Il-bniedem wara r-riforma tal-irrefjar f’pajjiżna

Adrian Casha – il-Kap tad-Dipartiment tar-Referees tal-MFA u l-moħħ wara r-riforma tal-irrefjar f’pajjiżna. Ġab bidliet kbar f’dan is-settur u li qed jagħmel ġid kbir lill-futbol Malti. F’dawn il-jiem qed jiċċelebra l-1,000 jum minn meta beda jokkupa din il-kariga ferm importanti u delikata fil-futbol Malti.

Twieled fit-12 t’Ottubru 1968 fl-Imtarfa

Dam referee tal-futbol għal 20 sena sħaħ bejn l-1990 u l-2010 – FIFA Assistant Referee (1997-1998) u FIFA Referee (2003-2007)

Rebaħ l-Unur ‘L-Aħjar Referee’ fil-Malta Football Awards fis-sena 2004 u ngħata l-Unur għall-Karriera waqt il-Malta Football Awards fis-sena 2011

Kien is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Referees Association bejn l-1994 u l-1996 u l-2003 u l-2005

Illum jokkupa l-karigi ta’ Malta FA Director of Refereeing, UEFA CORE Coach, UEFA Referee Observer u FIFA Assessor

Kif tħajjart issir referee tal-futbol?

Fis-sajf tal-1990 kont qrajt fit-‘Times of Malta’ li kien se jsir kors għal referees ġodda u applikajt aktar biex nitgħallem aħjar ir-regolamenti tal-logħba. Kelli 22 sena u ma ħassejtnix tajjeb biex inkun plejer tal-futbol. Wara l-kors bdejt ningħata xi logħob bħala assistent referee u wara anki bħala referee. Il-kliem ta’ inkoraġġiment mis-superjuri tiegħi qawwewli qalbi u minn hemm nibtet fija l-passjoni lejn ir-refereeing. Jiddispjaċini biss li ma bdejtx il-karriera aktar qabel.

Bħala FIFA Referee liema huma dawk il-logħbiet li jibqgħu memorabbli għalik?

Bħala FIFA Referee niftakar żewġ partiti ta’ prestiġju ta’ ħbiberija bejn it-Timijiet Olimpiċi tal-Greċja u l-Awstralja (0-0) fit-30 ta’ Marzu 2004 ġewwa Volos u Repubblika Irlandiża mmexxija minn Roy Keane kontra ċ-Ċina (1-0) nhar id-29 ta’ Marzu 2005 ġewwa Lansdowne Road. Niftakar ukoll żewġ partiti mill-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 Sena bejn l-Albanija u d-Danimarka (1-2) fit-8 t’Ottubru 2004 u Liechtenstein vs Turkija (2-3) fit-8 ta’ Settembru 2007, kif ukoll dik ta’ ħbiberija bejn il-Bulgarija u r-Rumanija ta’ taħt il-21 Sena (3-0) fil-15 ta’ Novembru 2003. Fuq livell ta’ klabbs niftakar il-partiti mit-Tazza UEFA Belasica vs Celje (0-5) fit-28 t’Awwissu 2003, Omonia Nicosia vs FK Sloga Jugomagnat (4-0) fil-15 ta’ Lulju 2004, Koper vs Litex Lovech (0-1) fit-13 ta’ Lulju 2006 u Rudar vs Omonia Nicosia (0-2) fit-2 t’Awwissu 2007 filwaqt li mit-Tazza Intertoto niftakar il-partiti Esbjerg vs NSI Runavik (3-1) fid-19 ta’ Ġunju 2004 u Ethnikos Achnas vs Osijek (0-0) fit-8 ta’ Lulju 2006. Irreffjajt ukoll f’żewġ edizzjonijiet tad-Dallas Cup fl-Istati Uniti fl-2004 u l-2006. Hawn Malta rrefjajt ir-rebħa tat-tim nazzjonali ta’ Malta f’partita ta’ ħbiberija kontra n-Norveġja (2-1) fit-8 ta’ Frar 2005 u t-telfa ta’ Georgia kontra l-Moldova (1-5) fit-Tournament Internazzjonali ta’ Malta nhar is-27 ta’ Frar 2006 b’Georgia jkollhom żewġ plejers imkeċċija. Fix-xena lokali jibqgħu fil-memorja tiegħi l-Finali tal-FA Trophy bejn Sliema Wanderers u Marsaxlokk (2-0) nhar it-18 ta’ Mejju 2004 u l-Finali tas-Super Cup bejn Sliema Wanderers u Birkirkara (0-3) fl-1 t’Awwissu 2005.

Wara 1,000 jum fil-kariga, bosta jtennu li int il-moħħ wara r-riforma straordinarja li l-MFA għamlet fis-settur tar-refereeing f’pajjiżna. Kif tħossok wara 1,000 jum fil-kariga u x’inhu s-sigriet għal dan is-suċċess?

Irrid nagħmilha ċara li l-MFA minn dejjem kienet tagħti importanza kbira lis-settur tar-refereeing. Jiena komplejt fuq it-tajjeb li sar minn ta’ qabli u jekk Alla jrid ta’ warajja jkompli fuq il-ġid li nkiseb f’dawn l-1,000 jum. Inħossni kuntent li flimkien mal-kollegi tiegħi nista’ nwettaq dak li dejjem xtaqt li nara f’dan is-settur. Is-sigriet huwa d-determinazzjoni u l-perseveranza, flimkien mal-fiduċja assoluta u s-sapport kontinwu mill-amministrazzjoni tal-MFA u l-fatt li ninsab imdawwar b’diversi persuni kompetenti li kollha għandhom il-passjoni lejn ir-refereeing bħalma għandi jien. Barra minn hekk, għandna ħidma għaddejja f’armonija sħiħa fejn kull persuna għandha fdat lilha qasam li hija responsabbli minnu.

X’kien l-akbar pass ’il quddiem li għamel is-settur tar-refereeing taħt it-tmexxija tiegħek?

Bla dubju l-akbar pass ’il quddiem kien il-bini tad-Dipartiment tar-Refereeing biswit is-Centenary Stadium fuq inizjattiva tal-President tal-MFA is-Sur Norman Darmanin Demajo. Dan il-pass kien strumentali ħafna sabiex nistgħu noperaw b’mod aktar awtonomu u jkollna l-ispazju fejn nilqgħu lir-referees u lill-osservaturi tagħna. Illum id-Dipartiment ġie ttrasformat bħala Ċentru ta’ Tagħlim u saħansitra għandna uffiċini u Sala tal-Konferenzi fejn ikollna l-laqgħat, il-korsijiet u s-seminars li norganizzaw minn żmien għall-ieħor. 

X’kienet l-akbar diffikultà li sibt ma’ wiċċek?

L-akbar diffikultà kien in-numru ta’ referees, li 1,000 jum ilu kien naqas għal 90, fi żmien meta l-MFA ħasbet biex iżżid it-timijiet f’kull diviżjoni u allura kien se jiżdied il-logħob. Kien għalhekk li ftit xhur wara l-ħatra tiegħi waqqafna Akkademja tar-Referees għal żgħażagħ ta’ bejn l-14 u s-17-il sena sabiex negħlbu din id-diffikultà. Illum qed ingawdu l-frott ta’ din l-inizjattiva, għax ftit aktar minn sentejn wara, in-numru ta’ referees attivi issa jlaħħaq mal-130, mingħajr mhu qed ninkludi liż-żgħażagħ li preżentament għaddejjin b’kors ta’ sentejn fl-Akkademja. 

Kemm-il darba smajna li referee jagħmel il-kors, ikollu xi incident, jaqta’ qalbu u ma jkomplix. X’inhu l-mekkaniżmu mħaddem sabiex dan ma jiġrix?

Il-bidu mhuwiex faċli, għalhekk kull referee li jidħol fis-sistema jingħata s-servizz ta’ mentor sabiex dan ikun il-punt ta’ riferiment tiegħu. Minn dan l-istaġun bdejna nużaw xi wħud mir-referees attivi li jirreffjaw fil-Kampjonat Premier sabiex dawn jagħmluha ta’ mentors għar-referees iż-żgħar li jkunu fl-ewwel passi tal-karriera tagħhom. Għal dawk li jgħaddu minn xi episodju negattiv fil-karriera tagħhom, l-MFA toffri s-servizz ta’ Adele Muscat bħala psikologa tal-isport. F’dan l-aspett jgħinuna wkoll uffiċjali mill-Malta Football Referees Association, li huma wkoll jagħtu s-sapport meħtieġ lir-referees tagħna, speċjalment dawk li jkunu nieqsa mill-esperjenza jew li jkollhom xi inċident.

Referees u assistenti referees li b’xi mod ma jkollhomx prestazzjoni feliċi jiġu b’xi mod iddixxiplinati jew imwissija?

Aħna nemmnu fl-edukazzjoni aktar milli fil-passi dixxiplinarji. Ovvjament l-aħjar appuntamenti jingħataw lil dawk li l-aktar jiksbu punteġġi għoljin mogħtija mill-osservaturi, għalhekk dawk li jkunu għaddejjin minn forma negattiva jingħataw appuntamenti ta’ kwalità inferjuri u ngħinuhom jerġgħu jiksbu l-kunfidenza neċessarja. Barra minn hekk, għandna kumitat apposta li jersqu quddiemu l-uffiċjali li jkunu rċevew marka baxxa mill-osservatur minħabba xi wirja negattiva. Bl-użu tal-filmati li jkollna għad-dispożizzjoni tagħna, nanalizzaw fejn u kif l-uffiċjal ikun seta’ mar aħjar. Dan ma jkunx eżerċizzju ta’ kundanna imma wieħed edukattiv. 

Inti biddilt is-sistema ta’ kif jingħataw l-appuntamenti u issa minflok persuna waħda responsabbli għandek panel ta’ nies f’units differenti. Għaliex ħassejt li kien hemm bżonn dan it-tibdil?

Jiena dejjem kont kontra li bniedem jamministra l-appuntamenti waħdu minħabba li l-element uman jista’ jwassal li referee jkun ivvantaġġjat aktar minn ħaddieħor. Għalhekk waqqaft tliet units differenti li jieħdu ħsieb kemm l-appuntamenti kif ukoll it-tagħlim meħtieġ lil dawk ir-referees li jaqgħu taħt dik il-unit partikolari. Hemm unit ta’ tliet persuni għall-Kampjonat Premier u l-Ewwel Diviżjoni kif ukoll il-logħob f’Għawdex, unit ta’ tliet persuni għat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni, partiti tal-Youths u dawk tal-Assoċjazzjonijiet Affiljati bħala Amatuer Leagues, u unit ta’ żewġ persuni għall-Futsal u l-Beach Soccer.

Sa mill-bidu tal-ħatra tiegħek innutajna influss fir-referees żgħażagħ u mhux l-ewwel darba li referee żgħir fl-età jew nieqes mill-esperjenza ġie appuntat għal xi partita taħraq. Ma taħsibx li dan huwa sogru kbir u jista’ jkun ta’ detriment għar-referee li forsi ma jkunx għadu ppreparat biżżejjed?

Irridu nibnu għall-futur u nagħtu ċ-ċans lil kull referee li jkun għaddej minn forma tajba, anki jekk ikun żgħir fl-età jew nieqes mill-esperjenza. Mhuwiex ġust li l-għażla għal partita taħraq tkun dejjem bejn l-istess tlieta jew erba’ referees. Bit-tagħlim li qegħdin nagħtu u l-għadd ta’ seminars li qegħdin norganizzaw, ir-referees huma lkoll ippreparati l-istess sabiex jikkontrollaw kwalunkwe partita fil-kategorija tagħhom. 

Taħt it-tmexxija tiegħek rajna għadd ta’ inizjattivi ġodda, fosthom l-introduzzjoni tal-assistenti referees addizzjonali. Kemm taħseb li rnexxiet din l-inizjattiva u kif jiġi deċiż liema partiti jkunu kkontrollati b’sitt uffiċjali minflok is-soliti erbgħa?

B’sodisfazzjon ngħid li Malta kienet it-8 pajjiż minn 54 fil-UEFA li introduċiet l-assistenti referees addizzjonali. Kienet inizjattiva li rnexxiet għaliex b’hekk ir-referee qed ikollu par għajnejn oħra fuq il-kaxxa l-kbira u mhux l-ewwel darba li tittieħed deċiżjoni tajba mir-referee minħabba l-intervent tal-assistent referee addizzjonali. Din is-sistema qiegħda tagħti wkoll iċ-ċans li l-assistenti referees ikunu aktar konċentrati u korretti fil-ġudizzju tagħhom fir-regolament tal-offside. It-timijet kollha fil-Kampjonat Premier qegħdin jingħataw ċans indaqs li jkollhom partiti tagħhom ikkontrollati b’sit uffiċjali.

Matul dawn l-elf jum tiegħek fit-tmun tar-refereeing lokali spikkaw ukoll l-għadd ta’ skambji ta’ referees ma’ assoċjazzjonijiet barranin kif ukoll iż-żieda notevoli ferm ta’ appuntamenti internazzjonali mill-UEFA u l-FIFA. Kemm taħseb li r-referis Maltin qegħdin jibbenifikaw minn dan kollu?

L-opportunità li r-referis tagħna jmorru jirreffjaw f’kampjonati barranin kienet ħolma li saret realtà f’dawn l-elf jum fil-kariga. Permezz ta’ dawn l-iskambji qegħdin inkabbru l-esperjenza tar-referis tagħna fil-futbol internazzjonali u nagħtu l-opportunità lil dawk l-uffiċjali li m’humiex fuq il-Panel tal-FIFA sabiex huma wkoll ikollhom iċ-ċans li jirreffjaw partiti barra minn Malta. Għall-klabbs Maltin u għall-futbol Malti huwa wkoll tajjeb li ma jarawx l-istess uċuħ jikkontrollaw il-partiti tat-timijiet tagħhom.

Novità oħra kienet it-tneħħija tal-età massima ta’ 47 sena għar-referees u l-assistenti referees fil-Kampjonati mill-Premier sat-Tielet Diviżjoni għaliex sar dan?

L-età massima ta’ 47 sena kienet diskriminatorja. Aħna nemmnu li sakemm jgħaddi mit-testijiet fiżiċi u dawk mediċi, uffiċjal għandu jingħata ċ-ċans li jkompli bil-karriera tiegħu.

X’inhu eżattament l-irwol tiegħek bħala UEFA CORE Coach?

Dan l-irwol ġie introdott mill-UEFA fl-2010 minħabba l-bidu ta’ programm speċjalizzat imsejjaħ CORE (Centre of Refereeing Excellence). Bħala kowċ tar-referees ikolli terni arbitrali barranin li għal perjodu taż-żmien inkun il-kowċ tagħhom sabiex ngħinhom jiżviluppaw aktar u aħjar il-ħiliet tagħhom. Nattendu wkoll żewġ korsijiet intensivi fil-kwartieri tal-UEFA u nżommu kuntatt regolari sabiex bħala kowċ inkun nista’ nagħti l-pariri neċessarji. Fl-aħħar tat-tieni kors il-parteċipanti jingħataw ċertifikat jew diploma, skont kemm ikunu wrew impenn fil-ħidma tagħhom bejn il-kors ta’ introduzzjoni u dak li jikkonsolida dak li dawn ir-referis żgħażagħ ikunu tgħallmu. Bħalissa għandi taħt il-ħarsien tiegħi terni arbitrali mir-Repubblika Irlandiża u l-Moldova, filwaqt li l-istaġun li għadda kont qiegħed nieħu ħsieb terni arbitrali mill-Bulgarija u l-Lussemburgu.

Fil-kariga tiegħek ta’ UEFA Referees Observer (FIFA Assessor) tiltaqa’ ma’ għadd ta’ referees internazzjonali barranin, uħud minnhom ta’ fama mondjali li jirreffjaw f’kompetizzjonijiet prestiġjuzi bħalma huma t-Tazza tad-Dinja, il-Kampjonat Ewropew għan-Nazzjonijiet, UEFA Champions’ League, UEFA Europa League u oħrajn. Kif tħossok dwar dan?

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nassessja referees ta’ fama mondjali. Fihom tispikka l-umiltà, fejn anki jekk ikunu ġejjin minn xi pajjiż kbir fil-futbol internazzjonali u jiena nkun ġej minn pajjiż żgħir bħal Malta, xorta tarahom ifittxu l-pariri sabiex ikunu aħjar milli huma.

Kemm verament temmen li l-livell tar-referis Maltin żdied taħt it-tmexxija tiegħek f’dawn l-elf jum fil-kariga ta’ Direttur tar-Refereeing?

B’saqajja mal-art ngħid li r-riżultati jitkellmu waħedhom. Minn statistika miġbura u mgħoddija lilna mill-UEFA, bejn l-2009 u l-2011 ir-referees Maltin kellhom medja ta’ punteġġ fiż-żona ‘Satisfactory performance with small areas of improvement’. Fl-aħħar sentejn, minbarra żieda sostanzjali ta’ appointments internazzjonali kemm mill-UEFA kif ukoll mill-FIFA, il-medja tal-punteġġi mogħtija lir-referees Maltin żdied għal ‘Good performance at the expected level’.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’din il-kariga?

Il-ħajja għallmitni ngħix ġurnata b’ġurnata. Se nibqa’ nistinka sabiex il-livell tar-referees Maltin ikompli tiela’ ’l fuq permezz ta’ tagħlim kontinwu u opportunitajiet sbieħ barra minn xtutna. L-aktar ħaġa importanti għalija meta naħseb fil-futur hija li meta nispiċċa mill-kariga, inħares lura u nara li sar progress fis-settur tar-refereeing li tant huwa għal qalbi.

X’messaġġ tixtieq twassal lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jibdew karriera ta’ referee f’pajjiżna?

Il-karriera ta’ referee hija karriera mill-isbaħ u li tgħinek tifforma karattru sod u personalità. Hija karriera li tagħtik ħafna sodisfazzjon jekk tagħraf timpenja ruħek. Kull min jeħtieġ aktar informazzjoni, jista’ jikteb lis-Sur Alexander Arena, il-persuna responsabbli mill-ingaġġ ta’ referees ġodda fuq [email protected]

More in Sports