X’sar minnha l-qawwa tat-tim nazzjonali Brażiljan?

Jekk kien hemm tim nazzjonali li f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin wettaq il-meravilji permezz tar-riżultati li kiseb u l-plejers li pproduċa fuq livell mondjali, m’hemmx dubju li dan ma kien ħadd ħlief it-tim nazzjonali Brażiljan

Fost l-aqwa players li pproduċa l-istess tim, ma nistgħux ma nsemmux lil Pelè, Ronaldo, Ronldinho, Rivaldo, Kakà, Carlos Dunga, Rivaldo, Dani Alves u Leonardo fost oħrajn. 

Iżda, jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-wirjiet u r-riżultati tal-istess tim fl-aħħar xhur, wieħed jistaqsi x’sar minnha l-qawwa tal-Brażiljani. 

Insemmu biss it-Tazza tad-Dinja tas-sena li għaddiet fejn il-Brażil sfaw eliminati permezz ta’ umiljazzjoni liema bħalha miċ-champions tad-dinja, il-Ġermanja, li fis-semi-finali għelbuhom bl-iscore kbir ta’ 7-1.

U propju eżatt sena wara huma sfaw eliminati mill-Copa America fil-kwarti tal-finali, mit-tim nazzjonali meqjus inferjuri tal-Paragwaj, bl-iscore finali jkun dak ta’ 4-3, wara l-għoti tal-penalties. 

Dan wara li l-logħba sal-ħin regolamentari intemmet f’parità ta’ 1-1. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-iscorer tal-Brażil f’din il-logħba, ukoll jinduna kemm il-Brażil m’għandhomx għażliet effikaċi fid-dipartiment tal-attakk. 

Dan hekk kif irnexxielu jsib ix-xibka, Robinho - plejer li nistgħu ngħidu li l-aqwa jiem tiegħu fil-logħba tal-football huma sorpassati, fejn wara snin jilgħab ma’ Manchester City, Real Madrid u AC Milan, illum ftit li xejn għadu jissemma’, hekk kif jinsab b’self ma’ Santos fil-Brażil, u fl-istaġun li għadda skorja sitt goals f’20 logħba. 

Fil-jiem li għaddew ġie intervistat il-player li kien meqjus bħala fenomenu fl-aqwa jiem tiegħu ma’ AC Milan, Kakà, li f’intervista ma’ CNN, ta l-opinjonijiet tiegħu rigward x’jaħseb li huma l-fatturi u r-raġunijiet ewlenin għall-falliment aħħari tal-Brażiljani. Fost dawn huwa beda biex semma’ l-livell tal-kampjonat domestiku Brażiljan, bħala wieħed mis-sintomi tal-problemi li qed jaffaċċja t-tim nazzjonali Brażiljan. 

Għall-fini ta’ statistika, fl-2014, skont il-FIFA, il-Brażil kien l-aktar pajjiż attiv f’dak li għandu x’jaqsam ma’ suq tat-trasferimenti. 

Dan hekk kif kien hemm xejn inqas minn 646 player li marru jilagħbu fil-Brażil u 689 player li ħallew dan il-pajjiż enormi biex ifittxu avventuri ġodda f’kontinenti oħra, l-aktar fosthom fl-Ewropa. Iżda, meta wieħed jagħtu ħarsa lejn il-players li jimmilitaw fit-tim nazzjonali Brażiljan, wieħed malajr jinduna li ħafna minn dawn il-players jilagħbu fl-Ewropa u mhux fil-Brażil. 

Fost dawn nistgħu nsemmu lil Dani Alves ta’ Barcelona u Philippe Coutinho ta’ Liverpool. Kakà, li llum jgħodd it-33 sena u li qed jilgħab ma’ Orlando City fil-Major Soccer League fl-Istati Uniti, saħaq li m’hemm l-ebda sens ta’ organizzazzjoni, kemm fi ħdan it-tim nazzjonali Brażiljan, kif ukoll fil-futbol Brażiljan inġenerali. 

Huwa kompla li l-ebda persuna responsabbli mill-futbol Brażiljan mhux qed tagħti kas tal-futur tal-futbol f’dan il-pajjiż, fejn dan l-isport huwa meqjus bħala reliġjon. Skont Kakà, li qed jaħsbu biss dawn in-nies huwa fuq il-futur immedjat bit-tragwardi jkunu għax-xahar id-dieħel u mhux għal snin oħra. 

Plejers tat-tim nazzjonali Brażiljan b’diżappunt u delużjoni evidenti fuq wiċċhom wara t-telfa ta’ 4-3 kontra l-Paragwaj wara l-għoti tal-penalties fil-kwarti tal-finali tal-Copa America, biex sfaw eliminati mill-istess kompetizzjoni prestiġjuża
Plejers tat-tim nazzjonali Brażiljan b’diżappunt u delużjoni evidenti fuq wiċċhom wara t-telfa ta’ 4-3 kontra l-Paragwaj wara l-għoti tal-penalties fil-kwarti tal-finali tal-Copa America, biex sfaw eliminati mill-istess kompetizzjoni prestiġjuża

Kakà kien fforma parti mill-iskwadra li rebħet it-Tazza tad-Dinja li kienet saret fil-Ġappun u fil-Korea ta’ Isfel, lura fl-2002, iżda minn dak iż-żmien ’l hawn, it-tim nazzjonali Brażiljan, ftit li xejn impressjona.

Sintomi ieħor tal-falliment tat-tim nazzjonali Brażiljan huwa l-fatt li l-Brażil ftit li xejn, qed jaħdem biex jiżviluppa t-talent ta’ plejers żgħażagħ, fejn fl-aħħar snin stajna ninnutaw li ftit li xejn plejers żgħażagħ Brażiljani ħallew il-marka tagħhom, fosthom f’Kampjonati Ewropej tal-ogħla livell. Barra minn hekk, dan il-pajjiż falla wkoll milli joħloq sistema ta’ kampjonat organizzat u kompetittiv. 

Meta wieħed iqis il-fatt li l-ftit plejers ta’ teknika, li qed jipproduċi l-Brażil, qed iħallu dan il-pajjiż biex jimirħu fl-Ewropa kemm jista’ jkun malajr, minn dan kollu qed isofri l-kampjonat domestiku Brażiljan. 

Xhieda ta’ dan huma l-istadia Brażiljani li għal-logħob tal-kampjonat domestiku jkunu nofshom vojta, il-biljetti biex wieħed imur isegwi logħba fl-istadia rispettivi, qegħdin kulma jmur jitilgħu fil-prezz, waqt li qed tiżdied il-vjolenza fil-logħbiet kemm bejn il-partitarji, kif ukoll bejn il-plejers involuti fil-logħba tant sabiħa tal-futbol innifisha!

Kakà, ivvutat bħala l-aqwa player tad-dinja lura fl-2007 meta dak iż-żmien kien jilgħab fl-Italja ma’ AC Milan, fejn nistgħu ngħidu li tabilħaqq dan kien l-aħjar żmien tiegħu fil-futbol, tenna li jinsab inkwetat rigward il-livell tal-Kampjonat domestiku Brażiljan, minħabba li skont hu m’għadux dak li kien jiftakar meta kien għadu iżgħar fl-età. 

Huwa qal li l-persuna responsabbli mill-amministrazzjoni tal-football Brażiljan iridu jpoġġu bilqiegħda u jaraw kif se jsolvu d-diversi problemi li qed jaffaċja l-futbol f’dan il-pajjiż. 

U dan, speċjalment meta pajjiżi oħra, anki iżgħar mill-Brażil, qegħdin kulma jmur jagħmlu passi ta’ ġgant ’il quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ strutturi marbuta mal-futbol milgħub u mhux biss, permezz tal-ideat u metodi ġodda għall-akbar ġid ta’ dan l-aktar sport popolari fid-dinja. 

Wara d-diżappunt totali tat-Tazza tad-Dinja tas-sena li għaddiet li saret fil-Brażil stess, it-tim nazzjonali Brażiljan fittex li jimbarka fuq ċiklu ġdid, billi neħħa lill-coach Luiz Felipe Scolari u ngaġġa fit-tmun tiegħu lil Carlos Dunga. 

Niftakru li dan kien l-istess persuna li kien il-captain fl-aħħar trijonf maġġuri tal-Brażil permezz tar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2002. 

Wara li serva għal żmien twil bħala captain tal-Brażil, Carlos Dunga kien inħatar coach tal-Brażil lura fl-2006 fejn dam fit-tmun tal-Brażil sal-2010, u mexxa lit-tim tiegħu għal xejn inqas minn 42 rebħa, u 12-il parità u tilef biss sitt logħbiet. Iżda, kellha tkun il-kwarti tal-finali mitlufa bl-iscore ta’ 2-1 kontra l-Olanda nhar it-2 ta’ Lulju tal-2010, li temmet l-avventura ta’ Carlos Dunga, fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Brażiljan. 

L-istil ta’ logħob li kien jipprepara għat-tim tiegħu, Carlos Dunga, kien meqjus bħala negattiv u nieqes mill-ideat, u dan barra d-disfatta kontra l-Olanda, kien fattur ieħor li wassal biex Carlos Dunga jiġi mneħħi minn coach tat-tim nazzjonali Brażiljan. 

Iżda, jidher li l-amministraturi tal-futbol Brażiljan għandhom fiduċja assoluta f’Carlos Dunga, hekk kif reġgħu tawh il-fiduċja assoluta biex imexxi lit-tim nazzjonali Brażiljan, wara li Luiz Felipe Scolari tneħħa mit-tmun tal-Brażil tul is-sajf tas-sena li għaddiet.

U biex ngħidu kollox tul l-aħħar xhur fit-tmexxija tal-Brażil, Carlos Dunga, deher li kien qed iġib l-istess saħħa u ħeġġa, li kien tabilħaqq juri fil-grawnd bħala captain tal-Brażil, lura fin-nukleu tat-tim nazzjonali preżenti tal-Brażil. 

Dan hekk kif qabel it-telfa kontra l-Paragwaj, fil-Copa America, il-Brażiljani kienu għadhom ġejjin minn tmien logħbiet konsekuttivi mhux megħluba. 

Iżda, din id-disfatta kontra l-Paragwaj, fejn il-Brażil, xejn ma impressjonaw, reġgħet waqqgħet bis-sħiħ il-moral u l-entużjażmu fil-kamp tat-tim nazzjonali Brażiljan. 

Tajjeb ngħidu li f’din il-logħba, il-Brażiljani kienu ferm xotti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ azzjonijiet perikolużi, u saħansitra fl-ewwel taqsima huma daħlu fil-kaxxa tal-avversarji għal darba waħda biss. 

Intant, f’kummenti ġenerali li Kakà għadda lil CNN, huwa saħaq li dan huwa klabb ġdid għall-Brażil, u waqt li huwa ta sostenn u sapport morali sħiħ lill-coach Carlos Dunga, huwa afferma li issa huwa ż-żmien li l-Brażil tipprepara bis-sħiħ u tħares ’il quddiem b’ottimiżmu għat-Tazza tad-Dinja li jmiss, li se ssir fir-Russja fl-2018. 

More in Sports