Manchester City jnaqqsu d-distakk minn ma’ Chelsea għal 3 punti

Wilfried Bony jiskorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ Manchester City fir-rebħa konvinċenti ta’ 3-0 tal-Blues kontra West Bromwich Albion
Wilfried Bony jiskorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ Manchester City fir-rebħa konvinċenti ta’ 3-0 tal-Blues kontra West Bromwich Albion

Manchester City naqqsu d-distakk minn mal-leaders Chelsea għal 3 punti, għalkemm huma lagħbu żewġ logħbiet iktar mit-team immexxi mill-Ispecial One, Josè Mourinho.  Dan hekk kif ġewwa darhom fl-Etihad Stadium ma tantx batew biex għelbu lil West Bromwich Albion bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0. 

U dan, hekk kif WBA kienu sfortunati li spiċċaw jilagħbu b’10 plejers wara biss żewġ minuti logħob meta tkeċċa għalihom il-plejer Gareth McAuley. Il-gowls għall-Blues waslu minn Wilfried Bony, Fernando u David Silva. 

F’logħba oħra li ntlagħbet f’White Hart Lane, rajna xejn inqas minn seba’ gowls hekk kif Tottenham Hotspur ġewwa darhom għelbu lil Leicester City bl-iskor ta’ 4-3 bil-gowls għall-Ispurs jaslu minn tripletta ta’ Harry Kane b’wieħed mit-tliet gowls jasal minn penalty waqt li l-gowl l-ieħor għat-tim immexxi minn Mauricio Pochetino wasal minn awto-gowl sfortunat tal-plejer ta’ Leicester City, Jeffrey Schlupp. 

Min-naħa l-oħra t-tliet gowls għal Leicester City waslu minn Jamie Vardy, Wes Morgan u David Nugent. Arsenal barra minn darhom għelbu lil Newcastle United bl-iskor ta’ 2-1 biż-żewġ gowls għall-Gunners jaslu fl-ewwel taqsima minn doppjetta ta’Olivier Giroud f’temp ta’ erba’ minuti biss. Il-gowl waħdieni għall-Magpies wasal minn Moussa Sissoko fid-49 minuta. 

Swansea City barra minn darhom għelbu l-isfida ta’ Aston Villa bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl waħdieni għal Swansea City jasal minn Bafetimbi Gomis fis-87 minuta. Southampton, ġewwa darhom għelbu lil Burnley bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ gowls għas-Saints jaslu minn Shane Long u awto-gowl sfortunat tal-plejer ta’ Burnley, Jason Shackell fit-58 minuta. 

Crystal Palace barra minn darhom kisbu tliet punti prezzjużi meta għelbu lil Stoke City bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ gowls għalihom jaslu minn penalty ta’ Glenn Murray u Wilfried Zaha f’temp ta’ erba’ miunti biss. Min-naħa l-oħra l-gowl waħdieni għal Stoke City wasal minn Mame Biram Diouf fl-14 -il minuta, li kien il-gowl li bih Stoke City kienu propju marru fil-vantaġġ. West Ham United ġewwa darhom għelbu lil Sunderland bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl uniku għall-Hammers fil-logħba jasal minn Diafra Sakho fit-88 minuta. 

Intant fil-Kampjonat Taljan, Serie A TIM, Chievo Verona ġewwa darhom kisbu tliet punti prezzjużi fir-rebħa minima ta’ 1-0 konta Palermo bil-gawl waħdieni għalihom jasal minn Alberto Paloschi fis-36 minuta. 

Tajjeb ngħidu li Chievo Verona fallew penalty permezz tal-istess awtur tal-gowl Alberto Paloschi fit-62 minuta waqt li Palermo spiċċaw il-logħba jilagħbu b’10 plejers wara li tkeċċa għalihom il-plejer Sinsia Andelkovic hekk kif irċieva żewġ karti sofor f’temp ta’ 25 minuta.

More in Sports