Ittri Il-punt Blogs

Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet

Justyne Caruana / 8 ta' Mejju 2015 13:25
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ ġnien botaniku f’San Vinċenz de Paul
Din il-ġimgħa, fid-29 ta’ April, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva fakkar il-Jum Ewropew għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet. Din l-okkazzjoni sservi biex jinħoloq għarfien tal-effett tal-anzjanità tal-popolazzjoni fuq ir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet. Taħt it-tmexxija tiegħi, s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva huwa sod fit-twemmin tiegħu li s-solidarjetà u kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet hi meħtiega biex tkun stabbilita ‘soċjetà għall-ġenerazzjonijiet kollha’. 

Programmi li jippromwovu solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet jikkostitwixxu inizjattivi li jżidu interazzjoni u kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, u li jinvolvu l-iskambju ta’ snajja’, għarfien u esperjenza. Kemm meta jkunu qed jinħadmu programmi ġodda f’dan is-settur jew meta ssir reviżjoni ta’ programmi eżistenti, jibqa’ importanti li nenfasizzaw fuq il-kwalità tal-ħajja u nevalwaw l-effett tal-politika soċjali fuq kull ġenerazzjoni, u li ninkoraġġixxu l-ħila ta’ kull ġenerazzjoni li twettaq rwol pożittiv lejn ħajja tajba u kwalittattiva tal-membri kemm ikbar kif wkoll dawk iżgħar fl-età.

Il-promozzjoni ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tista’ ssir permezz ta’ mezzi differenti. Triq li hi partikolarment promettenti hi dik tat-tagħlim. Tagħlim bejn il-ġenerazzjonijiet jirreferi għal attivitajiet li jiġġeneraw benefiċċji differenti minn dawk li joħorġu minn attivitajiet bejn ġenerazzjoni waħda. Dawn l-attivitajiet jwasslu għal ħafna benefiċċji soċjali u psikoloġiċi. Dawn jinkludu li persuna ta’ età differenti jkun aċċettat b’mod naturali, u dan iwassal biex il-ġenerazzjonijiet differenti iktar jifhmu lil xulxin, u jwassal ukoll biex ikun hemm tnaqqis f’imġieba anti-soċjali.

 Livelli ogħla ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet jwasslu sabiex Malta tkun verament “soċjetà għal kull età” - soċjetà li jkollha politika soċjali li taqdi l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta’ kulħadd, biex b’hekk tkun miftuħa għall-benefiċċju ta’ kemm dawk iżgħar kif wkoll dak ikbar fl-età. Soċjetà għal kull età tgħin biex ġenerazzjonijiet differenti jinvestu f’xulxin u jaqsmu flimkien il-frott ta’ dan l-investiment. Din tkun soċjetà li żżomm kontinwament quddiem għajnejha r-rispett, l-ugwaljanza, l-indipendenza, l-parteċipazzjoni, l-kura, r-realizzazzjoni tal-persuna, u d-dinjità ta’ kull ċittadin Malti u Ghawdxin.

Il-prijorità tiegħi, b’kuntrarju għal li kien jiġri waqt gvernijiet fil-passat, hi li nasal mill-kliem sabiħ għall-fatti. Jien dejjem sħaqt li politika soċjali miktuba m’għandha l-ebda sens jekk ma tkunx implimentata. Waqt li fil-passat kellna gvernijiet li kienu jibrillaw fl-orazzjoni, l-għan ewlieni tal-gvern preżenti huwa li jimplimenta il-manifest elettorali. Fil-fatt, fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew dwar is-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, jien ma kontx kuntenta li nwassal biss kliem sabiħ iżda fassalt ħidma siewja sabiex verament nwasslu għal iżjed għaqda bejn il-ġenerazzjonjiet. Dan għamilnieh permezz ta’ żewg miżuri nnovattivi.

L-ewwelnett ġiet organizzata attività f’San Vinċenz de Paul li għaliha pparteċipaw tfal minn diversi skejjel, fejn waqt din l-attività ġie inawgurat ġnien botaniku li fih hemm pjanti u siġar indiġeni. Flimkien ma’ tifla li tattendi skola primarja u anzjana residenti fl-istess dar, jien ħawwilt siġra tal-Għargħar f’dan il-ġnien. Dan il-proġett huwa importanti ħafna peress li ġab flimkien diversi persuni, u li bis-saħħa tagħhom dan il-proġett seta’ jseħħ. Hawn ta’ min jirringrazzja b’mod partikolari lill-konsulent Brian Farrugia li ressaqli din il-ħolma tiegħu u li jien appoġġajt u sostnejt bis-sħiħ, lill-ħaddiema ta’ San Vinċenz tax-xogħol kollu li għamlu, lill-EkoSkola u Nature Trust, lill-Ministri Evarist Bartolo u Leo Brincat tal-għajnuna u lil Ira Losco li hija l-Ambaxxatrici tal-Iżvilupp Sostenibbli li wkoll appoġġjat dan il-proġett. Inħeġġeg għalhekk lill-pubbliku  inġenerali biex iżur dan il-ġnien għaliex għalkemm qiegħed ġewwa San Vinċenz dan huwa l-ġnien ta’ kulħadd.

Dan huwa ġnien li se jikkumplimenta proċess ta’ rinovar li għaddej  kontinwament ġos-swali tar-Residenza San Vincenz de Paul u dan għax b’mod  partikolari ġewwa San Vinċenz de Paul li hija l-ikbar residenza tal-Gvern u tilqa’ 1,200 anzjan u anzjana qed nenfasizzaw mhux biss fuq l-għoti tas-servizzi, imma fuq il-livell tas-servizz u l-kwalità tal-ħajja li r-residenti jgħixu fir-residenzi tagħna. Dan huwa wkoll tappa importanti fil-proċess tar-rebranding li qed nagħmlu għal San Vinċenz.

It-tieni inizjattiva tinvolvi t-tlestija ta’ xogħol ta’ rinnovar li sar f’St. Joseph 1 f’San Vincenz de Paul. Dan sar mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz stess, biex joħolqu ambjent aħjar għar-residenti f’din ir-residenza. Ftit ta’ ġimgħat ilu tlesta wkoll ir-rinnovar ta’ St Joseph 3, li mhux talli sar fi żmien rekord, imma ttejbu l-faċilitajiet sanitarji biex ir-residenti jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. B’hekk, sa mill-bidu tal-legiżlatura tlestew mhux inqas minn tlett swali f’San Vinċenz, waqt li bħalissa għaddej xogħol biex ikun hemm wkoll rinnovar estensiv fil-kumpless Rużar Briffa. Din is-sena se jkunu lesti wkoll s-swali St. Francis 3 u St. Francis 4 u x xogħol għaddej ġmielu.

Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva huwa kommess li jappoġġja il-kunċetti tal-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet b’ħafna modi differenti, u nwiegħdkom li nintensifika l-isforzi tiegħi f’għadd ta’ oqsma sabiex intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi. Dan ifisser wkoll li se jkollna naffaċċjaw u nindirizzaw firxa wiesgħa ta’ sfidi kemm fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Dan għaliex l-għan aħħari li nbiddlu lil Malta f’age friendly society jeħtieġ li nbiddlu l-attitudni tagħna lejn xi jfisser li tkun ixjaħ, billi nżidu l-apprezzament tagħna għall-appoġġ u l-esperjenza li l-anzjani jistgħu u qegħdin joffru fl-oqsma kollha tal-ħajja. Li jkollna soċjetà ta’ kull età tfisser li għandu jiġi offrut appoġġ aħjar lill-anzjani li jkollhom bżonnu, sabiex b’hekk, problem tas-saħħa ma jwasslux awtomatikament għall-esklużjoni u għad-dipendenza eċċessiva fuq l-għajnuna tal-oħrajn. 

Din hija aġenda vasta li l-livelli kollha tal-gvern, in-negozji, it-trade unions u s-soċjetà ċivili għandhom jikkontribwixxu għaliha. Ma rridux ninsew li Malta ffirmat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li tkopri l-awtonomija individwali, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fis-soċjetà, l-ugwaljanza fl-opportunitajiet u l-aċċessibilità. Dawn huma wkoll l-kwistjonijiet ewlenin għall-livelli ogħla ta’ anzjanità attiva. Jien konvinta li l-inizjattivi li nedejna din il-ġimgħa se jgħinu sabiex isaħħu d-determinazzjoni li naħdmu flimkien fil-livell nazzjonali u jispira aktar sforzi ddeterminati għall-promozzjoni tal-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet sabiex b’hekk jiġi żgurat li Malta u Għawdex jkomplu javvanzaw f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ kwalità ta’ ħajja tajba u b’saħħitha għall-anzjani tal-lum u dawk ta’ għada.

Justyne Caruana hi s-Segretarju Parlamentari  għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva

Dr Justyne Caruana hija s-Segretarja Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook