Id-dittatorjat ta’ Marc Marquez fil-Moto GP

Dominju assolut minn Marc Marquez fil-Moto GP
Dominju assolut minn Marc Marquez fil-Moto GP

M’hemmx dubju li s-sewwieq tal-Moto GP, Marc Marquez huwa wieħed mill-aqwa elementi li pproduċa dan l-isport b’uħud diġà qed isostnu li tabilħaqq dan huwa l-aqwa sewwieq tal-Moto GP li pproduċa l-isport f’kull żmien. Matul dan l-istaġun huwa diġà rebaħ għaxar tiġrijiet konsekuttivi bl-għaxar waħda li rebaħ tkun propju dik fiċ-ċirkwit ta’ Indianapolis, u dan meta għad għandu biss 21 sena. Kien biss nhar il-Ħadd li għadda li huwa naqas milli jiskeb il-11-il rebħa konsekuttiva fil-Grand Prix tar-Repubblika Ċeka li ntrebaħ mill-Ispanjol Dani Pedrosa fuq mutur Honda. Marquez kellu jikkuntenta biss bir-raba’ post f’dan iċ-ċirkwit ta’ Brno.

Jidher li r-rivali tiegħu fl-istess tim Repsol Honda, Pedrosa u anki Valentino Rossi ma jistgħux ilaħħqu mal-livelli ferm għolja ta’ dan il-fenomenu sewwieq Spanjol. Permezz tal-għaxar rebħiet konsekuttivi li kiseb Marquez huwa kiser ir-rekord tal-iktar sewwieq żagħżugħ li kiseb daqstant rebħiet meta għeleb ir-rekord tas-sewwieq Mike Haulwood meta rnexxielu jagħmel dak li għamel Marquez meta kellu 24 sena u 86 ġurnata, lura fl-1964. 

Madankollu, Marquez għad għandu biss 21 sena u 184 ġurnata u diġà rnexxielu jilħaq dan it-tragward uniku fil-karriera mill-aqwa tiegħu. Bid-dominanza assoluta tiegħu ma jidhirx li hemm dubju fuq min se jkun qed jirbaħ il-Kampjonat tal-Moto GP fi tmiem dan l-istaġun meta fadal seba’ tlielaq biex jiġi fi tmiemu l-istess kampjonat. Tajjeb ngħidu wkoll li Marc Marquez huwa l-ewwel sewwieq li rebaħ għaxar tiġrijiet konsekuttivi tal-klassi Premier tal-Moto GP wara s-sewwieq Mick Doohan lura fl-1997.

More in Sports