Ittri Il-punt Blogs

Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti

minn Robert Cutajar

1 ta' Ġunju 2015 08:37
Ressaqna proposti biex bis-serjetà il-qasam tal-appoġġ lill-persuni b’diżabilità jkompli miexi ‘l quddiem
Matul l-aħħar ġimgħat il-qasam tal-persuni b’diżabilità sab postu fuq l-aġenda tal-Parlament. Żewġ liġijiet partikolari ppermettew lill-Oppożizzjoni nispjegaw bis-serjetà dak li fil-verità qed iseħħ f’dan il-qasam tant importanti u sensittiv f’pajjiżna. Il-Gvern qiegħed bil-paroli jgħid mod u meta tara l-fatti malajr tinduna li l-verità hija ferm ’il bogħod. 

Illum pajjiżna qed jesperjenza Gvern li qed ikun kapaċi jipprova jinganna f’kull qasam immaġinabbli, issa saħansitra anke fil-qasam tal-persuni b’diżabilità u anke fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal.

Twaqqfu skemi u inizjattivi favur il-persuni b’diżabilità 

Fid-diskussjoni dwar l-estimi  tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kelli l-opportunità li nitkellem fil-Parlament dwar il-qasam tax-xogħol u l-persuni b’diżabilità. Aħna ngħidu li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Fil-fatt dak li qed iseħħ f’pajjiżna f’dan il-qasam huwa ferm ‘il bogħod minn dak li ġew imwiegħda dawn il-persuni u l-familji tagħhom qabel Marzu tal-2013. Sinċerament, jiddispjaċini kif fil-programm elettorali tal-Partit Laburista f’paġna 80, f’miżura numru 50 wieħed isib miktub iswed fuq l-abjad, li Partit Laburista fil-Gvern kien ser isostni u jestendi l-iskema Community Inclusive Employment

Din l-iskema li kienet ġiet imnedija mill-amministrazzjoni preċedenti fejn prinċipalmnt kienet tfisser li għexieren ta’ persuni b’diżabilità kienu jingħataw impjieg mal-kunsilli lokali, fejn filwaqt li jibqgħu jieħdu l-pensjoni tad-diżabilità kienu wkoll jingħataw paga skont l-ammont ta’ sigħat li huma kienu jaħdmu. Din miżura eċċellenti li bis-serjetà kienet qed tgħin mhux ftit sabiex  dawn il-persuni vulnerabbli setgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Ġara iżda, li minkejja dak li ġie mwiegħed fil-programm elettorali tal-PL fl-2013, illum sentejn wara din l-iskema twaqqfet.

Kien hemm inizjattivi oħra mmirati lejn il-persuni b’diżabilità li twaqqfu minn din l-amministrazzjoni. Fost dawn insemmi l-programm ME 2. Hija ħasra tara inizjattivi li rendew tul is-snin u li qed jiġu mwaqqfa jew mhux imġedda mill-amministrazzjoni preżenti. Illum għandna Gvern li bis-serjetà qed ifalli fil-viżjoni tiegħu biex isaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. 

Anke fejn tidħol il-garanzija taż-żgħażagħ, minkejja direzzjoni ċara mill-Unjoni Ewropea, pajjiżna, kontra pajjiżi oħra Ewropej naqas li jagħti l-importanza lill-qasam tad-diżabilità meta fassal il-programm tiegħu. Illum pajjiżna għandu medja ta’ ftit aktar minn 5% ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol meta l-medja Ewropea taqbeż il-50%.

Jeżisti nuqqas ta’ koordinament bejn l-ETC u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità fejn illum  issib kumpaniji li jmorru jfittxu n-nies għax-xogħol għand l-istess KNPD meta suppost imorru għand l-ETC. Il-Gvern irid jara li min iħaddem jingħata l-inċentivi kollha possibbli; fejn apparti li titħaddem il-kwota li teżisti fil-liġi ta’ kemm suppost kull kumpanija għandha tħaddem persuni b’diżabilità, hemm l-obbilgu li joħloq network bejn l-ETC u min iħaddem.

IL-liġi tal-lingwa tas-sinjali … prova oħra ta’ ingann

Prova oħra ta’ kemm dan il-Gvern jitkellem mod u jagħmel mod ieħor ħarget ċar fil-Parlament waqt li kienet qed tiġi diskussa l-Liġi dwar il-Lingwa tas-Sinjali.

Fil-Parlament, il-Gvern ta l-impressjoni li l-liġi li kienet qed tiġi diskussa kienet qed issir bi qbil mal-Assoċjazzjoni tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ, wara konsultazzjoni sħiħa. Ġara però li jiem biss wara d-dibattitu fil-Parlament din l-Assoċjazzjoni, f’konferenza tal-aħbarijiet, ċaħdet bil-qawwa kollha li dak li hemm propost fil-liġi kien b’xi mod jirrifletti dak li talbet l-istess assoċjazzjoni. Aktar minn hekk intqal li lanqas konsultazzjoni kif kien jixraq ma sar magħhom min-naħa tal-Gvern.

Dan kollu ta raġun ukoll lill-Oppożizzjoni meta fil-Parlament ikkritikajna l-Gvern, fejn deher ċar li dak li kien intqal min-naħa tal-Gvern kien ferm ’il bogħod mill-fatti. 

Il-Gvern naqas li jipprijoritizza x’kien jaqbel verament għall-persuni neqsin mis-smigħ meta lill-uniċi erba’ interpreti li kellna f’pajjiżna,  flok serħilhom rashom u tahom impjieg fiss, dan il-Gvern għażel li joffri kuntratt u jixtri s-servizzi. In-nuqqas ta’ viżjoni u rispett min-naħa tal-Gvern fissret li tnejn minn dawn l-interpreti kontra qalbhom għażlu li jibdlu x-xogħol, biex issa pajjiżna għandu biss żewġ interpreti li huma kkwalifikati sabiex jagħtu servizz lill-persuni nieqsa mis-smigħ.

Se nkunu qed inressqu emendi li verament jirriflettu l-interessi u x-xewqat tal-persuni neqsin mis-smigħ. Waħda minn dawn l-emendi hija l-fatt li l-kompozizzjoni tal-bord kif indikat f’dan l-abbozz għandu jkun fih maġġornaza ta’ persuni li ġejjin minn dan il-qasam u mhux persuna waħda minn ħamsa kif qed jipproponi l-Gvern.

Oppożizzjoni pożittiva u proattiva

F’dawn l-aħħar xhur l-Oppożizzjoni ma konniex hemm biss biex nikkritikaw, iżda ressaqna proposti biex, bis-serjetà, il-qasam tal-appoġġ lill-persuni b’diżabilità f’pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem.

Ressaqna fil-Parlament liġi li ssaħħaħ il-Kummissjoni Persuni Nazzjonali b’Diżabilità fejn bħala Oppożizzjoni qed nistiednu lill-Gvern sabiex flimkien napprovaw liġi li tagħti awtonomija sħiħa lill-KNPD. Dan huwa pass naturali li din il-Kummissjoni jeħtiġilha biex timxi ’l quddiem, fejn il-Gvern irid jifhem dak li seħħ f’pajjiżi oħra fl-Ewropa - organizzazzjoni ta’ din ix-xorta m’għandhiex tibqa’ taħt idejn il-Gvern. 

Konna aħna wkoll, bħala Oppożizzjoni, ftit tax-xhur ilu li tlabna l-Parlament sabiex tiġi emendata l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna fejn titneħħa kull diskriminazzjoni bbażata fuq xi diżabilità.

Żewġ miżuri fejn, anke f’dan il-qasam tant sensittiv, qed nagħtu b’dover il-kontribut tagħna.

Manuvri mill-Gvern fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal

Jekk il-qasam tal-persuni b’diżabilità f’pajjiżna għaddej minn mument mhux daqstant feliċi, daqstant ieħor jista’ jingħad għall-qasam tal-ħarsien tat-tfal. Anke hawn il-Gvern għażel li jkun partiġġjan fejn it-tifsira tal-meritokrazija u l-islogan finta ta’ Malta Tagħna Lkoll litteralment sparixxew. Dan il-Gvern għażel li jaħtar nies mhux għax esperti fis-settur, iżda sempliċiment għax ixejru l-bandiera tal-Partit Laburista. 

L-Oppożizzjoni qed isegwi kull manuvrar li għaddej fl-aġenziji tal-Gvern li jmissu mal-qasam tal-ħarsien tat-tfal u żgħażagħ. Ikun qed jiżbalja bil-kbir jekk il-Gvern b’xi mod jazzarda jonqos milli jħares l-interess tat-tfal . Dan sempliċiment biex jipprova jaġevola interessi oħra. 

Il-Gvern irid jifhem u jaċċetta li l-politika partiġġjana għandha tibqa’ barra f’dawn l-oqsma tal-persuni b’diżabilità u l-ħarsien tat-tfal. Huma oqsma fejn il-Gvern irid jibda jkun sensittiv u ma jibqax insensittiv kif fil-fatt kien sa issa. Il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari preżenti responsabbli minn dawn l-oqsma, u anke l-qasam tal-anjzani, iridu jifhmu li jekk il-predeċessuri tagħhom kemm dawk fil-kabinett preżenti, u wkoll dawk fil-kabinett preċedenti, bdew inizjattivi validi. Dawn għandhom ikomplu jaħdmu fuqhom u mhux jiġu mormija. Il-pika għandha titħalla fil-ġenb.

L-Oppożizzjoni - it-tarka u l-vuċi għan-nies vulnerabbli wkoll

L-Oppożizzjoni ser tibqa’ tkun il-vuċi u t-tarka ta’ min dan il-Gvern irid b’xi mod li tgħaddi tiegħu akkost ta’ kollox. Mhux ser niddejqu xejn nigġieldu biex inrattbu r-ras taż-żonqor li anke f’dawn l-oqsma jidher li qed tgħolli rasha.

Robert Cutajar hu l-kelliem tal-PN għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook