Editorjal | Alexei Navalny

Il-qtil ta’ Alexei Navalny, eroj bla preċedent, tkompli tikkonferma kemm ir-Russja hija poter politiku perikoluż fid-dinja

Il-qtil u l-mewt ta’ Alexei Navlany, Russu assoċjat mal-oppożizzjoni fir-Russja, turi kemm hija serja u prekarja s-sitwazzjoni fir-Russja. Il-President Russu Vladimir Putin illum huwa bla dubju ta’ xejn dittatur korrott, dittatur b’ideat perikolużi għal pajjiżu, kif ukoll għad-dinja ta’ madwaru. 

L-instabbiltà dinjija bl-invażjoni tal-Ukrajna kompliet tgħaqqad l-affarijiet u tkabbar it-tensjonijiet mondjali. Imma l-mewt jew il-qtil ta’ Alexei Navalny, eroj bla preċedent, tkompli tikkonferma kemm ir-Russja hija poter politiku perikoluż fid-dinja u huwa fl-interess ta’ kulħadd li jkun hemm ritorn għad-demokrazija u rispett għas-saltna tad-dritt f’dak il-pajjiż. 

Kif qed nassistu għall-ħakma dittatorjali ta’ Vladimir Putin, pajjiżi oħra qed juru sinjali ta’ double standards. 

Alexei Navalny stess kien kritiku ta’ kif l-Amerika tħares lejn ir-Russja, ngħidu aħna ta’ kif ħarset in-naħa l-oħra meta kien hemm ħniżrijiet kbar qed iseħħu fir-Russja. Dan kien qabel l-invażjoni tal-Ukrajna. Navalny kien qed jitkellem mal-BBC fl-2017. 

Biss biss, anki jekk tħares lejn il-politika fjakka ta’ Joe Biden, il-President tal-Amerika, fil-konfront tal-gwerra ta’ Iżrael fuq Gaża, u l-ġustifikazzjoni tal-qtil indiskriminat ta’ Iżrael fuq nies u tfal u xjuħ Palestinjani, biżżejjed biex tieħu idea tajba. 

Tisma’ l-argumenti redikoli kważi teatrali ta’ Donald Trump. Jistieden lir-Russja tinvadi dawk il-pajjiżi tan-Nato li ma jħallsux is-sehem tagħhom.  

Jew inkella tara d-dikjarazzjonijiet ta’ ħafna Stati fil-konfront ta’ komunitajiet minsija: il-Palestinjani, il-Yemeni, is-Sudaniżi, il-komunitajiet ġewwa t-Tajlandja, it-Tibet, l-Afganistan, l-Iraq u l-Iran ... u l-lista ma tispiċċa qatt.   

Qegħdin ngħixu fi żmien ta’ instabbilita kbira, b’mexxejja politiċi li m’għandhomx sentiment Pro-Demokratiku u jemmnu fil-kukkanja ta’ ħbieb li huma lesti jikkastigaw lil nieshom u oħrajn, u ma jimpurtahomx mit-tbatijiet tan-nies. 

Malta bħalissa, bħala stat sovran, għandha ċ-ċans li tkun influwenti biex tqajjem dawn it-temi fil-Qorti tad-Diplomazija Internazzjonali. Huwa l-mument li l-Gvern Malti juri snienu u jkun tarka ta’ dawk il-pajjiżi u l-popli tad-dinja. Bin-nuqqasijiet kollha tagħna nistgħu nkunu punt ta’ referenza għal pajjiżi u ġnus oħra. 

More in Politika