Editorjal | It-tagħlima ħadniha jew le?

Hemm bżonn nitgħallmu minn dan l-inċident li ċertament mhux ser ikun l-aħħar wieħed, l-iktar meta tqis kif id-dinja inbiddlet. Hemm bżonn li dawk li qed imexxu pajjiżna jifhmu li d-direzzjoni li qegħdin fiha trid tinbiddel

L-istraġi fil-provvista tad-dawl u l-elettriku tul dawn l-aħħar ġranet f’ Malta u Għawdex wera bl-iktar mod ċar kif dak li konna naħsbu li ma kienx problema issa hija problema kbira.  

Rajna bl-iktar mod ċar li l-infrastruttura tal-pajjiż hija waħda fraġli u kif ukoll li għad fadlilna ħafna biex naslu fejn wasal ħaddieħor. Sa ċertu punt qed nassistu għall-prova oħra kemm ngħixu f’medjokrità.

Illum għandha ‘power station’ modern u ġiet tiswa l-pajjiż miljuni, b’sistemi avvanzati u dipendenza fuq il-gass, imma mbgħad kaos sħiħ fid-distribuzzjoni. Safrattant għandha interconnector bl-elettriku mill-Italja imma mbagħad problema biex inwasslu elettriku fid-djar tan-nies.  

Fid-dawl ta’ danakollu nsiru nafu mhux bil-kliem iżda literalment bil-fatti li ma aħniex kapaċi bħala pajjiż li nipprovdu provista minn raħal sa raħal, għax għandna strutturi li huma antiki, mhux ta’ livell għoli u kif ukoll limitati fl-użu.  

Apparti hekk jidher ċar li l-Enemalta u min kien u bħalissa għadu jmexxi kien jaf b’dawn problemi u ma għamel xejn biex isolvihom. Din ir-realtà. Realtà fejn konna nafu li din il-bużżieqa tista tisplodi f’kull mument u ma għamilna xejn dwarha.  

Kellna reazzjoni għal danakollu għax kellna straġi fejn familji sħaħ u ħwienet sfaw bla dawl. Imbgħad biss kien hemm min iddikjara li ser jagħmel xi ħaġa.

Ma nistgħux ukoll ma nikkumentawx fuq il-pass mgħaġġel ta’ l-iżvilupp fejn literalment kellna sitwazzjoni fejn l-ammont ta’ bini u kumplessi kienu wisq għas-sistema ta’ provvista. Pajjiż li tant kiber b’mod mgħaġġel li nesa’ minn fejn beda u fejn sejjer.

Sirna skjavi tar-rebgħa tal-kostruzzjoni u spiċċajna li pajjiżna ġibnih ħallata ballata.

Hemm bżonn nitgħallmu minn dan l-inċident li ċertament mhux ser ikun l-aħħar wieħed, l-iktar meta tqis kif id-dinja inbiddlet.

Hemm bżonn li dawk li qed imexxu pajjiżna jifhmu li d-direzzjoni li qegħdin fiha trid tinbiddel.  Iridu nkunu aktar konxji  f’dak li jseħħ għoxrin u erbgħin sena oħra.  Li nibqgħux skjavi tan-numri u r-rekords u li nerġgħu lura għal ftit normalita u serħan il-moħħ.

More in Politika