Futur inċert għal Pogba ma’ Juventus

Interess qawwi f’Pogba minn PSG li għalih qed joffru s-somma ta’ €80 miljun
Interess qawwi f’Pogba minn PSG li għalih qed joffru s-somma ta’ €80 miljun

Ftit tal-ġimgħat ilu l-Maniġer Ġenerali ta’ Juventus, Giuseppe Marotta, insista li l-plejer li rriżulta fost l-aqwa plejers tal-Bianconeri matul dan l-istaġun, Paul Pogba, ma kienx jinsab għall-bejgħ. Iżda, jidher li fl-aħħar jiem kollox inbidel ta’ taħt fuq. 

Dan hekk kif żviluppa interess qawwi f’Pogba mir-rebbieħa tal-Kampjonat Ligue 1 fi Franza nhar il-Ħadd li għadda, Paris Saint-Germain, fejn huma offrew is-somma esorbitanti ta’ xejn inqas minn €80 miljun biex jakkwistaw is-servizzi tiegħu. Jidher li hemm ukoll interess fil-plejer prolifiku Franċiż minn Real Madrid u Chelsea.

Matul ix-xhur li għaddew kien hemm ukoll interess fl-istess plejer miż-żewġ timijiet ta’ Manchester, Manchester United u Manchester City iżda jidher li dan l-interess sfaxxa. 

F’kummenti li għadda lill-mezzi tax-xandir matul din il-ġimgħa Pogba stqarr li għadu ma ddiskutiex dettalji rigward il-futur tal-kuntratt tiegħu mad-diriġenti ta’ Juventus. Huwa afferma wkoll li bħalissa iktar minn taħdidiet rigward il-kuntratt tiegħu mal-Bianconeri huwa jinsab iffukat fuq l-aħħar impenji tiegħu għal dan l-istaġun ma’ Juventus kemm fis-Serie A kif ukoll fil-UEFA Europa league fejn it-tim minn Turin huwa l-favorit nett li jirbaħ dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet prestiġjużi u importanti fix-xena tal-futbol mondjali. 

More in Sports