Editorjal | Mid-dawl għad-dlam

Huma f’mumenti bħal dawn li nindunaw kemm verament s-sistema ta’ pajjiżna hija mmexxija minn nies li ma jifhmux jew inkella huma verament limitati fl-għarfien ta’ x’inhu importanti jew le

Ħadd ma jista’ jiċħad li qed ngħaddu minn perjodu ta’ sħana inkreddibli.  Sħana li għandha turina kemm huwa meħtieġ li nibdew naġġixxu minnufih fuq il-klima. Imma min-naħa l-oħra Malta mhux pajjiż li ma għandux esperjenza u storja intrinsika marbuta mal-estremitajiet tal-klima.  U matul is-snin, Malta għax kienet taf li l-popolazzjoni qed tikber u l-kwalita ta’ l-għixien qed jiżdied investiet fl-enerġija.

Smajna fuq li smajna bl-infiq ta’ mijiet ta’ miljuni biex ikollna biżżejjed enerġija għal aktar mumenti diffiċli. U sirna nafu li għandha biżżejjed enerġija għal sitwazzjoni fejn ikollna splużjoni fil-konsum. 

Qisu kullħadd nesa, li biex twassal l-elettriku jrid ikollok sistema li jkollu apoġġ tekniku kontinwu. Imma biex niżviluppaw, nibnu, nagħmlu toroq ġodda u nbiddlu pajjiżna f’ġungla ta’ konkrit insejna li s-sistema ta’ kif l-elettriku jasal fi djarna irid jiġi aġġornat min dak l-antik.

U bil-kalmezza kollha smajna li “...qed nagħmlu li nistgħu biex nirrangaw is-sistemi taħt l-art.”  U waqt li jagħmlu dak li jistgħu, kommunitajiet sħaħ jibqgħu bla dawl. 

Meta xi snin ilu taħt l-amministrazzjoni Abela, f’Wied il-Għajn inqata d-dawl fi żmien tal-Milied, il-ministru Joe Mizzi li kien responsabbli mill-Enemalta spiċċa fil-kotba hżiena ta’ Robert Abela u l-karriera politika tiegħu spiċċat ftit wara.

Ma nistgħux ngħidu l-istess għal Ministru Miriam Dalli, li ftit li xejn ġiet ikkritikata. U ftit li xejn smajna xi dikjarazzjoni jew apoloġija dwar il-falliment tad-distribuzzjoni tad-dawl.

Hija tal-mistħija li wara tant dikjarazzjonijiet solenni mill-Enemalta jkollok sitwazzjoni bħal din li huwa frott in-nuqqas ta’ ippjanar u preparazzjoni u viżjoni ta’ kif inżommu l-provvista tal-enerġija għaddej anke f’perjodi estremi.

Huma f’mumenti bħal dawn li nindunaw kemm verament s-sistema ta’ pajjiżna hija mmexxija minn nies li ma jifhmux jew inkella huma verament limitati fl-għarfien ta’ x’inhu importanti jew le.

More in Politika