Mill-eżamijiet tal-Matsec sal-privat regolat

F’intervista ma’ Luigi Sghendo l-kelliem tal-PN tal-Edukazzjoni Justin Schembri jaqbel li l-privat għandu jiġi regolizzat sabiex jitnaqqsu l-abbużi fit-tagħlim, u jitkellem ukoll fuq ir-realta’ tal-eżamijiet tal-MATSEC 

"Ma nistax inkun kuntent meta kontinwament tara l-edukaturi tagħna taħt pressjoni kontinwa minħabba deċiżjonijiet ħżiena"

Il-politika tal-Partit Nazzjonalista xi tfisser għalik? 

Matul is-snin tgħallimt li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija waħda li sservi l-ħteġijiet tan-nies f’demokrazija msejsa fuq viżjoni, fuq il-ġustizzja u fuq il-libertà (araha mil-liema perspettiva trid). Għall-Partit Nazzjonalista, il-politika ma hix biss mil-lum għal-lum, u dan nafuh mill-Istorja ta’ pajjiżna skont il-ġrajja tal-Indipendenza, tal-Unjoni Ewropea, tal-munita ewro. Dawn kienu kisbiet li biddlu l-Istorja. Madankollu, il-Partit Nazzjonalista kellu viżjoni wkoll meta saħħaħ l-Università, meta wessa’ s-suq ħieles, meta ġab l-investiment barrani, meta welled niċeċ ekonomiċi ġodda, meta mmodernizza l-infrastruttura tal-pajjiż u l-bqija. Għalija, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ dejjem validu jekk kemm-il darba jqiegħed lill-pajjiż qabel il-Partit. Dan, jidhirli li għamlu fil-passat u għadu qiegħed jagħmlu llum. 

Kif bdejt fil-politika? 

Ftit jafu eżatt kif sibt ruħi fil-politika. Fis-sena 2013, eżatt wara t-telfa elettorali, fi żmien meta kien evidenti li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġlu jirriforma internament, fittixt li nagħti sehmi. Dħalt f’fergħa interna. Madankollu, ridt nipprogressa. Bdejt nemmen anke fil-kapaċitajiet tiegħi. Kont iddeċidejt li rressaq ismi biex nikkandida l-elezzjonjiet għall-Parlament Ewropew tal-2014, u għalkemm ma kontx ġejt magħżul bħala kandidat (wara li sar il-proċess tal-evalwazzjoni intern), il-Kap ta’ dak iż-żmien, Dr. Simon Busuttil, xi żmien wara kif talabni nikkontesta l-elezzjoni ġenerali (li kellha ssir fl-2018). Kienet esperjenza sabiħa, imma diffiċli għaliex ma kellix wisq rabtiet mal-Partit Nazzjonalista u kont prattikament ġdid fil-politika. Madankollu, għaddast rasi u ħdimt kemm flaħt biex fl-elezzjoni tal-2017 (kienet issejħet qabel) kelli riżultat tajjeb ħafna u li tani aktar kuraġġ għall-futur. Eventwalment, fuq talba tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u mbagħad il-Kap tal-Partit Dr. Adrian Delia, ikkontestajt l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-2019 u kelli riżultat eċċezzjonali. Il-fiduċja tan-nies, sarraftha f’aktar ħidma, u bqajt naħdem kuljum sakemm fl-2022 ingħatajt il-privileġġ li nirrappreżenta lin-nies tat-8 Distrett fil-Parlament wara li ġejt elett l-ewwel fost id-Deputati Nazzjonalisti. 

Ilek sena u nofs Membru Parlamentari f’isem il-PN, kif tħares lejn il-ħajja Parlamentari? 

Li tkun Membru Parlamentari huwa privileġġ. Li sservi lil niesek f’din l-ogħla istituzzjoni hija indeskrivibbli. Hemm differenza bejn li tkun kandidat għal deputat. Meta tkun kandidat tiffoka biss fuq id-distrett u fuq kull issue politika li jidhirlek. Bħala Deputat, issir Kelliem ta’ Settur għall-pajjiż kollu. Trid taderixxi aktar għall-ħidma tal-Partit u l-pożizzjonijiet li jkun ħa. Fl-istess waqt, trid tibqa’ sservi lin-nies tad-distrett anke fuq materji lokali u li ħafna drabi ma jkollokx kontroll fuqhom. 

Int kuntent bis-sitwazzjoni edukattiva fil-pajjiż? X’tibdel kieku? 

Jekk inkun kuntent inkun l-aktar Kelliem tal-Edukazzjoni medjokri li qatt kellha Malta. Ma nistax inkun kuntent meta għandna ħafna nuqqasijiet serji li mhux qed nagħtu kashom. Nibda biex insemmi t-tranżizzjoni mill-primarja għall-medja. Sal-lum għad għandna mijiet ta’ tfal kull sena li jitilgħu Year 7 (Form 1) mingħajr il-ħiliet bażiċi bħal fil-qari u l-kitba (fil-Malti u fl-Ingliż), fil-matematika u fil-ħiliet diġitali. Sal-lum għad għandna riżultati tas-SEC li qed juru li kważi nofs l-istudenti Maltin, wara 11-il sena ta’ skola obbligatorja, ma jgħaddux mis-SEC jew ma jiksbux marki sodisafċenti. Fl-2023, fl-Ingliż kellna 23%, fil-Malti kellna 30% u fil-Matematika kellna 41%. Mhux biss, imma għandna konferma li dawk l-istudenti li mhumiex inklinati għall-akkademja, ma għandhomx rotot oħrajn. Għalkemm teżisti r-rotta tas-SEAC (fil-MATSEC stess), huma ftit wisq dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jagħżlu din ir-rotta applikata għaliex mhux isir biżżejjed biex tkun mogħtija biżżejjed investiment u promozzjoni. Għandna ħafna tfal li qed jintilfu fil-klassijiet. Mhux biżżejjed li jkollna l-LSEs (importanti li ntejbu l-kwalità u narawhom jispeċjalizzaw hawnhekk) imma rridu naraw li kulħadd ikollu l-ispazju biex jitgħallem skont il-pass tiegħu, dak li bl-Ingliż ngħidulu ‘equity’. Sal-lum għandna wisq mingħalina li ‘equality’ se ssolvi l-problemi. Għad għandna ħafna tfal li mhumiex inklużi fis-sistema edukattiva, u mhux ngħinu biex ikunu la darba neqsin serjament minn investiment speċifiku għal tfal b’ċerti kundizzjonijiet. Ma jistax ikun li jibqa’ jkollna klassijiet iffullati, skejjel iffullati (minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni) u nuqqas ta’ għalliema. Ma nistax inkun kuntent jekk nibqgħu naraw aktar minn 800 student li minkejja li jkomplu bil-livell terzrarju jieqfu milli jkomplu javvanzaw għaliex ma ħadux il-bażiku biex ifornihom f’livell aktar avvanzat u mbagħad jintilfu fid-dinja tax-xogħol neqsin mill-ħiliet l-aktar essenzjali. Dan qiegħed jagħti stampa qarrieqa lill-istatistika tal-Early School Leavers, għax għalkemm qed niffokaw fuq dawk li japplikaw biex ikomplu l-livell terzjarju, mhux qed naraw il-mijiet kull sena li jieqfu milli jlestu. Ma nistax inkun kuntent bil-fatt li għalkemm qed isir xi investiment fl-iskejjel, għad għandna wisq skejjel li jeħtieġu manutenzjoni serja u immedjata. Ma nistax inkun kuntent meta kontinwament tara l-edukaturi tagħna taħt pressjoni kontinwa minħabba deċiżjonijiet ħżiena, minħabba kundizzjonijiet iebsa u nuqqas serju ta’ rispett u remunazzjoni finanzjarja. Ċertament hemm ħafna li se nbiddlu, la darba nkunu fil-Gvern. 

X’taħseb li hemm nieqes fis-sistema edukattiva tagħna? 

Umiltà minn min imexxi, biex jifhem verament li l-esperti huma t-tfal fil-klassi u l-edukaturi fl-iskejjel. Jekk se jibqa’ jkollna Gvern Laburista li jrid iwemmen lin-nies li kollox sejjer tajjeb, saħansitra anke lili nnifsu, ma nistgħu qatt insolvu l-problemi li għandna u li ma jridx jammeti li hemm. 

Għalfejn taħseb li l-familji jagħżlu li jibagħtu t-tfal tagħhom ġo skejjel privati u mhux tal-gvern? 

Dik hija għażla tal-ġenituri, madankollu wieħed irid jirrikonoxxi li l-iskejjel privati jiswew ħafna flus u ma jistax jaffordjahom kulħadd. Jidhirli li l-ammont ta’ ġenituri li jagħżlu li jitfgħu isem it-tfal tagħhom għall-polza tal-iskejjel tal-knisja, turi li ħafna jixtiequ li wliedhom ma jmorrux skola tal-Istat. Jidher li hemm marbuta l-klassi soċjali mal-iskola, u din ilha teżisti. Jien bħala prodott ta’ skola statali, nemmen li kulħadd jista’ jasal. Imma rridu nfornuhom bir-riżorsi meħtieġa u nnaqqsu n-numri. Għandha tkun il-prijorità ta’ kull Ministru tal-Edukazzjoni li jifhem li l-irwol tiegħu huwa li jkun il-Ministru ta’ kulħadd u mhux tal-iskejjel statali biss. 

Is-sistema ta’ l-assessjar li ġiet introdotta taħseb li ser tirnexxi? 

Li għandna t-tfal li ser jibdew jieħdu l-marki għas-SEC fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja huwa bla dubju pass fid-direzzjoni t-tajba, u aħna naqblu miegħu għalkollox. Jekk din is-sistema hix ser tirnexxi jew le, ma nistax nikkummenta. Madankollu nista’ ngħid, li jekk irridu ntejbu r-riżultati, irridu ntejbu l-livell tal-istudenti. Dan ma nistgħux nagħmluh jekk se jibqa’ jkollna numru kbir ta’ tfal li jibdew il-Year 9 mingħajr il-ħiliet bażiċi (li semmejt aktar ’il fuq). 

Għala taħseb li eluf ta’ studenti ikollhom bżonn l-privat, kemm f’ livell sekondarju u dak post sekondarju? 

Din hija dejjem għażla personali. Wisq nibża’ li ħafna studenit jeħtieġu l-attenzjoni individwali li sfortunatament mhumiex jieħdu mill-iskola minħabba li l-klassijiet huma kbar wisq fin-numru. 

Taħseb li għandu jiġi regolat l-privat? 

Iva. Primarjament ma nistgħu qatt nittoleraw li għandna nies li jagħtu l-lezzjonijiet tal-privat meta dawn mhumiex għalliema. Bħalma ebda persuna ma tista’ tipprattika ta’ tabib, avukat jew perit jekk ma għandhiex il-liċenzja biex tagħmel dan, għandu jkun reat li xi ħadd jagħti l-lezzjonijiet tal-privat meta ma jkunx għalliem bil-warrant jew qiegħed jgħallem fi skola rikonoxxuta fl-irwol ta’ għalliem regolari jew supply. Għalhekk, iridu jsiru d-diskussjonijiet meħtieġa kif din tista’ tkun regolata sabiex kull għalliem li jagħti l-privat ikun reġistrat mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-privat għandu jkun vat-exempt. 

More in Politika