Diego Costa jispira lil Chelsea biex jitilgħu waħedhom fil-quċċata

Diego Costa - l-eroj assolut fir-rebħa ta’ Chelsea wara li skorja hat-trick
Diego Costa - l-eroj assolut fir-rebħa ta’ Chelsea wara li skorja hat-trick

Diego Costa kien l-eroj assolut għal Chelsea meta wara li kienu gowl minn taħt, għelbu lil Swansea City bl-iskor ta’ 4-2 biex issa jinsabu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra b’punti massimi minn erba’ logħbiet. L-attakkant prolifiku Spanjol irnexxielu jiskorja tripletta waqt li l-gowl l-ieħor għat-tim minn Londra wasal mis-sostitut Loic Remy fil-81 minuta. Min-naħa l-oħra l-gowls għal Swansea City waslu minn awto-gowl ta’ John Terry u minn gowl ta’ Jonjo Shelvey. 

Intant, f’logħba li offriet spettaklu mill-aqwa u li fiha rajna erba’ gowls Manchester City u Arsenal temmew il-konfront ta’ bejniethom f’parità ta’ 2-2 f’logħba li ntlagħbet fl-Emirates Stadium. Il-gowls għal Arsenal waslu minn Wilshere u Alexis Sanchez waqt li ż-żewġ gowls għall-Blues waslu minn Sergio Aguero u Martin Demichelis.

Southampton ġewwa darhom għelbu lil Newcastle United bl-iskor kbir ta’ 4-0 bil-gowls għalihom jaslu minn doppjetta ta’ Pelle u gowl kull wieħed għal Cork u Schneiderlin. Everton barra minn darhom għelbu lil WBA bl-iskor ta’ 2-0 bil-gowls għalihom jaslu minn Lukaku u Mirallas. Sunderland u Tottenham Hotspur temmew il-konfront ta’ bejniethom f’parità ta’ 2-2 bil-gowls għal Sunderland jaslu minn Adam Johnson u minn awto-gowl ta’ Harry Kane. Min-naħa l-oħra ż-żewġ gowls għall-Ispurs waslu minn Nacer Cadi u Christian Eriksen. 

Intant, sorprendentament, Liverpool ġewwa darhom f’Anfield tilfu bl-iskor minimu ta’ 1-0 kontra Aston Villa li kellhom bidu mill-aqwa f’dan il-kampjonat, bil-gowl għalihom jasal minn Gabriel Agbonlaor wara biss 9 minuti logħob. 

More in Sports