Miguel Azzopardi | L-istituzzjonijiet li għandna razzisti - Irridu Aħjar

L-ebda persuna denja li tissejjaħ umana ma tista’ qatt tiġġustifika l-mod kif qegħdin nitrattaw il-migranti fiċ-ċentri ta’ detenzjoni f’Malta. M’aħna qegħdin niksbu xejn billi nkissru lin-nies b’dal-mod 

Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tan-NU, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena mietu aktar nies huma u jaqsmu l-Mediterran milli mietu f’kull sena oħra mill-2017.

Il-gvern tagħna – filwaqt li mhuwiex l-uniku gvern responsabbli għal dawn iċ-ċifri – ripetutament naqas milli jwettaq ir-responsabbiltajiet legali internazzjonal tiegħu ta’ tfittxija u salvataġġ.

Spiss wisq, in-nies li jieħdu riskji kbar għal ħajja aħjar, qegħdin jiġu abbandunati filwaqt li l-mexxejja tagħna mehdija jitqabdu bejniethom fuq min għandu jsalvahom. F’inċident wieħed f’Marzu, dan wassal għall-mewt ta’ 30 persuna u f’mossa illegali f’Mejju li għadda, intbagħatu lura lejn il-perikli li telqu minnhom 500 persuna oħra. Dawn kollha sintomi ta’ razziżmu sistemiku fl-istituzzjonijiet tagħna.

Min imexxina jridna nemmnu li l-Libja hija port sigur u li għalhekk aħna ġustifikati li nibagħtu lura lejn il-Libja lil dawk li jaslu għandna minn hemm. Madankollu, x-xhieda ta’ bosta tfal, nisa u rġiel li esperjenzaw id-detenzjoni fil-Libja tikxef ambjent ta’ vjolenza, tortura, u stupru fil-kampijiet Libjani. Il-Libja ta’ dawn it-testimonjanzi mhijiex port sigur u għalhekk kull meta l-mexxejja tagħna jibagħtu lura n-nies lejn il-Libja qegħdin jonqsu mill-obbligi internazzjonali tagħhom li jħarsu l-ħajja tal-bniedem.

Is-sitwazzjoni fil-Libja tanti hija terribbli, li meta fl-2019 kien hemm bastiment tal-merkanzija li fittex li jieħu lura l-Libja lil grupp ta’ passiġġieri salvati fil-Mediterran, dawn talbu lill-ekwipaġġ biex iwassalhom l-Ewropa. Kien hemm minnhom li preferew jaqbżu fil-baħar u jitħallew hemm milli jmorru lura l-Libja.

Mal-wasla tagħhom f’Malta, minflok ilqajnihom, il-gvern fetaħ kawża kontra tliet adoloxxenti li aġixxew ta’  tradutturi waqt dan il-kalvarju sħiħ. L-El Hiblu 3 illum qegħdin jiffaċċjaw akkużi ta’ terroriżmu li jistgħu jwasslu għall-piena kerha ta’ għomorhom il-ħabs.

Meta jaslu fi xtutna mingħajr perkli mbagħad, il-migranti jinqaflu dritt fiċ-ċentri ta' detenzjoni ta’ Malta li skont ir-rapport tal-Kumitat Kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa (2021) huma bastjuni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Iċ-ċentri ta’ detenzjoni ta’ Malta huma kumplessi militari fejn jitqiegħdu mijiet ta’ nies fi spazji minuskoli u maħmuġa mingħajr aċċess għal faċilitajiet u prodotti iġjeniċi bażiċi. Minn dawn it-toqob dawn in-nies ma jistgħux joħorġu, u mantutenzjoni bażika ta’ dawn iċ-ċentri ma teżistix.

It-tfal, saħansitra dawk li jaslu Malta waħidhom mingħajr ġenituri jew qraba, u n-nies vulnerabbli, qegħdin jaqfluhom f’dawn l-istess postijiet minkejja li jeżistu bosta politiki u protokolli li jistipulaw b’mod ċar  li t-tfal u n-nies vulnerabbli m’għandhomx jiġu maqfula f’dawn iċ-ċentri.

L-ebda persuna denja li tissejjaħ umana ma tista’ qatt tiġġustifika l-mod kif qegħdin nitrattaw il-migranti fiċ-ċentri ta’ detenzjoni f’Malta. M’aħna qegħdin niksbu xejn billi nkissru lin-nies b’dal-mod.

Meta mbagħad jgħaddu biex jipparteċipaw fis-soċjetà Maltija, dawn in-nies qegħdin ikomplu jsaqqfu wiċċhom ma’ degradazzjoni wara l-oħra. Isibu ruħhom f’nasses burokratiċi inkluż ostakli kbar biex jiksbu permessi ta’ residenza u tax-xogħol.

Uħud mit-tfal jaqgħu sanasitra taħt il-kategorija ta’ dawk li ma jappartjenu għall-ebda stat. X’aktarx ikunu twieldu huma u jaqsmu bihom lejn l-Ewropa u minħabba li m’għandhomx dokumenti uffiċjali taħt isimhom la jistgħu jmorru skola u lanqas javvanzaw. Apparti minn dan, iċ-ċittadinanza Maltija ma toħodhiex kif ġieb u laħaq sakemm mintix sinjurun li tiflaħ tixtri passaport Malti, u applikazzjonijiet leġittimi spiss jisfaw miċħuda mingħajr raġuni uffiċjali.

Dawn prassi li jeqirdu  l-umanità tal-migrant u jwasslu għal kultura ta’ razziżmu sfrenata fil-pajjiż u fl-istituzzjonijiet ta’ tmexxija tiegħu hekk kif rajna ftit snin ilu fil-qtil kiesaħ u biered ta’ Lassana Cisse. Ġustizzja għal Lassana Cisse lanqas m’għadha waslet.

Il-migranti mill-komunità LGBTQI+ li jiġu Malta għax opressati f’pajjiżhom jiffaċċjaw sett ta’ problemi oħra. Spiss jagħti l-każ li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ma tintlaqax sempliċiment għax l-awtoritajiet Maltin ma jqisux li l-pajjiżi li ħarbu minnhom huma perikolużi. Dan anki f’każijiet fejn il-pajjiżi konċernati bħal pereżempju, l-Eġittu, jikkriminalizzaw lin-nies LGBTQI+.

Għalxejn irriduha tal-progressivi fil-qasam tad-drittijiet tal-LGBTQI+ jekk ma nestendux dawn id-drittijiet lil migranti LGBTQI+ li jiġu Malta propju għaliex f’pajjiżhom meqjusa kriminali.

Saret komda li nwaħħlu fil-migranti u r-refuġjati fil-konfront ta’ problemi domestiċi. Minflok inwaħħlu ‘fis-suwed’ aħjar nagħtu titwila tajba lejn l-għeruq  tal-problemi serja li qegħdin niffaċċjaw f’pajjiżna. Malajr ser niskopru li r-realtà mhux dik li ħsibniha li hi.

Huma dawk li għandhom l-iktar poter u privileġġ li kkawżaw il-problemi tat-traffiku kostanti, storbju u żvilupp żejjed, mhux in-nies li jaħarbu minn djarhom għad-dinjità u opportunitajiet aħjar.

Biex nibnu soċjetà li tonora l-ħajja u d-dinjità tal-bniedem, irridu gvern li jieqaf iħaddan metodi u retorika vjolenti fil-konfront tar-refuġjati u l-migranti; irridu gvern li jieqaf jibgħat  pulizija bl-addoċċ fid-djar ta' dawk li qegħdin Malta jfittxu l-ażil; u rridu gvern li jwaqqaf ħesrem id-dikjarazzjonijiet ksenofobiċi tal-politikanti tiegħu.

Din l-imġieba tal-mexxejja tagħna qegħda tkebbes ir-razziżmu u l-vjolenza. Trid tieqaf ħesrem sabiex magħha tieqaf il-kriminalizzazzjoni tan-nies minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom. U trid tieqaf biex  verament inkunu pajjiż li jonora l-benesseri  u l-ħajja tal-bnedmin kollha.

More in Politika