Editorjal | Saqajna mal-art!

Wara l-ftehim kollettiv man-nurses u l-qwiebel, Marco Bonnici, il-Kap tal-MUT, żgur irid jara u jassigura li l-membri tiegħu jingħataw l-istess trattament.

It-talba tal-MUT għal żidiet fil-pagi tal-għalliema hija ġustifikata. Li l-għalliema huma mħallsin ħażin m’hemmx argumenti, bħalma huma mħallsin ħażin ħafna setturi oħra fiċ-ċivil. Jagħmlu xogħol nobbli, bżonjuż u essenzjali. Imma wara l-ftehim kollettiv man-nurses u l-qwiebel, Marco Bonnici, il-Kap tal-MUT, żgur irid jara u jassigura li l-membri tiegħu jingħataw l-istess trattament. 

Il-Gvern ħareġ bi proposti mistura u l-MUT għamlu l-proposti tagħhom. Kulħadd silenzju stampa, imma jidher li l-Gvern għandu jdejh marbutin u l-MUT għamlu talbiet stravolġenti.   

Jidher li għada ser ikun hemm laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni imma l-MUT diġà ħabbru strajk nazzjonali. 

Id-dritt għall-istrajk huwa sagrosant, imma Marco Bonnici għandu jkun aktar attent meta joħroġ b’dawn id-direttivi. Kellu tal-anqas jistenna l-eżitu tal-laqgħa ta’ rikonċilazzjoni. 

Wisq nibżgħu li Bonnici jrid jidher iebes fil-konfront ta’ Union oħra l-UPE, immexxija minn ċertu Sansone li jirrappreżentaw ftit membri u b’mod stramb immexxija mill-Avukat Jason Azzopardi, avukat li qed narawh dan l-aħħar jaħdem viċin big business u viċin dawk in-nies li sa ftit xhur ilu kien imaqdar bil-kbir. 

Imma lura għall-MUT. Aħna nemmnu li l-MUT hija l-Union li għandha tirrappreżenta l-għalliema kollha. Hija serja u taf fejn hi sejra. Imma trid tkun lesta li tikkunsidra li tindirizza mhux biss il-kwistjoni tas-salarji imma anke tal-etika fost l-għalliema li jagħtu privat, kif ukoll dwar il-contact hours.   

Malta, skont il-pubblikazzjoni The organisation of school time in Europe, Primary and general secondary education: 2021/22 għandha l-inqas contact hours mat-tfal mis-27 pajjiż fl-UE. Ma nistgħux inkomplu nargumentaw li xejn ma jinbidel. Irridu wkoll nindirizzaw il-pjaga tal-privatijiet (mhux regolati u mhux dikjarati) f’pajjiżna fejn studenti spiċċaw jiddependu fuq il-privat, u mhux fuq l-iskola biex jitgħallmu. 

Lanqas jista’ jkun li t-tfal fl-iskejjel tal-Istat u dawk privati jitilfu contact hours għax l-għalliema jagħmlu parents’ day jew inkella għax ikollhom staff development. Jiġifieri ħadd mill-għalliema mhuwa lest jaħdem wara l-ħin tax-xogħol. 

U ma jistax ikun li l-politiċi u l-unions jagħżlu li jaħarbu minn dawn ir-realtajiet.   

Importanti li f’dan l-eżerċizzju t-tfal u l-istudenti jkunu fiċ-ċentru ta’ kollox u mhux biss l-għalliema. Xorta nawguraw li l-għalliema jingħataw dak li ħaqqhom. 

More in Politika