Justin Anastasi | Irrid politika ġdida li sservi u tgħolli l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies

In-nies dan li jixirqilhom mingħand il-politiċi, mhux min jidħak bihom, mhux min jgħidilhom “ġaħan” iżda min joffrilhom l-id li sserrvi biex ikollhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar 

Il-politika qiegħda hemm sabiex isservi u mhux biex tisserva. Dan għaliex il-politika hija vokazzjoni. Għaldaqstant il-partiti politiċi huma vetturi li bihom tasal tbiddel il-ħajja tan-nies, għall-aħjar. 

Min jidħol fil-politika biex jisserva xi darba jew oħra se jfalli, u jispiċċa jonqos, mhux biss lejh innifsu iżda wkoll lejn dawk kollha li maż-żmien urew fiduċja fih, lejn min jivvutalu biex jirrappreżentah fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, fil-Parlament. Lil hinn, li min jisserva jaqa’ f’xi forma jew oħra ta’ korruzzjoni, ikun ukoll qiegħed imur kontra l-ġurament li jkun ħa sabiex iservi u jiddefendi kemm il-liġi u l-Kostituzzjoni tal-pajjiż. 

Ladarba l-politika hija għodda, din għandha ssir sabiex ittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies, tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. Dan biex ngħollulhom il-livell tal-għixien tagħhom, biex jiddaħħlu fis-seħħ miżuri u liġijiet li jiggwidawhom, li jirregolarizzaw, li jneħħu l-abbuż u li permezz tagħhom ikun hemm ugwaljanza, xogħol, ġustizzja, distribuzzjoni ġusta tal-ġid li jinħoloq u l-libertà biex in-nies iħossuhom parti minn pajjiż modern u Ewropew. 

Pajjiż ġust u ħanin u fil-ħarsien sħiħ tas-saltna tad-dritt, u fejn in-nies ma jħossuhomx żgħar quddiem l-istituzzjonijiet iżda jsibu fihom difensuri. 

Pajjiż fejn il-ħaddiem imur għax-xogħol u jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum b’mod ġust u b’kumpens adegwat mingħajr sfruttament u l-ebda forma ta’ jasar. Dan bil-ħarsien sħiħ tad-drittijiet tax-xogħol u f’bilanċ ekwu bejn ix-xogħol u l-familja. U bl-istess kumpens u paga, l-ħaddiema jkunu jistgħu jgħixu ħajja komda, kemm għalihom kif ukoll għal familthom. 

Kwalità tal-ħajja li tinkludi servizzi tas-saħħa moderni u effikaċi u li jinkludu wkoll il-ħarsien tas-saħħa mentali. Fejn noffru edukazzjoni tal-ogħla kwalità lil uliedna u nattiraw lejn pajjiżna setturi ġodda u innovattivi li joffrulhom l-aqwa jobs b’pagi tajbin. U dan biex ma jkollhomx għalfejn iħarsu lejn pajjizi oħra biex imorru jgħixu u jaħdmu fih, iżda jibqgħu f’pajjiżhom u jkunu jistgħu jimirħu u jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. 

Politika li biha jkollna ħarsien tal-ambjent, mhux biss tal-ispazji miftuħa li diġa’ għandna iżda l-ħolqien ta’ spazji ġodda u ikbar u ġonna ħodor li jkunu l-pulmun riġenerat ta’ pajjiżna. Pajjiż kburi bl-istorja u l-kultura tiegħu u b’opportunitajiet kulturali mill-aqwa biex nsaħħu dak kollu li verament jagħmilna Maltin u Għawdxin. 

Din hija l-politika li jiena nemmen fiha... fejn il-politiku jkollu viżjoni għall-futur, fejn il-proġetti u l-investimenti jsiru bi pjan u bi ħsieb għall-futur. Politika, li jiena nemmen biha fejn ma jkunx hawn faqar u numri li dejjem jiżdiedu ta’ nies li qed jispiċċaw fix-xifer tal-faqar, iżda għajnuna u xogħol għal kulħadd u mhux biss għall-ftit, tal-qalba, jew għall-ħbieb tal-ħbieb. 

Fejn il-kuntratti u t-tenders b’fondi pubbliċi ma jingħatawx lil min jiffirma ċ-ċekkijiet fil-maratoni tal-partiti politiċi iżda lil min ħaqqu... u fejn il-permessi jinħarġu lil kulħadd b’mod ġust u mhux għax “tal-Ministru!” 

Iva, politika moderna li jiena nemmen fiha u li rrid li mmexxi ’l quddiem. F’demokrazija attiva, fejn il-minoranzi u ż-żgħar ikollhom il-vuċi tagħhom rispettata u mhux fgata. U fejn iż-żgħażagħ iħossuhom parteċipi u mhux aktar apatiċi lejn il-politika. 

Pajjiż modern li postu huwa madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li minkejja li ċkejnin mhux biss inżommu rasna għolja u ’l fuq quddiem pajjiżi oħra ġganti iżda fejn nuru l-kapaċitajiet tal-poplu Malti tagħna u li aħna kapaċi u aktar. Fejn nuru li nistgħu verament inkunu dinamiċi, moderni u progressivi. 

Ejjew flimkien ilkoll nimmaġinaw pajjiż bħal dan, bil-politika li nemmen biha u li se nkun qed immexxi, kemm nistgħu nikbru flimkien żgħażagħ u anzjani spalla ma’ spalla, l-entużjażmu mal-esperjenza. Fejn ikollna ugwaljanza ta’ vera bejn l-irġiel u n-nisa, bejn il-Maltin u l-Għawdxin. U fejn in-nofsinhar tal-pajjiż ma nibqgħux narawh qisu għandu xi ħaġa inqas mill-kumplament tal-pajjiżna iżda li minnu noħorġu l-aqwa potenzjal. 

Politika bla uċuħ u bil-meritokrazija, fejn noffru l-għodod kollha biex kulħadd ikollu ċ-ċans ugwali li jikber u jissaħħaħ. 

Għaliex in-nies dan li jixirqilhom mingħand il-politiċi, mhux min jidħak bihom, mhux min jgħidilhom “ġaħan” iżda min joffrilhom l-id li sserrvi biex ikollhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Mhux min jistagħna minn fuqhom iżda min b’umilta’ jismagħhom. 

Din il-politika li jiena nemmen fiha... il-politika li sservi u mhux tisserva. 

More in Politika