Esperjenza, teknika u klassi fil-basketball

Steffi De Martino – plejer femminili tal-basketball li żgur li m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni f’dan l-ambitu hekk kif rebħet dak kollu li għandu x’joffri l-basketball lokali kemm fuq bażi personali kif ukoll fuq bażi ta’ klabb

Steffi de Martino
Steffi de Martino

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball u kif kompliet tevolvi bid-diversi suċċessi kemm personali kif ukoll fuq bażi ta’ klabb li rnexxielek tikseb?
L-imħabba tiegħi għall-basketball bdiet meta jiena kont għadni żgħira niġri ma’ ommi għat-taħriġ u għal-logħob peress li hi kienet tilgħab ukoll. Bdejt nilgħab basketball meta kelli għaxar snin ma’ kowċ jismu Stephen Buttigieg fil-klabb tal-Footwork. Il-fatt li kont immur l-iskola San Andrea, għenitni ħafna għax hi skola fejn jinkoraġixxu ħafna l-isport. Fl-2001 bdejt nilgħab mal-Luxol. F’dan il-punt ta’ ħajti kont nipprattika wkoll l-atletika u l-futbol u nqassam ħini bejn it-tlieta li huma. Iżda mbagħad wasal il-ħin li kelli nagħżel wieħed minnhom sabiex niffoka fuq wieħed u neċċella fih. Minn hemm ’il quddiem, bdejt nieħu l-basketball aktar bis-serjetà. Lgħabt mal-Luxol għal għaxar snin sa meta għalaqt it-18-il sena. Mill-2007 sal-2011 irbaħna l-kampjonat ta’ kull kategorija taż-żgħar: ta’ taħt is-sbatax-il sena, fl-2007 u fl-2008 u l-kategorija ta’ taħt l-għoxrin sena, irbaħnieh erba’ snin infila mill-2008 sal-2011. Matul dan iż-żmien, irbaħt numru ta’ unuri tal-Plejer tas-sena, li bdew mill-kategorija ta’ taħt is-sbatax-il sena fl-2007.

Niġu issa għat-tim nazzjonali tal-basketball. Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fi ħdan dan it-tim li jirrappreżenta lil pajjiżna fl-isport li tant tħobb.
L-ewwel parteċipazzjoni tiegħi fin-nazzjonal kienet fl-2008 mal-kategorija ta’ taħt is-sbatax-il sena. Kienet kompetizzjoni tal-FIBA ġewwa Malta. F’din is-sena, meta kelli 14-il sena, irbaħt l-ewwel midalja tad-deheb. Ikolli ngħid, li l-ewwel esperjenza tiegħi man-nazzjonal kienet waħda eċċezzjonali. Li tirbaħ midalja tad-deheb dejjem tħossok kburi u f’età daqshekk żgħira tħeġġek li tkompli tirsisti biex dejjem timxi ’l quddiem. Din kienet is-sena li fiha tgħallimt li sabiex immur tajjeb kelli bżonn ħafna dedikazzjoni u tqassim ta’ ħin tajjeb biex ikolli biżżejjed ħin għat-taħriġ. It-taħriġ tan-nazzjonal huwa ta’ esperjenza differenti minn dak tal-klabb. F’dak iż-żmien tas-sajf, konna qed nitħarrġu darbtejn kuljum, għalhekk sirna magħqudin bħala tim, u tħejjejna sew għall-kompetizzjoni. Is-sentejn ta’ wara kienu ta’ importanza fil-karriera tiegħi tal-basketball. Ħadt sehem f’żewġ kompetizzjonijiet tal-FIBA fil-kategoriji ta’ taħt is-sittax-il sena u taħt it-tmintax-il sena, fejn f’dawk is-sentejn irbaħna l-midalja tal-bronż. Dik is-sena jiena ġejt magħżula bħala waħda mill-ħames ‘all star’ plejers tat-tournament. Is-sena 2009 kienet l-ewwel sena li fiha ntgħażilt mat-tim tal-kbar, kemm fin-nazzjonal kif ukoll fil-kampjonat Malti mal-klabb. Fl-ewwel xahar tal-logħob tal-kbar irbaħt l-unur tal-‘Plejer tax-Xahar’. Kienet sena ta’ suċċess fejn irnexxielna naslu sal-finali biex fl-aħħar tlifna kontra l-Hibs. F’din is-sena kont magħżula sabiex mat-tim tal-kbar nirrappreżenta lil Malta fil-logħob tal-Mediterran f’Pescara. Din kienet l-ewwel kompetizzjoni tiegħi mat-tim tal-kbar.

Wara dan kollu kif komplejt tevolvi fil-basketball fis-snin li matulhom irbaħt dak kollu li għandu x’joffri l-basketball lokali?
L-istaġun 2010-2011 kien ukoll staġun importanti mal-klabb fejn komplejna nżidu r-rebħ. Irbaħna, fost oħrajn, il-kampjonat tal-kbar kif ukoll ta’ taħt l-għoxrin sena. Fl-aħħar tal-istaġun irbaħt l-unur tal-plejer tas-sena fiż-żewġ kategoriji. Din kienet l-ewwel sena fejn kont parti mit-tim nazzjonali li rebaħ il-midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni tal-FIBA fl-Armenja. Wara sena ta’ taħriġ iebes u intensiv, il-fatt li tirbaħ il-kampjonat Malti huwa diġà ta’ sodisfazzjon. Imma qatt ma ninsa, kemm ħassejtni kburija meta rbaħna l-midalja prestiġjuża tad-deheb għan-nom ta’ pajjiżna.

Fis-sentejn ta’ wara għamilt bidla fil-karriera tal-basketball tiegħek hekk kif wara għaxar snin tilgħab għal-Luxol, iffirmajt mal-klabb tad-Depiro.
Hekk hu. Din l-esperjenza, ma’ kowċ u plejers ġodda, għenitni nikber kemm bħala individwu kif ukoll bħala plejer. Flimkien mat-tim il-ġdid, irbaħna l-kampjonat ta’ taħt id-dsatax-il sena, fejn erġajt irbaħt l-unur tal-Plejer tas-Sena ta’ dik il-kategorija. Fit-tieni sena mad-Depiro komplejna bis-suċċessi bir-rebħ tat-Tazza Louis Borg. Din hija kompetizzjoni li tintlagħab fuq żewġ logħbiet kontra l-istess tim. Il-finali kienet kontra l-eks tim tiegħi, Luxol. Tlifna b’sittax-il punt fl-ewwel logħba tal-finali. Dan kien ifisser li fit-tieni logħba kellna nirbħu b’aktar minn sittax-il punt. Għal ħafna nies, din dehret impossibli għaliex konna għadna ma rbaħnielhomx fl-istaġun, però aħna ridna nuru l-veru valur tagħna u għalhekk ma qtajniex qalbna u ħriġna rebbieħa. Rebħa bħal din, tibqa’ dejjem waħda mill-aktar memorji sbieħ tiegħi għaliex ħadd ma basar li konna se naslu. Din ir-rebħa kienet importanti għalina, bħala preparazzjoni għall-finali tal-kampjonat li wkoll kienet kontra Luxol. Kienet tħejjija tajba għaliex waslitna wkoll għar-rebħ tal-kampjonat. Dawk is-sentejn ma’ Depiro kienu importanti għalija, iżda minn dejjem kelli qalbi marbuta mal-Luxol li jirrappreżenta l-klabb li trabbejt fih. Għalhekk, wara sentejn ma’ Depiro, erġajt mort lura mal-Luxol, fejn matul dan l-istaġun irbaħna n-Knock Out u s-Super Cup, kif ukoll il-Kampjonat ta’ taħt it-23 sena.

Plejer tal-kalibru tiegħek qatt ħasbet li tmur tilgħab barra minn Malta speċjalment meta tqis il-fatt li l-livell hemmhekk huwa ħafna iktar ogħla minn dak li nsibu f’pajjiżna?
Iva, fil-fatt, mal-medda tas-snin avviċinawni diversi klabbs u universitajiet biex nilgħab mat-tim tagħhom barra minn Malta. Il-livell tal-basketball f’ħafna pajjiżi barra minn Malta huwa għoli u għalhekk din hija opportunità li nikkunsidra sabiex nimxi ’l quddiem bħala plejer. Naħsibha sew żgur wara li nlesti l-kors li qed nistudja għalih fl-Università hawn Malta. Għalkemm tkun diffiċli għalija naf li tkun opportunità fejn nilgħab f’livell ogħla u nara aspett differenti tal-logħba.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Nixtieq ngħaddi messaġġ liż-żgħażagħ kollha li jħobbu mhux biss il-basketball iżda kwalunkwe sport u li jixtiequ javvanzaw fl-isport tagħhom. Id-dedikazzjoni għat-taħriġ u l-logħob hija ta’ importanza sabiex taslu għas-suċċessi li tixtiequ. It-talent waħdu mhuwiex biżżejjed - hemm bżonn ta’ taħriġ intensiv u dedikazzjoni sabiex tasal fejn trid!

 

More in Sports