Platini u Blatter jirrappreżentaw il-qerda tal-futbol mondjali

Jekk hemm żewġ rivali kbar bħalissa fid-dinja sportiva fosthom fil-kamp tal-futbol mondjali, m’hemmx dubju li dawn m’huma ħadd ħlief il-President tal-FIFA, Sepp Blatter u l-President tal-UEFA, Michel Platini.

Platini u Blatter jirrappreżentaw il-qerda tal-futbol mondjali
Platini u Blatter jirrappreżentaw il-qerda tal-futbol mondjali

Bosta qed isostnu li Platini jista’ jieħu post Blatter bħala President tal-FIFA fil-futur qarib iżda oħrajn huma tal-opinjoni li minħabba l-popolarità li Blatter igawdi mal-assoċjazzjonijiet membri mill-kontinenti tal-Afrika u tal-Asja dan jista’ jwassal biex Blatter jibqa’ fit-tmun tal-FIFA għas-snin li ġejjin. 

F’dawn l-aħħar ġimgħat Blatter ġie kkundannat minn ħafna segwaċi tal-futbol mondjali u mhux biss, talli ta l-permess lill-Qatar biex jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja fis-sajf tal-2018 fejn ftit wara huwa stess ammetta li dan kien żball minħabba s-sħana qawwija li taħkem dan il-pajjiż u għalhekk xejn mhu se tkun qed tgħin lill-plejers li se jkunu qed jilagħbu f’din is-sħana tremenda.

Però Cantona saħaq li waqt li jemmen li l-idea li t-Tazza tad-Dinja ssir fil-Qatar kienet idea ħażina, primarjament din kienet idea ta’ Platini nnifsu u ta’ ħadd iktar. Cantona li ma tantx jidher li għandu xi simpatija partikolari lejn Platini u iktar jidher li jappoġġja lil Blatter kompla li daqstant ieħor żbaljata kienet l-idea li matul is-sena li għaddiet Platini ta d-dritt lill-Iżrael, pajjiż mifni bi problemi minn kull lat biex jorganizza l-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena. 

Il-plejer leġġendarju Franċiż li fil-passat riċenti tant kiseb suċċessi ma’ Manchester United afferma li f’termini ta’ drittjiet umani l-idea li Platini jagħti lill-Iżrael il-permess biex jorganizzaw dawn il-kampjonati hija daqstant ieħor diżrispettabbli daqs l-idea ta’ Blatter li jagħti t-Tazza tad-Dinja lill-Qatar, meta wieħed jikkunsidra il-politika addottata mill-Iżreal u l-problemi li huwa mifni bihom dan il-pajjiż fosthom dawk politiċi. 

Finalment Cantona xejn ma qabel ukoll mal-idea li Platini jagħti l-Kampjonati Ewropej lill-Ukrajna lura fl-2012 li skont Cantona dan il-pajjiż ma tantx jirrappreżenta demokrazija sana. Cantona huwa tal-opinjoni li f’dan id-diżgwid kbir bejn Platini u Blatter ħadd mhu qed jirbaħ iżda tabilħaqq qed jitlef bil-kbir il-futbol mondjali hekk kif fi kliemu dawn iż-żewġ staturi ferm importanti qed jirrappreżentaw il-qerda tal-futbol mondjali! 

More in Sports