Ittri Il-punt Blogs

Inbid qadim f’damiġġjani ġodda

Bħalissa l-UE għaddejja minn mument ta’ kriżi...mument ta’ kriżi li għandu diversi wċuħ

Michael Grech / 11 t'April 2017 10:42
Ftit tal-jiem ilu ġie ċċelebrat is-60 anniversarju tat-twaqqif tal-Unjoni Ewropea (minkejja li dakinhar ma kellhiex dan l-isem). Dan l-avveniment ġie mfakkar kif xieraq. Sehem ewlieni kellhom il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Tusk, il-Prim Ministru Taljan Gentiloni (minħabba li l-Italja kien il-post li fih twaqqaf il-blokk) u dak Malti Muscat bħala l-Prim Ministru tal-pajjiż li għandu l-presidenza issa. L-ewwel tlieta kellhom kliem ta’ tifħir lejn dak li, skont huma, l-Unjoni fissret tul is-snin u lejn dak li qed tagħmel bħal issa. Semmew ukoll imma, xi diffikultajiet u fejn skont huma, qed tonqos ta’ din l-għaqda ta’ stati. L-uniku wieħed li tista’ tgħid ra l-pożittiv biss kien il-Prim Ministru Malti. 

Mhux beħsiebni hawnhekk nitkellem fuq kemm il-Prim Ministru Muscat hu konsistenti f’dan, ma’ dak li kien jgħid snin ilu, jew kif l-ideat tiegħu dwar dan il-blokk donnhom imbidlu f’interventi differenti wara l-vot tar-Renju Unit. Ser ninnota imma tendenza fl-aġir ta’ Dr Muscat li hi komuni għal ħafna; tendenza li minkejja li tidher friska, hi fil-verità antika u turi limiti enormi li għandu mhux Dr Muscat, imma pajjiżna, jew aħar bosta li jappartjenu għal gruppi li suppost politikament u/jew kulturalment aktar għaqlija. Hi tendenza li turi nuqqas ta’ ħila li tħares b’mod kritiku lejn ħaġa li tista’ anke temmen fiha.

Gonzi, Strickland u …

F’Malta teżisti espressjoni li tgħid li wieħed jista’ jkun Kattoliku aktar mill-Papa. Din kienet espressjoni li għal bosta snin kienet tgħodd għal bosta fenomeni f’pajjiżna. Il-Knisja lokali, ġerarkija u popolazzjoni, bosta drabi kellha storja ta’ sottomissjoni lejn u fiduċja għamja fil-Knisja Rumana. Min ixellef difru mal-Papa, awtomatikament żbalja. Kull ħaġa li tmur lil hinn mill-linja uffiċjali ta’ Ruma kienet meqjusa b’suspett. L-idea li wieħed jista’ jkun Kattoliku imma ma jaqbilx mal-Vatikan f’kollox kienet għal bosta snin, u forsi għal uħud fostna, għadha, xi ħaġa li ma tagħmilx sens. Mhux ta’ b’xejn li meta Ruma stess ippruvat tiftah lilha nnfisha bit-tieni Konċilju Vatikan, l-episkopat Malti kien wieħed mill-ftit li wera li mhux kuntent wisq bl-iżviluppi.

Fiż-żmien ukoll, parti mhux ħażin mill-poplu tagħna żviluppa lealtà simili lejn xi ħaġa oħra mifruxa mad-dinja; l-Imperu Brittaniku (jew kif kien magħruf hawn l-Imperu Ingliż). L-imperu kien meqjus grazzja minn Alla. Nitkellem taħt korrezzjoni, u jekk qed niżbalja nispera li xi ħadd jinkoraġġini, imma nissusspetta li Malta kien l-uniku post fl-Imperu fejn kien hemm partit politiku (dak Stricklandjan) magħmul minn nies li mhumiex ta’ dixxendenza Ingliża, Skoċċiża jew minn Wales, li kellu bħala għan ewlieni dak li jqarrab kemm jista’ jkun il-kolonja mall-ħakkiema. Anke hawnhekk, kien hawn min sar Ingliż aktar mir-re/reġina. Fil-ħafna gwerrer u kwistjonijiet li kien ikollu l-imperu, dawn il-Maltin kienu jassumu li dan jinsab dejjem fuq in-naħa t-tajba.

Kemm fl-ewwel u kemm fit-tieni każ kien hemm istituzzjonijiet internazzjonali li jagħtuna riga biex biha aħna nqisu dak li hu tajjeb u ħażin; dak li jagħmel sens jew le. Fiż-żewġ każi, kien hemm xi ħaġa mifruxa fuq skala dinjija li tagħtina wens; anke wens minnha nnifisha - minn ċerti affarijiet li kien hemm fl-armarju tagħna li ma xtaqniex niffaċjaw; il-qrubija tagħna lejn l-Għarab, il-passat Musulman, il-fatt li konna kolonja bħal bosta popli li konna naħsbu li aħna aqwa minnhom.

Fiż-żewġ każi kien hemm rabtiet ta’ lealtà min-naħa tagħna lejn in-naħa l-oħra, aktar milli bil-kontra. Fiż-żewġ każi konna naħsbu li jekk ninħabbu u ninħakku ma’ dawn l-istituzzjonijiet, nistgħu ngħelbu ċ-ċokon, l-istorja u r-razza u r-radika tagħna, u anke nalludu lilna infusha li nkunu ngħoddu xi naqra. Meta dawn iż-żewġ tendenzi kienu popolari, kon issib ħafna ‘għorrief’, poeti u ‘ħassieba’ li kien u jemmnu dan.

Kollox jinbidel biex…

Minkejja d-differenzi ovvji, wieħed ma jistax ma jinnutax ċertu xebh fl-attitudni msemmija fil-bidu tal-artiklu u l-mod li bih ħafna, inkluż uħud li għandhom pretensjonijiet akkademiċi u politiċi jħarsu lejn l-Unjoni Ewropea. Ovvjament, bħal kull ħaġa oħra, l-Unjoni Ewropea għandha t-tajjeb u l-ħażin tagħha; tajjeb u ħażin li jistgħu jvarjaw għal persuni, gruppi u klassijiet differenti. (Hi assurdità li taħseb li hemm xi ħaġa li hi tajba jew ħażina għal kulħadd, jekk teskludi affarijiet bħall-arja.)

"Bħalissa, l-UE għaddejja minn mument ta’ għelt kbir; mument ta’ kriżi li ma tistax tispjegah b’mod simplistiku billi twaħħal fl-egoiżmu jew l-injoranza tan-nies. Hu mument ta’ kriżi li għandu diversi wċuħ"
Bħalissa, din l-għaqda ta’ nazzjonjiet hi għaddejja minn mument ta’ għelt kbir; mument ta’ kriżi li ma tistax tispjegah b’mod simplistiku billi twaħħal fl-egoiżmu jew l-injoranza tan-nies. Hu mument ta’ kriżi li għandu diversi wċuħ; livell t’għixien ta’ ħafna nies li niżel, problema dwar jekk l-Unjoni hux ser tibqa’ teżisti, nuqqas ta’ viżjoni dwar kif, jekk tibqa’ teżisti, ser tiżviluppa u l-bqija. Hi kriżi li anke dawk li l-aktar jemmnu fil-proġett Ewropew, fl-Ewropa ta’ vera jammettu. Hi kriżi madankollu li dawk li f’pajjiżna għandhom fidi reliġjuża fl-Unjoni Ewropea, donnhom jiċħdu. Inkella jammettu li xi problema jew oħra hemm, imma jemmnu b’mod reliġjuż li fl-aħħar mill-aħħar, is-setgħat tal-infern, lil Brussell ma jirbħuhiex. Hemm kemm hemm problemi, trid temmen li l-Unjoni Ewropea hi fundamentalment tajba; li barra minn din l-arka tas-salvazzjoni hemm it-telfien. Li forsi tkun temmen fil-proġett Ewropew (Ewropa u possibbilment dinja bla fruntieri), imma mhux fl-UE kif inhi; li tissogra tikkunsidra jekk forsi għal dan il-proġett Ewropew forsi jkunx aħjar li l-UE kif inhi tiżżarma u titwaqqaf xi ħaġa ġdida fuq sisien aktar sodi u ġusti huma ereżiji li ma tistax tgħid. Herbert Ganado u Ġużè Aquilina għandhom il-werrieta tagħhom b’bixra ġdida.    

Nagħlaq billi nawgura (ftit tard) Jum il-Ħelsien tajjeb lill-qarrejja. (Ovvjament qed niċċajta.)         

             

Michael Grech huwa opinjonista

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook