur għat-tieni darba fl-istaġun 2011/2012

F’dan l-istaġun intgħażel biex jerġa’ jirrappreżenta lil pajjiżna mat-tim nazzjonali fl-Islovakkja għal-logħob tal-European Team Championships

Irrappreżenta lil pajjiżna fil-High Jump bl-aħjar qabża personali ta’ 1.75m

Kemm ilek fix-xena tal-atletika?

Ilni fix-xena tal-atletika għal dawn l-aħħar 14-il sena. Ta’ 9 snin ingħaqadt man-nursery tal-klabb ta’ Pembroke, u meta għalaqt it-12-il sena tlajt mal-grupp ta’ Jivko Jetcheva. Ma’ Jivko bdejt niffoka aktar fuq sprints u jumping events. Dejjem kelli l-motivazzjoni biex nitħarreġ u nkun parti mill-grupp b’atleti kbar bħal Darren Gilford u Rebecca Camilleri. Kull dixxiplina fiha s-sabiħ tagħha però d-dixxiplini tal-qbiż huma l-iktar favoriti tiegħi u jekk ikolli nagħżel event l-aktar għal qalbi għalkemm mistoqsija diffiċli nagħżel id-dixxiplina tal-long jump. Fl-2008 intgħażilt l-ewwel darba biex nirrappreżenta lil Malta għal-Logħob tal-FISEC li saru ġewwa pajjiżna stess fejn din kienet l-akbar xewqa tiegħi li nikkompeti għal pajjiżi. Fl-istess sena ntgħażilt biex insiefer l-ewwel darba mat-tim nazzjonali ġewwa Brno fir-Repubblika Ċeka fil-European Kids Athletic Games fid-dixxiplini tal-long jump u r-relay. Din kienet kompetizzjoni memorabbli fejn kienet l-ewwel darba li qbiżt aktar minn 6 metri fil-long jump u ksibt ir-raba’ post u l-ewwel midalja bil-kulur tal-fidda li qatt ksibt barra minn xtutna fid-dixxiplina tar-relay. Mis-sena 2008 ksibt aktar motivazzjoni biex nerġa’ nirrappreżenta lil Malta.

“Minkejja d-diffikultajiet li kelli, xejn ma qatagħli qalbi biex nerġa’ nikseb l-enerġija u nerġa’ nibda nikkompeti”

Induru għas-sena 2010. X’tiftakar minn dik is-sena?

Fl-2010 iffukajt l-aktar fuq id-dixxiplina tal-long jump għax il-mira tiegħi kienet li nintgħażel għall-European Youth Olympic Trials li saru ġewwa Moska fir-Russja. Dawn kienu logħob li kienu qed isiru għall-ewwel darba bi preparazzjoni għal-Logħob Olimpiku taż-Żgħar. Din kienet l-aktar kompetizzjoni b’livell avvanzat li qatt mort fejn irnexxieli nikseb esperjenza ferm sabiħa niltaqa’ ma’ atleti professjonali tal-futur fl-atletika. Fl-istaġun 2010/2011 tlajt fil-kategorija Junior fejn il-preparamenti għall-istaġun bdew b’kamp ta’ taħriġ fil-Bulgarija b’mira li nintgħażel għall-ewwel darba mal-iskwadra nazzjonali tal-kbar. Kienet sena diffiċli, però rnexxieli nikseb l-akbar distanza fit-triple jump u b’hekk ksibt posti man-nazzjonal tal-kbar biex nikkompeti fil-European Team Championships ġewwa l-Islanda. Kienet esperjenza mill-isbaħ, b’atmosfera differenti. F’din is-sena għalkemm kont sena iżgħar irnexxieli nirbaħ il-Junior Athlete of the Year għall-istaġun 2010/2011 u erġajt ksibt l-istess unur għat-tieni darba fl-istaġun 2011/2012.

Naf li fl-istaġun 2012/2013 esperjenzajt emozzjonijiet differenti mis-soltu. Tina iktar dettalji.

Hekk hu. Ma kinitx sena faċli, fejn kont qed nikkompeti ma’ atleti akbar minni u b’iktar esperjenza però minkejja d-diffikultajiet irnexxieli nikseb għall-ewwel darba t-titlu fid-dixxiplina tal-long jump fil-Logħbiet Nazzjonali Maltin b’qabża ta’ 6.82m. Wara dawn il-logħob intgħażilt biex nirrappreżenta lil Malta f’logħob ġewwa Marseille fi Franza fejn minkejja r-riħ kontra rnexxieli nikseb qabża ta’ 6.74m. Din il-kompetizzjoni għenitni mentalment u ġimgħa wara ġewwa pajjiżna ksibt il-Personal Best tiegħi fil-Long Jump b’qabża ta’ 7.02m. Kienet l-ewwel darba tiegħi b’qabża ta’ aktar minn seba’ metri u b’hekk kont emozzjonat u ferħan ħafna. Fl-istess kompetizzjoni rnexxieli nikseb l-aħjar distanza fid-dixxiplina tal-high jump b’qabża ta’ 1.74m. F’dan l-istaġun intgħażilt biex nerġa’ nirrappreżenta lil pajjiżna mat-tim nazzjonali fl-Islovakkja għal-logħob tal-European Team Championships. Did-darba rrappreżentajt lil pajjiżna fil-high jump b’qabża personali ta’ 1.75m.

X’miri u aspirazzjonijiet fassalt għal matul din is-sena?

Din is-sena hija sena b’miri ġodda għalija fejn bdejt kors tal-B.Ed fl-Edukazzjoni Fiżika fl-Università ta’ Malta waqt li qed nitħarreġ kuljum bi preparamenti għall-istaġun. Ma kinitx sena faċli għalija. Waqt il-kors fl-Università kont inqatta’ ħafna ħin fuq saqajja nipprattika dixxiplina ta’ sports differenti relatati mal-kors biex imbagħad nerġa’ mmur għat-taħriġ filgħaxija. Bdejt l-istaġun b’kompetizzjoni ġewwa Sheffield fi Stadium Indoor fejn waqt li kont qed nikkompeti ħassejt uġigħ fil-hamstring li żammitni milli nieħu sehem fil-finali tal-long jump li kont ikkwalifikajt fiha. Wara trattament tajjeb f’saqajja erġajt bdejt nitħarreġ għall-kumplament tal-istaġun fejn sfortunatament ma tantx domt biex erġajt weġġajt f’aċċident waqt li kont qed ngħin fl-eżamijiet tal-O’ Levels. Din id-darba l-injury kienet naqra aktar serja fejn sabuli li kelli ‘strain ligaments’ u kelli nqatta’ 8 ġimgħat mingħajr taħriġ li ma kinitx faċli għalija. Minkejja d-diffikultajiet li kelli xejn ma qatagħli qalbi biex nerġa’ nikseb l-enerġija u nerġa’ nibda nikkompeti. Għalkemm ma tantx kelli ħin ta’ preparazzjoni u taħriġ kif kelli fi snin ta’ qabel minħabba l-injury xorta ma qtajtx qalbi. 

“Fil-grupp qegħdin atleti li nikkompetu ma’ xulxin iżda xorta waħda nappoġġjaw dejjem lil xulxin f’kull mument”

Dan wassal biex fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Atletika li saru ftit tal-ġimgħat ilu, irnexxielek tikseb suċċess partikolari. Tina iktar dettalji. 

Hekk hu. Fl-ewwel ġurnata tal-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta tal-Atletika ta’ din is-sena rnexxieli nikseb National Championship Record fid-dixxiplina tat-triple jump b’qabża ta’ 14.12m. Kien mument emozzjonali fejn minkejja d-diffikultajiet li kelli xorta rnexxieli nġib riżultat tajjeb. Fit-tieni ġurnata tal-logħob nazzjonali Maltin did-darba kelli d-dixxiplina tal-long jump. Inżilt biex niddefendi t-titlu li ksibt l-istaġun ta’ qabel u b’motivazzjoni kbira rnexxieli nerġa’ nirbaħ dan l-unur għat-tieni darba b’qabża ta’ 6.94m. L-istaġun ma waqafx hemm fejn bħalissa ninsab għaddej bi preparamenti għall-European Team Championships li se jsiru f’Georgia fejn hemmhekk se nieħu sehem f’żewġ dixxiplini tal-long jump kif ukoll tat-triple jump. 

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti partikolari?

Iva, nixtieq ngħid grazzi lill-kowċ tiegħi Jivko Jetcheva li dejjem baqa’ jimmotivani u anki lil sħabi li nitħarrġu flimkien li bl-appoġġ kollu ta’ xulxin irnexxieli nasal s’hawnhekk. Minkejja li l-atletika huwa sport individwali u fil-grupp qegħdin atleti li nikkompetu ma’ xulxin, xorta waħda nappoġġjaw dejjem lil xulxin f’kull mument.

More in Sports