Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Muża

L-ewwel Mużew Nazzjonali tax-xorta tiegħu li jitfa' l-komunità fiċ-ċentru tal-messaġġ tiegħu.

Ministru Owen Bonnici / 17 ta' Novembru 2018 12:13
Dak li ftaħna lbieraħ il-Prim Ministru u jien fil-Berġa tal-Italja fil-Belt hu iktar minn mużew nazzjonali.

Huwa l-ewwel Mużew Nazzjonali tax-xorta tiegħu li jitfa' l-komunità fiċ-ċentru tal-messaġġ tiegħu.

Dan il-proġett, li sar b'investiment ta' €10 miljun minn fondi Ewropej sar għaliex għandna tim b'saħħtu ħafna fi ħdan Heritage Malta u l-Ministeru tal-Kultura li ghelbu l-isfidi kollha u taw lil pajjiż dan ir-rigal stupend. Sar għaliex fi tmexxija ta' Fondazzjoni Valletta 2018 għandna nies li raw is-siwi ta' legat għall-ġenerazzjonijiet futuri. Sar għaliex l-entitajiet l-oħra, mis-Sovraintendenza għall-Patrimonju Kultura sal-Cleansing and Maintenance Directorate, ħadmu ponn wieħed biex nirnexxu. Sar għaliex l-entitajiet l-oħra li jaqgħu barra mill-Ministeru tagħna, partikolarment dawk relatati ma' fondi Ewropej taw il-massimu tagħhom biex jgħinuna. Jien kburi b'dawn in-nies kollha li wettqu dak li għall-bidu deher impossibbli u għamlu dan il-ġojjell li se jitgawda minn kulħadd.

Dan il-proġett ma kienx jirnexxi kieku l-Gvern ma kellux tim ta' nies iddedikati li x-xogħol jagħmluh b'passjoni kbira.

Dan il-proġett issa jingħaqad ma' kullana ta' proġetti oħra li diġà wettaqna u oħrajn li se nwettqu fis-snin li ġejjin biex pajjiżna jimla d-deficit ta' infrastruttura kulturali li kellu għal ħafna u ħafna snin.

Illum fil-Belt Valletta għandna trijangolu kulturali li jgħaqqad flimkien il-Fondazzjoni Kreattività (li wara li rat it-twelid tagħha frott il-proġett tal-eks Ministru Jesmond Mugliett, illum evolviet f'ċentru b'saħħtu ħafna li qed jagħmel ħafna ġid), il-Mużew Nazzjonali tal-Arti u Pjazza Teatru Rjal. Infakkar li aħna writna Pjazza Teatru Rjal litteralment mingħajr support amministrattiv u llum sar post li - bit–tajjeb u l-ħażin kollu li teatru miftuħ iġib miegħu – jattira impenn kulturali b'saħħtu.

"Hawn hu l-ħażin; meta Maltin bħali u bħalek jingħaqdu ma' barranin li jikkritikaw lil Malta għaliex jagħtu kredibbilità lil din il-kritika inġusta lejn Malta"
Naturalment il-mili tad-defeċit kulturali li kellna f'pajjiżna mhuwiex marbut biss ma' bini u infrastruttura iżda wkoll strutturi li għal snin twal pajjiżna kien imxennaq għalihom: insemmi l-kumpanija nazzjonali taż-Żfin (Żfin Malta), kumpanija nazzjonali tat-teatru (Teatru Malta) u issa Kor Nazzjonali (Kor Malta).  Kabbarna l-Kunsill Malti għall-Arti tant li issa l-fergħa tagħha responsabbli mill-Festivals – Festivals Malta – hi entità b'saħħitha fiha nnfisha u qed ittella' Festivals ta' kwalità.

U fuq kollox Valletta 2018 li kien u għadu vjaġġ stupend li se jħalli l-legat ta' Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li se tkompli x-xogħol stupend li sar matul is-sena 2018.

Verament is-settur artistiku laħaq livelli stroardinarji li konna ilna ma naraw bħalhom.

Tkabbir ekonomiku

Kemm hu sabiħ tara lil pajjiżek fl-ewwel post fil-lista ta' pajjiżi madwar l-Unjoni Ewropea kollha fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku.  Sa ftit ilu konna mdorrijin naraw lil pajjiżna fl-aħħar postijiet fil-klassifiki u llum qegħdin fl-ewwel post.  Dan hu frott l-għaqal ta' min jaf jibni suċċess ekonomiku wieħed wara l-ieħor – indubjament mertu b'saħħtu ħafna ta' Joseph Muscat u l-viżjoni tajba ħafna tiegħu ta' kif imexxi l-ekonomija 'l quddiem u jkabbar ix-xogħol.

Naomi Klein

Fl-aħħar sigħat tkellmet f'pajjiżna l-attivista Kanadiża Naemi Klein u qrajt b'attenzjoni dak li kellha xi tgħid fl-attività li saret il-Ġimgħa.

Mhux se nidħol fil-mertu tal-kummenti li għaddiet dwari nhar il-Ġimgħa għax wara kollox aħna li qegħdin fl-arena pubblika miftuħin għall-kritika u l-kummenti.  Iktar interessanti però kumment li kienet irrappurtata li qalet nhar il-Ġimgħa fejn fil-fehma tiegħi ġabret fi ftit kliem ħafna mill-kritika inġusta għall-aħħar li l-barranin jgħaddu lejn Malta.

Is-Sinjura Klein ġiet irrapportata li qalet hekk:

“Malta’s low corporate tax rate regime, its sale-of-citizenship scheme and its iGaming sector has created opportunities for ‘some pretty shady characters’”.

Essenzjalment ikkritikat ir-rata vantaġġjuża ta' taxxa għall-kumpaniji, il-programm ta' ċittadinanza b'investiment u l-iGaming u tefgħethom fl-istess keffa ma' aġir ħażin.

Minn dawn it-tliet affarijiet, tnejn minnhom twieldu taħt Gvern Nazzjonalista u dan il-Gvern kompla jibni fuqhom għaliex jeżisti kunsens dwarhom. It-tielet ħaġa nbdiet minn Gvern Laburista (jien kont l-implimentatur ewlieni ta' dan il-programm) u għad ma hemmx kunsens sħiħ dwaru bejn iż-żewġ naħat, huwa fatt magħruf li ħafna nies qrib tal-Partit Nazzjonalista jipparteċipaw attivament fih bħala aġenti.

"Sa ftit ilu konna mdorrijin naraw lil pajjiżna fl-aħħar postijiet fil-klassifiki u llum qegħdin fl-ewwel post. Dan hu frott l-għaqal ta' min jaf jibni suċċess ekonomiku wieħed wara l-ieħor"
U hawn hu l-ħażin meta Maltin bħali u bħalek jingħaqdu ma' barranin li jikkritikaw lil Malta għaliex jagħtu kredibbilità lil din il-kritika inġusta lejn Malta u li hi immirata b'mod sħiħ u uniku biex twaqqaf li dak ix-xogħol jiġi lejn Malta taħt l-iskuża li xi skema jew oħra hi ħażina jew mhux serja.

Hi inġusta din il-kritika għaliex ir-regolaturi f'dawn is-setturi huma serji, b'saħħithom u tajbin ħafna. Siegħa r-regolaturi that Gvern Nazzjonalista u r-regolaturi that Gvern Laburista kienu u għadhom tajbin u integri.

Insaqsi jien – jekk Malta għandha rata ta' taxxa vantaġġjuża, x'inhu jżomm pajjiżi oħrajn li jagħmlu l-istess bħalna u joffru rati ta' taxxi vantaġġjużi? 

Inkompli nsaqsi – jista' jkun li l-barranin iħarsu lejn l-iGaming structures tagħna u jarawhom ħżiena għaliex Malta saret suċċess f'dan il-kamp?

Fil-fehma tiegħi dak li qalet is-Sinjura Klein huwa tfakkira ta' kemm il-klassi politika għandha żżomm l-interessi ta' Malta l-ewwel u qabel kollox kullimkien.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook