Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | It-tfal għandhom drittijiet ukoll

Għalfejn tant nies qed jibżgħu jiżżewġu llum? X'inhuma l-isfidi li qed jiffaċċjaw it-tfal illum? Dun Anġ jikteb...

Dun Anġ Seychell / 14 ta' Lulju 2017 10:49
It-tfal...fi ħsieb Dun Anġ Seychell
Kont qed nara l-lista tal-ministri u segretarji parlamentari tat-tieni amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat. Ħadt sorpriża. Wieħed mill-Ministri ngħata r-responsabbiltà tal-jeddijiet tat-tfal! Fil-fatt huwa l-Ministru Michael Falzon li apparti s-Solidarjeta Soċjali u l-Familja huwa responsabbli wkoll għad-drittijiet tat-tfal. Nifraħlu u nawguralu għax it-tfal hemm bżonn li jkollhom min jieħu ħsiebhom fl-ogħla livell, avolja f’dawn l-aħħar snin diġà kellhom il-Kummissarju tat-Tfal.

Għaliex hemm bżonnu?

Għax aħna l-kbar, fit-tfittxija tal-jeddijiet tagħna, mhux dejjem qisna li anke t-tfal għandhom il-jeddijiet partikulari tagħhom.

Fid-dinja tagħna, partikolarment fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq, qed tinħoloq klassi ta’ tfal irrabjati għal ommhom u missierhom, li minnhom qed tissawwar il-klassi baxxa ġdida tan-nies kriminali.

·         Dawn huma t-tfal u żgħażagħ li sfaw mgħallma l-prinċipju żbaljat, ‘l-aqwa li tieħu pjaċir’ u sabu rwieħhom jgħumu fil-baħar fond tad-droga u tal-pornografija;

·         Avolja l-istatistiċi jinżammu moħbija, u sewwa jagħmlu, xorta waħda nafu li ż-żewġ kategoriji fi ħdan is-soċjetà li l-iżjed qed jikkommettu suwiċidju huma ż-żgħażagħ u x-xjuħ ta’ età kbira li jħossuhom weħidhom; u dan jgħodd ukoll għalina hawn Malta;

"qed tinħoloq klassi ta’ tfal irrabjati għal ommhom u missierhom, li minnhom qed tissawwar il-klassi baxxa ġdida tan-nies kriminali"
Dun Anġ Seychell
·         Beda jkollna tfal subien u bniet li qed iħossuhom diskriminati speċjalment fl-iskola, għax qed jaraw tfal sħabhom li għandhom papà u mamà filwaqt li huma għandhom jew mamà u mamà, jew papà u papà u qed jistaqsu għaliex huma differenti minn sħabhom avolja qed iħossu l-istess bżonnijiet u l-istess xewqat bħat-tfal l-oħrajn;

·         Qed jiżdiedu t-tfal u żgħażagħ ġejjin minn familji mfarrka għax missierhom jew ommhom m’għadhomx jgħixu magħhom fl-istess dar. Qabel konna nisimgħu b’inkwiet u firdiet fi ħdan il-familja imma konna nisimgħu wkoll il-karba tal-omm jew tal-missier li jgħidu: “Għandi l-inkwiet fiż-żwieġ imma ma nitlaqx minħabba t-tfal”. Din l-istqarrija qed tinstema’ inqas u inqas fi żminijietna. Minflok l-omm jew il-missier li jitlaq jipprovaw ipattu bir-rigali jew bil-ġugarelli jew bil-flus li jtuhom. Imma...

·         It-tfal Ġermaniżi u t-tfal Amerikani għaddew minn din l-esperjanza qabilna.

Tfal  Ġermaniżi u Amerikani.

It-tfal u ż-żgħażagħ Ġemaniżi qed jgħidulna: “Aħna żaqqna mimlija u bwietna mimlija, imma qalbna tinsab vojta”

U t-tfal Amerikani darba għamlu protesta fi New York kontra ommijiethom u misserijiethom. Ħarġu barra bil-ġugarelli kbar u sbieħ li jingħataw u kitbu posters li jgħidu: “Għeżież ġenituri, aħna mhux il-ġugarelli tagħkom irridu – aħna lilkom irridu!”

Hemm mappa tal-Ewropa li tinteressa ħafna lit-tfal. U f’dil-mappa hemm diversi pajjiżi fl-Ewropa fejn iżjed minn 50% tat-tfal qed jitwieldu barra miż-żwieġ.

Iż-żwieġ f’Malta qed jonqos. Ħarġu ċ-ċifri li juru li ż-żwieġ – sagrament qed ikun inqas mill-għadd ta’ żwiġijiet bir-reġistru - iż-żwieġ ċivili. U jalla nkun profeta falz meta nbassar li dalwaqt nibdew naraw jonqsu d-divorzju u s-separazzjonijiet u diġà qed naraw jiżdiedu t-tisħib rabta ċoff li bil-pulit jissejħu “partnerships”.

"ma rridx ninsa lil dawk il-familji li qed jaqdfu kontra l-kurrent – jemmnu, jitolbu kuljum, jaqraw il-Bibbja, jattendu għall-quddiesa u jħarsu lejn il-Papa Franġisku bħala l-kewkba u r-Ragħaj tagħhom. Qed irabbu lil uliedhom fil-għożża u fl-imħabba"
Dun Anġ Seychell
Għaliex iż-żwieġ qed jonqos?

Għax il-Maltin qed jibżgħu jiżżewġu. L-anqas ħaqq l-ispejjeż biex tagħmel tieġ bil-fjokki biex imbagħad wara ftit snin isir kollu duħħan!

U mit-tfal li jiġu fid-dinja x’se jiġri?

Min jaf! Hemm it-taxxi tagħna jagħmlu tajjeb u jħallsu huma għall-konsegwenzi kollha!

Ma rridx nikkarga iżjed imma dak li għidt huwa realtà. Din hi Malta tagħna llum. Imma ma rridx ninsa lil dawk il-familji li qed jaqdfu kontra l-kurrent – jemmnu, jitolbu kuljum, jaqraw il-Bibbja, jattendu għall-quddiesa u jħarsu lejn il-Papa Franġisku bħala l-kewkba u r-Ragħaj tagħhom. Qed irabbu lil uliedhom fil-għożża u fl-imħabba.

Awguri lill-Ministru Falzon responsabbli mill-ħarsien tal-jeddijiet tat-tfal

 

 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook