Ittri Il-punt Blogs

Inċertezza jew injezzjoni?

Meta tara l-UE tindaħal fi ħwejjeġ li jkunu ta’ ġid għan-nazzjon li jwettaqhom, bilfors tħossok tisbel

Charles Flores / 14 ta' Novembru 2014 12:52
Jekk l-UE trid tibqa’ rilevanti trid tagħraf tifhem inkella se jikbru d-dubji
Li taċċetta deċiżjoni mittieħda fi proċess demokratiku bħal referendum nazzjonali u/jew elezzjoni ġenerali ma jfissirx li inti tkun taqbel magħha għal dejjem ta’ dejjem amen. Dan jgħodd għal kull kwistjoni li tinqala’ minn żmien għal żmien fil-pajjiż. L-importanti jibqa’ l-fatt li dak li tiddeċiedi l-maġġoranza jrid jibqa’ jkun rispettat kif kienu u għadhom rispettati deċiżjonijiet bħal dawk tad-divorzju, s-sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess bid-dritt li jħobbu lil min iridu u mhux lil min tiddettalhom is-soċjetà.

Isiru kemm isiru referenda u elezzjonijiet, min jaħsibha differenti se jibqa’ jaħsibha differenti. Nieħu l-kwistjoni tal-Unjoni Ewropea. Personalment, kont ivvutajt le mhux għax ma kontx inħossni Ewropew jew għax kien qalli nagħmel hekk Alfred Sant, iżda għax kont beżgħan li b’ekonomija żgħira daqs nitfa bħal tagħna ma kinitx, u forsi għadha ma tagħmilx, sens li timbela’ mill-urugan ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. L-Ingliżi kienu wara kollox diġà rraġunaw hekk meta ħallew barra ċ-Channel Islands meta ssieħbu f’dak li kien għadu s-Suq Komuni, issa ħalliha li donnhom aktar ħerqana li jerġgħu jinqatgħu kollha kemm huma minn Brussell. Imma dik storj’oħra

Għalija huwa ta’ faxxinu u kurżità kif l-UE tibqa’ dejj em mehdija fiha nnifisha, dejjem tistaqsi, dejjem tagħmel l-eżamijiet fuqha nnifisha u dejjem tiddubita. F’dawn l-aħħar snin speċjalment, qajla tista’ tagħtiha tort. Tant kien hawn u għad hawn problemi ekonomiċi u finanzjarji mal-Ewropa kollha, li n-nies bdiet tħossha diżilluża u l-viżjoni oriġinali ta’ Ewropa magħquda u f’saħħitha bdiet tnin u reġgħu nibtu b’qawwa l-ilsna tan-nar nazzjonalistiċi u ġingoistiċi.

Din li ta’ kull darba jridu jiġu u jistaqsu kemm hu l-perċentwal ta’ ċittadini, inklużi aħna l-Maltin, naturalment, kuntenti bis-sħubija fl-UE tnissel fija tbissima ta’ kull darba. X’inhi, inċertezza meta l-perċentwal jinżel jew injezzjoni meta l-perċentwal jitla’ xi ftit? Moħħhom fil-barometru aktar milli kif se jaraw il-klassi tal-ħaddiema terġa’ tieħu n-nifs u jispiċċaw l-ideat ta’ awsterità faħxija meta l-flus mit-taxxi taċ-ċittadini jkunu qegħdin jiġu ppumpjati fil-vini ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji li wara kollox wasslu għall-kriżi minħabba l-guffaġni u l-ħniżrijiet tal-uffiċjali għoljin tagħhom.

Imbagħad meta tara l-UE tindaħal fi ħwejjeġ li jkunu ta’ ġid għan-nazzjon li jwettaqhom, bilfors tħossok tisbel. Ninsew ftit il-kaċċa u ċ-ċittadinanza fil-każ ta’ Malta, dan l-aħħar sirna nafu li l-Kummissjoni Ewropea qed titlob spjegazzjoni mill-Ungerija talli din qabdet u għaddiet liġi li permezz tagħha se jkun qed jinbena pajplajn tal-gass li jibda mir-Russja u jgħaddi għan-nofsinhar tal-pajjiż bl-eventwalità li tinħoloq alternattiva għar-rotta tal-gass mimlija problemi bħalissa minħabba li tgħaddi mill-Ukrajna. Hemm xi ħaġa iktar loġika minn din? Imma le, l-Ungeriżi ma talbux il-permess lill-UE qabel għamluha. Ħeqq, l-UE tagħmel dak li tgħidilha l-Amerika u r-Russi jridu jibqgħu dak li dejjem kienu....għedewwa maħlufin!

L-Ungeriżi ma tantx huma ħelwin meta jiġu għall-orgolju nazzjonali tagħhom u din il-biċċa aktar se tnaffarhom milli tbeżżagħhom. Wara kollox il-liġi għaddiet b’132 vot kontra 35 fil-Parlament ta’ Budapest, għaldaqstant għandhom il-konvinzjoni ta’ appoġġ sħiħ miċ-ċittadini...Ungeriżi daqs kemm huma Ewropej. Il-Bulgari u l-Awstrijaċi, li minn arthom irid jgħaddi wkoll dan il-pipeline ġdid, għadhom qegħdin jittitubaw, imma ma qalux le.

Il-punt tiegħi x’inhu? Hu li jekk l-UE tassew trid tibqa’ rilevanti fil-psike tad-diversi ġnus li ssieħbu fiha trid tagħraf tifhem li jew se tgħolli rasha u turi li hi konvinta minnha nnifisha, inkella d-dubji se joktru u l-inċertezzi se jikbru. Qed ngħidha jien, ġurnalist/osservatur minn toqba ta’ pajjiż membru, aħseb u ara x’jistgħu jgħidu korrispondenti influwenti fost ġnus akbar li bdew jiddejqu. 

Ma jiswew xejn is-sondaġġi varjanti u l-istħarriġ kważi ossessiv meta mqabbla ma’ realtajiet politiċi u ekonomiċi li jixprunaw is-soċjetà. Lanqas m’għandhom effett fuq il-miljuni ta’ familji li qabel kull ħolma jew viżjoni jiġu l-interessi tagħhom bħala ħaddiema, bħala ċittadini bi drittijiet u responsabbiltajiet, bħala membri ta’ nazzjon ħieles u sovran u bħala komunitajiet li jridu jikbru u jgħixu f’armonija ma’ xulxin.

B’daqshekk allura jien kontra l-Ewropa jew m’iniex Ewropew? Żgur li le. Kontra l-Unjoni Ewropea u sħubija fiha? Le, darba kien hemm deċiżjoni demokratika dwarha. Saħansitra miż-żmien li kont il-korrispondent f’Malta ta’ The European, ġurnal internazzjonali li kien kollox barra kontra l-UE, għamilt ċari ħsibijieti dwar l-Istati Uniti tal-Ewropa, l-idea federalista li xorta waħda tħalli spazju NDAQS għall-interessi u l-aspirazzjonijiet nazzjonali tal-pajjiżi u stati membri, kemm jekk huma kbar kif ukoll jekk huma żgħar daqs tiċpisa ta’ dubbiena fuq il-mappa.

Għadna ferm ’il bogħod minn hekk, anzi hawn min isejħilha idea utopista.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook