Is-sigriet wara s-suċċess ta’ Manchester City

 Plejers ta’ Manchester City jiċċelebraw bil-kbir wara r-rebħ tar-raba’ titlu fl-istorja tagħhom nhar il-Ħadd li għadda
Plejers ta’ Manchester City jiċċelebraw bil-kbir wara r-rebħ tar-raba’ titlu fl-istorja tagħhom nhar il-Ħadd li għadda

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet Manchester City għamlu unur kbir għall-belt ta’ Manchester biex pattew bis-sħiħ għad-diżappunt enormi tat-tim l-ieħor minn Manchester, Manchester United u rebħu r-raba’ titlu fl-istorja tagħhom li tajjeb ngħidu li kien it-tieni wieħed fi tliet snin.

Għall-partitarji tas-City, l-istaġun donnu beda b’ċerta ansjetà, speċjalment wara li kien hemm bidla fil-maniġer tat-tim. Manuel Pellegrini, jew kif inhu magħruf l-Inġinier, ħa t-tmun f’idejh wara Roberto Mancini li kien maħbub ferm mill-partitarji tal-Manchester City. Għaldaqstant bejn l-akkwisti li għamlu s-City kif ukoll bil-fama li ġab miegħu l-Inginier, jiġifieri dik ta’ futbol sabiħ ibbażat fuq l-attakk, l-istennija fil-bidu tal-istaġun kienet qiegħda hemm.

Li hu interessanti huwa l-fatt illi din is-sena s-City impressjonaw bl-ammont ta’ gowls li skorjaw. Bla dubju ta’ xejn, l-Inġinier għandu mertu kbir ta’ dan. Irnexxielu jixtri plejers bi ħsieb illi dawn imorru tajjeb mal-filosofija ta’ kif xtaq illi jilgħab it-tim. Fernandinho rriżulta bħala wieħed mill-aqwa akkwisti li għamlu s-City. Dan minħabba li b’Fernandinho u Toure f’nofs il-grawnd, it-tim kien aktar magħqud bi plejers ta’ klassi mondjali. Min-naħa l-oħra Negredo adatta ruħu sew għal-logħba Ingliża waqt li fl-istess ħin huwa u Aguero qablu u ftehmu ħafna fil-logħob tagħhom. Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll kif Jesus Navas ta dimensjoni ġdida lit-tim b’dawk il-ħarbiet veloċi u assists li għamel mal-plejers l-oħra. Apparti minn dan, Pellegrini rnexxielu jġib ċertu kalma fl-iskwadra fejn wieħed jista’ jara kif b’dan il-mod plejer bħal Nasri reġa’ beda jilgħab futbol sabiħ b’ċerta konsistenza.

Madankollu dan l-istaġun ma kienx kollox ward u żahar għas-City. Kien hemm ċerti mumenti fejn id-difiża tas-City kellha ħafna inċertezzi illi swewhom punti prezzjużi. Nuqqas ta’ kordinament bejn id-difiża flimkien ma’ żbalji li għamel il-goalkeeper Joe Hart setgħu kienu vitali f’kampjonat tant miġġieled kif kien ta’ din is-sena. Però wara li Pellegrini ta mistrieħ mistħoqq lil Joe Hart għal numru ta’ ġimgħat, il-goalkeeper Ingliż reġa’ sab ruħu fl-aqwa forma tiegħu.

Illum il-ġurnata, kull tim li jmur jilgħab ġewwa l-Etihad Stadium ġo Manchester, jaf li mhux se tkun faċli. Fl-isfond ta’ kant kontinwu tal-Blue Moon, il-partitarji tas-City irnexxielhom jixprunaw lill-benjamini tagħhom sabiex jilagħbu futbol brillanti u jiskurjaw gowl wara l-ieħor. Fil-fatt is-City rebħu kull logħba ġewwa l-Etihad u ħafna drabi dan għamluh bi skors kbar. Wieħed ma jistax ma jsemmix l-4-1 kontra Manchester United, is-6-0 kontra t-Tottenham Hotspur, is-6-3 kontra l-Arsenal u l-4-0 kontra n-Newcastle. 

Dan kollu sar fi sfond ta’ numru ta’ plejers illi weġġgħu u ma kinux disponibbli għal-logħob kollu. Rimarkabbli huwa l-fatt li Jovetic lagħab ftit logħbiet, waqt li Kompany, Aguero, Silva, De Michelis, Zabaleta, Rodwell u Micah Richards kienu mweġġgħin għal numru twil ta’ ġimgħat. Huwa hawnhekk illi wieħed jara s-saħħa tal-iskwadra ta’ Manchester City. Dan għaliex minkejja dan kollu, it-tim baqa’ jġib ir-riżultati. Huwa dan il-fattur illi fl-aħħar mill-aħħar wassal biex Manchseter City rebħu l-kampjonat. Però kif kulħadd jaf din ma kinitx storja faċli għall-Blies għax wieħed ma jridx jinsa illi timijiet oħra ġabu riżultati b’ċerta konsistenza. Wieħed irid ukoll iżomm f’moħħu illi fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, il-klabbs kollha kellhom l-opportunità illi jsaħħu l-iskwadra tagħhom.

F’dan l-isfond  u b’ċerta kawtela Pellegrini rnexxielu jmexxi lit-tim lejn il-miri tiegħu. Logħba wara logħba f’kull kompetizzjoni dejjem ipprova jsib il-bilanċ billi lagħab l-aħjar formazzjoni skont il-logħba li tkun. U fil-fatt din il-filosofija flimkien ma’ kumbinazzjoni ta’ kwalità, tattika, konsistenza u anki xi ftit fortuna, wasslet lit-tim lejn ir-rebħ tal-kampjonat. Mingħajr ma wieħed ikun kunfidenti żżejjed, jidher li t-tim preżenti jista’ jkompli jġib is-suċċessi li s-City kienu ġabu fl-era hekk imsejħa tad-deheb ta’ żmien Colin Bell, Francis Lee u Mike Summerbee. L-istruttura u l-filosofija li l-klabb għandu wara li nxtara mix-Sheik Mansour ta’ Abu Dhabi tawgura prospetti sbieħ għal dan il-klabb glorjuż ta’ Manchester.

More in Sports