Thiago Silva jimxi fuq il-passi ta’ Kaka

AC Milan jibqgħu f’qalb Thiago Silva
AC Milan jibqgħu f’qalb Thiago Silva

Id-difensur Brażiljan ta’ kwalitajiet indiskutibbli Thiago Silva saħaq li jrid jimxi fuq il-passi tal-kompatrijott Brażiljan Kaka u jingħaqad ma’ AC Milan matul l-istaġun li ġej. Żgur li AC Milan ħassew bil-bosta n-nuqqas ta’ dan id-difensur prolifiku Brażiljan fejn tajjeb ngħidu li fl-istess sajf li telaq Thiago Silva, AC Milan tilfu wkoll is-servizzi tal-attakkant prolifiku Svediż u li żgur li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni Zlatan Ibrahimovic.
Is-snin ta’ wara t-tluq ta’ dawn iż-żewġ plejers kienu riflessi fil-wirjiet u r-riżultati tar-Rossoneri b’uħud minnhom ikunu deskritti minn ħafna bħala diżastrużi fis-snin riċenti.  Iżda jidher li l-klabb minn Milan baqa’ f’qalb Thiago Silva u għalhekk huwa reġa’ wera x-xewqa li jilbes il-flokk tar-Rossoneri hekk kif għandu ċertu nostalġija għal dan il-klabb Taljan bi storja glorjuża.
Huwa qatta’ erba’ snin ma’ AC Milan wara li kien ingħaqad mar-Rossoneri mingħand it-tim Brażiljan Fluminense lura fl-2008. F’xi logħbiet lejn l-aħħar taż-żmien tiegħu f’Milan Thiago Silva kien saħansitra ngħata l-faxxa ta’ captain tat-tim tiegħu. Fiż-żmien li qatta’ jilgħab bil-flokk aħmar u iswed ta’ AC Milan huwa rebaħ il-Kampjonat Taljan Serie A TIM fl-2011 kif ukoll is-Super Coppa Italiana. Il-plejer ta’ 29 sena kien inbiegħ lill-ġganti Franċiżi Paris St Germain għas-somma ta’ €42 miljun fis-sajf tal-2012, f’tentattiv meqjus minn AC Milan biex jibbilanċja l-kotba finanzjarji tiegħu li xejn ma kienu tajbin f’dak iż-żmien u li sa ċertu punt għadhom sa llum ma tranġawx! Nistennew u naraw x’se jkun il-futur ta’ Thiago Silva!

 

More in Sports