Ryan Fava: Inżidu l-investiment biex insaħħu d-distribuzzjoni tal-elettriku

L-intensifikazzjoni tal-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku hija l-unika mezz kif nistgħu niżguraw li Enemalta tkompli l-ħidma li ilha tagħmel għal dawn l-aħħar 46 sena biex tenerġizza l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ Malta

L-intensifikazzjoni tal-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku hija l-unika mezz kif nistgħu niżguraw li Enemalta tkompli l-ħidma li ilha tagħmel għal dawn l-aħħar 46 sena biex tenerġizza l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ Malta.  

Għal kważi ħames diċennji, mijiet ta’ ħaddiema ta’ Enemalta ddedikaw lilhom infushom sabiex jilqgħu għad-domanda tal-elettriku tal-pajjiż. L-għaqal u l-impenn ta’ dawn il-ħaddiema jixraqlu kull tifħir. Id-deċiżjoni li ttieħdet din is-sena biex nintensifikaw u naċċelleraw l-investiment fl-infrastruttura tad-distribuzzjoni u l-ġenerazzjoni tal-elettriku f’dan il-pajjiż tippermetti li Enemalta tkompli taqdi din il-missjoni, filwaqt li ttejjeb il-kwalità u l-affidabbiltà tas-servizzi li toffri lill-klijenti f’Malta u Għawdex.   

Filwaqt li nkomplu nwettqu l-pjan ta’ sitt snin ta’ tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, ftit tal-jiem ilu ħabbarna pjan aġġornat dwar kif se nżidu dan l-investiment. Ħames xhur ilu l-Gvern wiegħed li jirdoppja l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku. Infatti, fis-sena l-ġdida se jiġu allokati €55 milljun f’fondi lokali u Ewropej fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku; tliet darbiet l-ammont oriġinali allokat fil-pjan ta’ sitt snin.  

B’impenn immedjat, fis-sitt xhur li ġejjin se nkunu qegħdin insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni b’70 kilometru ta’ cables ta’ 11-il kilovolt biex noħolqu konnessjonijiet alternattivi li jimmultiplikaw ir-reżiljenza tan-network. Dan jammonta għal erba’ darbiet tat-tul ta’ cables ta’ vultaġġ medju li ġew miżjuda man-network fl-aħħar sentejn. Sabiex dan ix-xogħol isir fl-iqsar żmien possibbli, qegħdin nikkollaboraw ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta sabiex ngħaqqdu r-riżorsi u l-ħiliet b’mod kollaborattiv filwaqt li niżguraw li x-xogħol isir bl-inqas impatt possibbli fuq il-komunitajiet tal-madwar.  

Iż-żieda strateġika ta’ dawn il-konnessjonijiet ġodda fil-grid nazzjonali se tnaqqas ir-riskju li jiżviluppaw ħsarat fin-network li jwasslu għall-qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Fl-istess ħin, meta jiżviluppaw dawn id-diffikultajiet, se jkun possibbli li l-provvista tingħata lura minn konnessjonijiet alternattivi, u b’hekk jonqos il-ħin tal-qtugħ fil-provvista lill-konsumaturi. Flimkien mal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ sitt snin ta’ rinfurzar tan-network, li issa dieħel fit-tielet sena tiegħu, dawn il-konnessjonijiet ġodda se jkomplu jtejbu l-flessibbiltà u r-reżiljenza tan-network, u jżidu l-kapaċità biex inlaħħqu mad-domanda tal-futur.  

Permezz tal-pjan ta’ rinfurzar tan-network, diġà investejna ħafna fis-sistema tad-distribuzzjoni, bi 80 substation ġdida, 18-il kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ medju, 66 substation imsaħħa b’tagħmir ġdid, it-tkabbir ta’ tliet ċentri tad-distribuzzjoni u 145 feeder ġdid ta’ 400/230 volt f’għadd ta’ lokalitajiet. Fl-2024, se nżidu 45 substation ġdida, filwaqt li 40 oħrajn eżistenti se jiġu mgħammra b’teknoloġiji ġodda. Se nkomplu ninvestu fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni eżistenti, filwaqt li nħejju għall-iżvilupp ta’ erba’ ċentri ġodda ta’ distribuzzjoni fl-akkwati tan-Naxxar, ir-Rabat, is-Siġġiewi u l-Kottonera.   

Bl-investiment tagħna fl-infrastruttura, qegħdin inħejju wkoll lill-pajjiż għal iżjed elettrifikazzjoni fid-djar, trasport u f’ħafna operazzjonijiet kummerċjali, bħala parti mill-impenn lejn il-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-pajjiż. Fl-istess waqt qegħdin naħdmu ma’ entitajiet oħrajn governattivi, inklużi Interconnect Malta Ltd u l-kumpanija sussidjarja International Energy Service Centre, sabiex insaħħu l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni t’emerġenza, filwaqt li gradwalment nimxu lejn taħlita ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku aktar nadifa, b’aktar sorsi t’enerġija rinovabbli.   

Dan l-investiment infrastrutturali u nazzjonali jirrikjedi sforz kollaborattiv bejn ħafna stakeholders, inklużi kunsilli lokali, awtoritajiet tal-ambjent, tal-ippjanar u tal-wirt storiku, imsieħba soċjali u s-settur privat, kif ukoll minn esperti fl-infrastruttura tal-enerġija lokali u internazzjonali. L-għarfien u l-appoġġ tagħhom huwa kruċjali biex inħejju dan il-pjan ambizzjuż li jikkunsidra wkoll il-kuntest lokali u jqis il-ħarsien tal-ambjent tagħna. 

Qegħdin niltaqgħu mal-kunsilli lokali u dawk kollha konċernati fil-komunità b’mod regolari, biex ikollna komunikazzjoni effettiva li tgħinna nwieġbu għat-tħassib u d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu mill-aktar fis.   

Kunfidenti li t-twettiq ta’ dan l-investiment se jżid l-affidabbiltà tal-infrastruttura tal-enerġija tagħna, filwaqt li jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż quddiem iż-żieda fid-domanda għall-enerġija u l-isfidi tal-emerġenza fil-klima.  

Inħarsu ’l quddiem biex inkomplu naħdmu id f’id ma’ dawk kollha involuti f’dan l-investiment. Flimkien, qegħdin noħolqu futur aħjar u aktar sostenibbli għal Malta.

More in Politika