Editorjal | Min kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja għandu għaliex ikun kburi

Minkejja l-għajjat u t-twerżiq u l-priedki u paniġierki, grazzi għal leġiżlazzjoni kollha li semmejna pajjiżna huwa post aħjar biex tgħix fih

Il-bidla dejjem teħtieġ persuna jew moviment li jmexxiha. Kieku qgħadna bilqiegħda nistennew il-kotra tqum, minflok Deputati (dak iż-żmien Nazzjonalista – Jeffrey Pullicino Orlando u Evarist Bartolo) qamu u għaddew abbozz biex id-divorzju jkun deċiż fil-Parlament, kieku llum diversi persuni m’għandhomx iċ-ċans jerġgħu jibdew ħajjithom mill-ġdid.

Kieku għandna għexieren ta’ nisa u rġiel li għal għajn in-nies huma miżżewġin, meta fir-realtà mhumiex. Kieku għad għandna għexieren ta’ persuni qegħdin f’relazzjonijiet mhux rikonoxxuti, għat-taparsi fantażma, ma jeżistux  u bla drittijiet. 

U la seħħew theżżiziet u la niżel nar mis-sema u lanqas spiċċat il-familja. 

Il-forzi konservattivi tilfu u ma kellhomx raġun u ma knux fuq in-naħa t-tajba tal-istorja għax l-argument tagħhom kien mibni fuq id-diskriminazzjoni, fuq soċjetà li tinnormalizza grupp u tinjora lill-ieħor. Il-miżżewweġ kuntent fuq u iktar importanti minn dak li mhux. Il-maġġoranza, fuq il-minoranza. 

Imma l-poplu wriehom mod ieħor. Wera illi anke jekk hu fuq bażi individwali huwa kontra d-divorzju u ma jridx jagħmel użu minnu għax jinsab fi żwieġ hieni, hemm min hu fil-bżonn. Hemm min jixtieq jinħall mill-passat u jibda futur ġdid. 

Dakinhar il-Partit Laburista, immexxi minn Joseph Muscat, il-midja indipendenti inkluż l-ILLUM u l-forzi xellugin u liberali kienu favur. Il-Knisja, il-PN u l-forzi konservattivi kienu kontra. 

Dejjem u f’kull okkażjoni, il-konservattivi kienu kontra ż-żgħir, kontra l-emarġinat, kontra min għandu inqas u min dejjem ingħata l-ġenb mill-istat. U dejjem tilef u dejjem baqa’ jkun fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja

Dan ix-xahar infakkru l-ħames sena minn meta sar liġi l-abbozz tal-Unjoni Ċivili li ppermetta għall-ewwel darba fl-istorja illi żewġ persuni tal-istess sess jidħlu f’rabta flimkien. 

Kieku qgħadna nistennew il-kotra tagħmel xi ħaġa, kieku għadna qed nittitubaw u nraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar. Kieku għadna ngħidu lil eluf ta’ ċittadini Maltin, biex jistaħbew u jaċċettaw illi huma ma jistgħu qatt ikollhom drittijiet u ma jistgħu qatt ikunu rikonoxxuti. 

Imma minkejja li kienet imwiegħda iswed fuq l-abjad l-unjoni ċivili, fil-programm elettorali, il-PL xorta rebaħ u rebaħ bil-kbir. F’Settembru 2014 l-unjoni ċivili daħlet liġi u l-poplu aċċetta din il-bidla, li xi ftit jew wisq lanqas konna noħolmu li qatt tista’ sseħħ. 

Il-forzi konservattivi tilfu mill-ġdid u ma kellhomx raġun u ma kinux fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, għax mill-ġdid il-maġġoranza ‘normali’ riduha tiddeċiedi fuq il-minoranza bla vuċi. Min huwa eterosesswali jiddeċiedi għal min huwa omosesswali. 

Dakinhar il-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat, il-midja indipendenti inkluż l-ILLUM u l-forzi xellugin u liberali kienu favur. Il-Knisja, il-PN u l-forzi konservattivi kienu kontra. 

Mill-ġdid l-istorja rrepetiet ruħha. 

Anke fil-każ ta’ Joanne Cassar, mara li xtaqet tbiddel is-sess fil-karta tal-identità biex tiżżewweġ. Tellgħuha l-Qorti ta’ Malta, tellawha l-Qorti tal-Ewropa u kieku kien hemm qorti oħra kienu jtellgħuha wkoll il-forzi konservattivi ta’ dan il-pajjiż.

Minkejja l-għajjat u t-twerżiq u l-priedki u paniġierki, grazzi għal leġiżlazzjoni kollha li semmejna pajjiżna huwa post aħjar biex tgħix fih. Post aktar tolleranti biex tgħix fih. Mhux biss għal tant ġenerazzjonijiet tal-lum, imma ħafna aktar għal ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu

Iżda ma kellhomx raġun u ma kinux fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. U anke meta ddaħlet il-liġi tal-ġeneru u anke meta ddaħħal iż-żwieġ ugwali bejn persuni tal-istess sess. Dejjem u f’kull okkażjoni, il-konservattivi kienu kontra ż-żgħir, kontra l-emarġinat, kontra min għandu inqas u min dejjem ingħata l-ġenb mill-istat. U dejjem tilef u dejjem baqa’ jkun fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja. 

Min jgħid li l-ideoloġija politika hija mejta, għandu żball. L-ideoloġija politika li tissagrifika liż-żgħir u lill-minoranzi għall-“ġid komuni” ħajja għadha. Kif għadha ħajja l-ideoloġija politika u soċjali tat-twemmin sod fl-ugwaljanza fil-liġi u l-wens u t-tolleranza, li din il-gazzetta hija kburija li tħaddan, gazzetta f’Malta b’editorjal favur żwieġ ugwali snin sħaħ ilu. 

Minkejja l-għajjat u t-twerżiq u l-priedki u paniġierki, grazzi għal leġiżlazzjoni kollha li semmejna pajjiżna huwa post aħjar biex tgħix fih. Post aktar tolleranti biex tgħix fih. Mhux biss għal tant ġenerazzjonijiet tal-lum, imma ħafna aktar għal ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu. 

Min kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja għandu għalfejn ikun kburi. 

More in Politika