Editorjal | Biex Metsola tirnexxi trid ...

Id-diskors ta' Metsola ma kienx 'stravolġenti', iżda b'saħħtu li ffuka fuq politika friska u ġdida. Metsola trid issa tara hekk se tintefa' għat-tiġrija lokali jew tkompli l-karriera tagħha fil-Parlament Ewropej

Roberta Metsola u d-diskors tagħha kien wieħed mistenni minn ħafna osservaturi politiċi – minn dawk li ilhom jiddiskutu u jimmaġinaw x’ser tagħmel Metsola.  

L-għażla tal-kliem u t-tonalità tad-diskors kien wieħed meqjus u pożittiv. Ma kienx hemm isteriżmu jew attakki ripetuti, lanqas ripetizzjoni tal-istess argumenti li ilna nisimgħu żmien u għomor.   

Nimmaġinaw li l-enfasi f’dan id-diskors kien intenzjonat u mhux b’kumbinazzjoni.    

Ċert li kien differenti fil-kontentut mid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u wisq aktar minn tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino.   

Filwaqt li d-diskors ta’ Metsola ma kienx xi diskors ‘stravolġenti’, kien wieħed saqajh mal-art mhux bħad-diskorsi ta’ Grech u Piccinino li kienu fjakki, bla sugu u bla ħeġġa. 

Metsola riedet, kif narawha aħna, tibgħat messaġġ li hi trid politika friska u ġdida u bi stil differenti.   

Trid ma tidhirx estrema jew inkella tkun vuċi biss ta’ dik il-fazzjoni tal-grupp Repubblika jew dawk li jimmilitaw għall-kawża ta’ Daphne Caruana Galizia.  Għax taf li f’għajnejn dawk li anke jistmerru l-Labour, dawn il-fazzjonijiet iservu biex inaqqsu l-possibbiltà li xi ħadd jappoġġja l-PN. 

Metsola, kif narawha aħna, trid tippreżenta immaġni ta’ persuna matura, u li tista’ tappella għall-Maltin u Għawdxin kollha. 

Metsola llum għandha statura mondjali issa li trid li tifhem li l-ġlieda politika lokali hija waħda kompletament differenti.   

Il-problema mhux l-argumenti li tista’ tuża kontra l-Gvern u l-Partit Laburista;  

f’dan il-kuntest hemm lista li ma tispiċċa qatt. Il-PL għandu defiċit kbir ta’ onestà u kredibbiltà. Il-problema kbira hi iktar sempliċi minn hekk: il-Partit Nazzjonalista jrid joffri politika aħjar mill-Partit Laburista u jrid jassigura li jista’ jkun gvern li verament iġib il-bidla. 

Bidla reali fid-direzzjoni ekonomika, tax-xogħol, tal-edukazzjoni, tal-ambjent u fil-qasam soċjali. 

Metsola trid tifhem li jekk tagħżel li tintefa’ għat-tiġrija elettorali lokali fil-kapaċita ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista għandha ċans tajjeb li tirbaħ lil-Labour.  Imma biex tirbaħ, trid bil-fors tikkonvinċi parti mill-elettorat Laburista. 

Biex tagħmel dan trid tidher li tista’ tkun il-persuna li tgħaqqad il-Maltin. Sfida ferm ikbar mill-isfidi kollha li għandha quddiemha fil-Parlament Ewropej. 

More in Politika