Carmel Cacopardo | Telefonata mill-Ministeru

Għaliex il-Pulizija joqogħdu lura milli jagħtu informazzjoni fejn ikun hemm il-politiċi involuti? Il-kliem nieqes miċ-ċarezza li intuża mill-Ispettur tal-Pulizija fil-Qorti din il-ġimgħa jwassal dan il-messaġġ. Ma jkunx ferm iktar għaqli li min qiegħed hemm biex iħares il-liġi, ma jibqax jimxi bl-ingwanti tal-ħarir mal-membri tal-Kabinett?  

Il-biċċa qerq dwar il-liċenzji tas-sewqan li nkixfet fil-Qorti iktar kmieni din il-ġimgħa hi inkwetanti ħafna. Dan qed ngħidu in vista tal-informazzjoni sensittiva li dwarha ingħatat biss indikazzjoni żgħira fix-xhieda li instemgħet sa issa fil-Qorti. Id-dettalji dwar dan kollu, li jikkonċerna korruzzjoni fl-eżamijiet tat-teorija dwar is-sewqan, għadhom mhux magħrufa.  

Sa issa ġew imħarrka tlett irġiel: wieħed mid-Diretturi u żewġ uffiċjali ta’ Trasport Malta, li wieħed minnhom kien elett bħala kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż- Żebbuġ f’isem il-Partit Laburista.   

Kien żvelat fil-Qorti li l-akkużati, waqt li kienu interrogati, iġġustifikaw l-azzjonijiet tagħhom billi enfasizzaw li kienu soġġetti għal pressjoni politika kontinwa.  L-uffiċjal anżjan fost dawk akkużati lmenta li ħassu taħt pressjoni kbira minħabba t-telefonati kontinwi minn diversi Ministeri. 

Fix-xhieda mogħtija sa issa l-Pulizija żvelat li mowbajl li ġabru sabu “chats diversi ma’ persuni b’rabta ma’ partit politiku.” Ma hemm l-ebda informazzjoni uffiċjali dwar l-identità ta’ dan il-partit politiku. L-unika ħaġa li nista’ ngħid hi li dan il-partit definittivament mhux l- ADPD! 

Xi ħadd li kellu aċċess għall-informazzjoni fuq il-mowbajl maqbud imma, fuq il-midja soċjali, indirettament żvela għaliex il-pulizija hi kawta u mhux tiżvela ismijiet ta’ dawk involuti. Jidher li rrealizzaw li l-ismijiet, hekk kif ikunu żvelati, jistgħu joħolqu terrimot politiku li bħalu qatt ma rajna.   

Skont l-informazzjoni mhux uffiċjali li qed tiċċirkola b’mod elettroniku jidher li ġew identifikati, bħala li ħadu sehem f’din il-biċċa qerq taħt investigazzjoni, erba’ membri attwali tal-Kabinett flimkien ma’ tnejn oħra li ma għadhomx fil-Kabinett.   

Mid-dehra, il-parti l-kbira ta’ dawk inkarigati mis-Segretarjat tal-Ministri kif ukoll numru ta’  

Membri Parlamentari huma mdeffsa ukoll.  

Fl-investigazzjonijiet tagħhom il-Pulizija jidher li f’uffiċċju ta’ wieħed mill-akkużati sabu żewġ djarji b’informazzjoni sostanzjali li kienet tikkonsisti f’ismijiet, numri tal-karta tal-identità kif ukoll id-dati ta’ meta dawk li gawdew mill-irregolaritajiet investigati qagħdu għall-eżami tat-teorija għal-liċenzja tas-sewqan.  

Wieħed mill-akkużati qed jiddefendih il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, l-Avukat  Dr Joe Giglio,avukat bi prattika estensiva fil-qasam tal-liġi kriminali.   

Mhux etika li Membri Parlamentari jinvolvu ruħhom f’dawn il-każijiet. Id-difiża ta’ persuni akkużati bl-involviment fil-korruzzjoni mhijiex kompatibbli mal-ħidma politika kontra l-istess korruzzjoni. Ma jistax ikun kredibbli jekk jipprova jkollu saqajh fuq iż-żewġ naħat.  Dan qed ixellef sewwa l-kredibilità politika tiegħu. Jidher li mill-każ tal-Bank Pilatus ma tgħallem xejn!  

Minn din l-istorja kollha hemm żewġ punti ta’ importanza. Għaliex il-Pulizija joqogħdu lura milli jagħtu informazzjoni fejn ikun hemm il-politiċi involuti? Il-kliem nieqes miċ-ċarezza li intuża mill-Ispettur tal-Pulizija fil-Qorti din il-ġimgħa jwassal dan il-messaġġ. Ma jkunx ferm iktar għaqli li min qiegħed hemm biex iħares il-liġi, ma jibqax jimxi bl-ingwanti tal-ħarir mal-membri tal-Kabinett?  

Imbagħad xi ngħidu għall-irbit li għandhom il-Membri Parlamentari mal-professjoni jew xogħol tagħhom? Meta se jinħallu minn dan l-irbit li jxekkilhom fil-qadi ta’ dmirijiethom?  

Kif propost repetutament minn ADPD fid-diversi manifesti elettorali, għandna bżonn  Parlament li mill-iktar fis ikun magħmul minn membri li jiddedikaw ħinhom kollu għall-ħidma Parlamentari. Huwa b’dan il-mod biss li l-Parlament jista’ jkun kredibbli u possibilment effettiv.

More in Politika