Hull City pass ’il bogħod milli jagħmlu l-istorja

Hull City fil-finali tal-FA Cup għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom
Hull City fil-finali tal-FA Cup għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom

Il-ġurnata tas-Sibt 17 ta’ Mejju tista’ tibqa’ mniżżla b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ Hull City. Huwa fatt magħruf li diġà din id-data se tkun waħda storika għal dan il-klabb żgħir mill-Ingilterra hekk kif irnexxielu jasal sal-finali tat-tieni l-iktar kompetizzjoni importanti f’dan il-pajjiż, l-FA CUP. Iżda jekk jirnexxielu jirbaħ din it-tazza żgur li din il-ġurnata tkun waħda ferm iktar memorabbli għal dan il-klabb fejn iżda se jkollu oppożizzjoni b’saħħitha minn Arsenal li f’logħba li serviet bħala dress rehearsal għal din il-finali prestiġjuża li ntlagħbet ftit tal-ġimgħat ilu t-tim minn Londra rnexxielu jegħleb lil Hull City bl-iskor ta’ 3-0 bil-gowls għalihom jaslu minn Ramsey u doppjetta ta’ Podolski. Rigward il-Kampjonat Barclays Premier fil-bidu tal-istaġun Hull City kienu meqjusa mill-bookmakers Ingliżi bħala dak it-tim li l-iktar kellu ċans li jkun relegat fi tmiem l-istaġun iżda Hull City wettqu sorpriża kbira u meta għad fadal ftit logħbiet għat-tmiem tal-istaġun huma jinsabu pass ’il boghod milli jevitaw ir-relegazzjoni - xi ħaġa li tkun tfisser ħafna għal dan it-tim żgħir. U jekk jirnexxielhom jiksbu l-FA Cup nhar is-17 ta’ Mejju s-sorpriża Hull City tamplifika ruħha bil-kbir! 

ILLUM tkellmet mal-partitarju ferventi u espert fuq dan it-tim f’pajjiżna, Mario Mallia, fejn tana l-fehmiet tiegħu rigward kif ra lil dan it-tim jevolvi matul dan l-istaġun kif ukoll rigward x’ċansijiet jaħseb li għandhom Hull City biex jirbħu l-FA Cup speċjalment meta wieħed iqis il-fatt li se jkunu qed jaffrontaw tim superjuri għalih u li għandu storja iktar glorjuża, Arsenal. 

Mallia afferma li “Għal Hull Cuty, dan kien staġun li għadda bħal ħolma, b’differenza li sar realtà taħt il-kowċ bravu Steve Bruce! Wara li s-sena l-oħra rnexxielna niġu promossi għat-tieni darba fl-istorja tal-klabb għall-ogħla diviżjoni tal-kampjonat Ingliż, l-għan prinċipali kien dak li nistabilixxu ruħna fil-Premier. Ma kinitx xi ħaġa faċli, imma bil-mod il-mod ninsab ferm fiduċjuż li wara l-punt f’parità ta’ 2-2 li ħadna kontra l-Fulham jirnexxielna nsalvaw. L-aktar ħaġa importanti anki kif kien iħobb jirrepeti l-kowċ bravu Steve Bruce hu li nsalvaw. Il-logħob tal-League Cup u dik tal-FA Cup kienu kollha bonus. 

Bħala partitarju ninsab ferm ferħan li kelli din l-opportunità li nara lit-tim favorit tiegħi jasal sal-finali. Għalkemm ma lgħabniex kontra timijiet diffiċli fl-FA Cup, xorta kull tim tana logħba. Il-logħbiet kienu kontra Middlesbrough, Southend, Brighton, Sunderland u Sheffield United. Is-semi-finali kienet logħba spettakolari ħafna fejn spiċċat b’rebħa ta’ 5-3 favur The Tigers, kif inhuma iktar magħrufin Hull City. 

Kienet avventura sabiħa li bil-mod il-mod se ssir realtà nhar is-Sibt li ġej. Kull partitarju jistenna bil-ħerqa li t-tim tiegħu jasal sa finali. Hija logħba li lkoll qegħdin nistennew bil-ħerqa. Se tkun partita diffiċli ħafna. L-ewwel logħba kontra Arsenal li ntlagħbet f’Diċembru spiċċat f’telfa ta’ 2-0. Ftit tal-ġimgħat ilu kellna logħba ġewwa darna fil-KC Stadium u tlifna bl-iskor ta’ 3-0, għalkemm kellna prestazzjoni tajba ħafna u ngħid il-verità li l-iskor forsi jqarraq xi ftit. 

It-tim ta’ Arsenal huwa tim verament qawwi u bi storja kbira. Huwa tim mimli bi plejers ta’ esperjenza. Ir-ritorn ta’ Ozil u ta’ Ramsey naħseb li se jagħmel differenza kbira. Ninsabu sfavoriti immens. Tkun biss ħolma li wieħed joħlom li xi darba tista’ tirbaħ lil xi tim kbir bħal Arsenal, imma ninsabu pożittivi u ma rridux naqtgħu qalbna.

Min-naħa l-oħra t-tim tagħna jinsab ottimist li kapaċi nirbħu din il-loghba hekk diffiċli. Bruce żgur li bl-esperjenza kbira tiegħu kapaċi jorganizza tim li jkun ta’ għadma iebsa għat-tim immexxi minn Wenger. Ninsabu ottimisti li jirritorna lura l-goalkeeper bravu Allan McGregor u Robbie Brady. Min-naħa l-oħra għandna liż-żewġ attakkanti li ġew akkwistati fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, Shane Long u lil Nikica Jelavic li flimkien swew is-somma ta’ 14-il miljun Sterlina, indisponibbli għaliex huma ‘cup tied’ minħabba l-fatt li diġà lagħbu ma’ WBA u Everton rispettivament fl-FA Cup fil-bidu ta’ dan l-istaġun. 

F’waħda mill-intervisti tiegħu li ta l-kowċ Steve Bruce ftit tal-ġimgħat ilu huwa qal hekk “M’hemmx dubju li dan kien l-aqwa staġun tiegħi fit-tmexxija ta’ klabb. Qatt ma jkun faċli li wieħed jintroduċi klabb li jkun għadu kif ġie promoss fil-Kampjonat Barclays Premier, iżda li tibqa’ f’dan il-kampjonat u tikkonvinċi mingħajr qatt ma tesperjenza problemi partikolari, hija xi ħaġa mill-isbaħ. U dan mhux biss hekk kif nhar is-Sibt se nkunu qed naffrontaw finali tal-FA Cup. Kien staġun fantastiku għalina iżda għadu mhux kollox konkluż!”

Wieħed irid ukoll jiftakar li kemm jekk l-Arsenal jispiċċaw fir-raba’ post u anki jekk jirbħu l-FA Cup, Hull City jikkwalifikaw għall-UEFA Europa League. Dan ikun ta’ unur kbir - tim promoss li jikkwalifika fl-ewwel sena tal-promozzjoni tiegħu għall-UEFA Europa League. 

Qatt f’mitt sena ma kien jgħaddili minn moħħi li xi darba għad inkunu f’xi finali aħseb u ara fil-UEFA Europa League. Kif diġà spjegajt se tkun vera diffiċli kontra l-Gunners. Nisperaw li nuru l-logħob li urejna sa issa fil-kampjonat. Jiġri x’jiġri xorta ninsab kuntent b’dak kollu li konna kapaċi nakkwistaw matul dan l-istaġun. Ninsab vera onorat li nżomm ma’ dan it-tim hekk żgħir, imma fl-istess ħin ninsab għatxan għal aktar suċċessi fil-futur,” temm jgħid Mario Mallia.

More in Sports