Sandra Gauci | X’se tagħtini?

Il-Partit Laburista sab il-mezz kif inessi l-każijiet ta’ korruzzjoni, it-traffiku u l-impunità li hawn mal-pajjiż sforz l-istituzzjonijiet ipparalizzati billi jagħti ċekk qabel l-elezzjoni

M’ilux, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ ħabbar li f’Mejju se jerġa’ jqassam iċ-ċekkijiet lill-familji fil-bżonn. Li kieku mhux minħabba l-qrubija ta’ dawn iċ-cekkijiet mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u Kunsilli Lokali ma kont ngħid xejn. Imma se ngħid għax ormai qed tiġi prattika li qed tindara u donnu l-Partit Laburista sab il-mezz kif inessi l-każijiet ta’ korruzzjoni, it-traffiku u l-impunità li hawn mal-pajjiż sforz l-istituzzjonijiet ipparalizzati billi jagħti ċekk qabel l-elezzjoni. U donnu din il-prattika illegali qed ikollha l-frott mixtieq. 

Infatti skont rapport li ħareġ wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu mingħand l-OSCE, li huwa l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u Drittijiet tal-Bniedem, wera tħassib dwar din il-prattika. Infatti kkundannat dawn iċ-ċekkijiet għax m’għandu qatt jitħabbru u jsiru għotjiet finanzjarji waqt proċess elettorali għax huwa użu ħażin ta’ riżorsi li tagħti perċezzjoni favur partit jew kandidat. Imma minn dan ir-rapport, il-Prim Ministru ftit li xejn inkwieta u baqa’ għaddej b’din il-formula rebbieħa appuntu għax rebbieħa. M’aħnix sorpriżi bin-nuqqas ta’ etika u li ma jagħti kas ebda rapport fejn l-imġiba tiegħu tiġi kkundannata. Bħalma ġara fir-rapport ta’ Sofia fejn l-istat instab ħati iżda rriżenjaw biss il-pedini ż-żgħar. L-ebda ministru. Għax dawk il-liġi ma tmisshomx. 

Diġà rajna kampanji elettorali fil-bidu tagħhom b’ħafna pompa u li jiswew il-flus b’tined u ikel b’xejn u festini li jammontaw għal għexieren ta’ eluf u qisu ma ġara xejn. Indraw. U min jiġbed l-attenzjoni hu għajjur jew m’għandux x’jagħmel, u nibqgħu sejrin qisu xejn mhu xejn. Li kieku kellna liġi tal-iffinanzjar tal-partiti, naqtgħu ħafna minn dawn l-illegalitajiet. Hemm bżonn ta’ trasparenza imma donnu ħadd ma jridha għax kulħadd, min bi ftit u min b’ħafna, qiegħed igawdi. Għax dan tani xi ħaġa jgħidulek ammont sostanzjali ta’ nies li jaraw f’dawn iċ-ċekkijiet bħala xi ħaġa żejda li tgħinhom fil-ġlieda tagħhom ta’ kuljum kontra l-għoli tal-ħajja.  

Jekk din il-prattika illegali mhux se titwaqqaf, għax donnu f’Malta ħadd mhu lest jiġġilidha kif suppost, se nkomplu aktar nikkonfermaw kemm għandna proċess elettorali mbagħbas fejn min ikun fil-gvern għandu r-riedni ta’ kollox u kulħadd u min mhux parti minn dan il-club qas biss jiġi kkalkulat. Kull mod u manjiera huma tajbin biex jinżamm il-poter. Ara x’jifhmu l-OSCE f’Malta. Dawn min huma jridu jgħidulna x’nagħmlu? U hija din il-mentalità li tiffaċilita nies bla skrupli li jkomplu jinjoraw il-liġijiet, l-etika, ir-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti għax wara kollox l-aqwa li hawn aħna fil-gvern u mhux l-oħrajn, u l-aqwa li nkomplu ngawdu. Ir-rapporti ħela ta’ linka u l-etika x’taħbat? 

Hemm bżonn ta’ bidliet u riformi biex nipproteġu l-proċess demokratiku f’dan il-pajjiż li żgur mhuwiex it-tqassim ta’ ċekkijiet ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni. Imma rridu nkunu aħna li bħala ċitttadini nieqfu b’din l-idolatrija lejn nies fil-poter u nagħlqu għajnejna għal kull ħaġa ħażina li jagħmlu għax dawk magħna u allura ma jimpurtax. Hemm bżonn proċess ta’ maturità li jieħu ż-żmien imma li hemm bżonn isir għax tlifna l-boxxla ta’ x’inhu eżatt il-ħażin, il-ġid komuni, u minn lat prattiku, id-dejn li fih jinsab il-pajjiż li ftit jifhmu eżatt x’inhu. 

More in Politika