Illejla għall-Imġarr?

Nemmen li kieku l-Imġarrin jistgħu, jmorru l-Iraq jiddefendu l-insara li qegħdin jinqatlu u jinħaqru

“Għalhekk l-Imġarrin tal-affari tagħhom jifhmu li l-Imġarr irid jibqa’ safi, post ta’ mistrieħ u twemmin li jingħoġob mill-barrani u mill-fin”
“Għalhekk l-Imġarrin tal-affari tagħhom jifhmu li l-Imġarr irid jibqa’ safi, post ta’ mistrieħ u twemmin li jingħoġob mill-barrani u mill-fin”

Kull min hu tal-affari tiegħu u għandu tikka melħ f’moħħu jfittex imkejjen tal-mistrieħ għax hemm jaf li moħħu joqgħod hemm jistrieħ u jimraħ u jkun qrib il-Ħallieq u l-ħlejjaq tiegħu. F’Malta, l-Imġarr, raħal il-frawli, minn dejjem kellu din ix-xeħta u nies ta’ ċertu kobor intelletwali u kalibru dejjem fittxewh.

Qassisin u kappillani li nxteħtu l-Imġarr ħassewhom ixxurtjati jgħixu qrib in-natura qalb il-bdiewa u f’parroċċa mħeġġa għall-għajxien nisrani. Il-kappillan kien jgħid “għall-erwieħ m’għandix inkwiet għax qed ngħix f’parti mill-ġenna.” Kien għalhekk li kienet qatgħa, ħasda, daqqa, theżżiża u tregħida meta qalb il-parruċċani tal-Imġarr seħħet din il-mewġa ta’ tisfija tal-ambjent. 

Tassew għandhom rabta l-Imġarrin ta’ Malta ma’ Alla? Iħossuhom qrib it-twemmin nisrani dawn il-bdiewa u oħrajn li ħadmu fl-għalqa u fittxew l-ambjent tal-Mulej fil-Knisja? Is-snin passati kif ukoll qassisin li ħadmu hemm jixhdu għal dan. Din l-imħabba tidher u tinħass fis-simboli, tifsira ta’ mħabba li għandhom l-Imġarrin għall-għaqda mal-Knisja u ma’ Alla.

Għalhekk l-insara Imġarrin tal-galbu mill-ħaqq imqanqlin ħarġu b’devozzjoni dawk l-erba’ ġabriet ta’ mħabba li juru lil Ġesu mgħobbi bis-salib, Marija qalbha maqsuma żżomm ġisem binha mejjet, Ġesu minxur fuq l-għuda u taħtu ommu u d-dixxiplu li kien iħobb u Kristu mejjet f’urna mżejna b’erba’ anġli jibku u fissru t-twemmin tagħhom b’dil-mixja u l-ilbies.

Inħasset stramba l-idea li bniedem, sejjaħlu qassis bil-kariga ta’ tmexxija, jintbagħat biex inixxef u jsodd din in-nixxiegħa ta’ mħabba fost l-Imġarrin. Kien għalhekk li l-Imġarrin ħassew li kellhom jibqgħu għaddejjin. Kieku ġie xi barrani ma jemminx jew li taparsi jemmen xorta kienu jfissru bil-qawwa u għożża t-twemmin tagħhom. 

Nemmen li kieku l-Imġarrin jistgħu, jmorru l-Iraq jiddefendu l-insara li qegħdin jinqatlu u jinħaqru. Kieku l-għemil ta’ ċensura sar minn xi ħadd bla qalb kien jidher il-kruha tiegħu imma meta jsir minn ġewwa u donnu għandu l-barka ta’ fuq, ikun min ikun la l-ħaġa m’għadhiex tfuħ, allura kollox kien jibqa’ għaddej. Imma l-Imġarrin li jħossu fin għax l-imħabba tagħhom hi nadifa, għax m’għandhomx mutetti, għax għandhom l-imgħażqa f’idejhom u l-kruxxun, għax jafu x’inhi l-verità u jirrispettaw il-ħolqien bhejjem u mhumiex, dan riedu jfissruh b’mod pubbliku.

Għalhekk l-Imġarrin tal-affari tagħhom jifhmu li l-Imġarr irid jibqa’ safi, post ta’ mistrieħ u twemmin li jingħoġob mill-barrani u mill-fin. Lesti li jagħmlu minn kollox biex it-twemmin tagħhom jibqa’ sħiħ u jgħadduh lill-uliedhom bla mittiefes.

Il-bniedem fl-ajru ma jimxix. Irid il-puġġaman, il-knejjes tal-ġebel, il-purċissjonijiet, il-briju, is-santi, l-innijiet, il-ħidma li tgħin biex tgħaqqad il-poplu. Meta theddida anke meta tiġi minn ġewwa trid tagħraf tiqfilha għax jew tbati int jew ibatu ta’ madwarek jew ibatu il-mexxejja b’xi deċiżjoni jew ibatu t-tlieta f’daqqa. U min imur minn taħt? Il-Knisja li hu int, jien, intom u aħna flimkien. Kemm-il darba kont imdejjaq għax ħbiebek m’għarfukx, qrabatek m’għenukx u għax kienet il-Ġimgħa Mqaddsa xrift minn ġot-tieqa u rajt l-istatwa tad-Duluri għaddejja bin-nies warajha jnisslu r-rużarju u qabżitlek demgħa? Għalkemm kont ilek snin ma tmur il-knisja u kont tiddieħaq f’qalbek waħdek u mal-klikka b’dan-nies rashom marbuta, sibt wara kollox li huma ħielsa għax l-uġigħ tagħhom qed ifissruh fil-beraħ wara Marija qalbha maqsuma. U int li mingħalik ħieles għandek ktajjen ta’ dwejjaq, qrusa u nkwiet. 

Jalla nies bħall-Imġarrin li jgħixu f’roqgħa tad-divin ikomplu fi triqithom lejn Alla bil-ħeġġa u l-ħerqa ta’ nsara ta’ galbu. L-Imġarrin urew li huma nies li jemmnu meta għamlu dak li għamlu dawn l-aħħar ġimgħat. Ir-rewwixta tagħhom għandha l-għeruq fi twemmin missirijietna li sa minn żmien Ħaġar Qim u l-Ġgantija twemminhom iridu juruh bid-dieher. Għalihom reliġjon nisranija privata ma teżistix għax hija l-għażla tal-kodard. Baqa’ rokna fl-Ewropa li ċaħdet lil Alla li trid tibqa’ tperreċ bla mistħija x-xbihat ta’ Kristu u ommu fit-toroq ta’ din l-art ħelwa li monsinjur f’ismu jew f’isem Alla bagħat ħaruf tas-sagrifiċċju/miskin biex jeqred. Ix-xokk kien kbir għax Dun Manwel Camilleri mhux il-mażun tal-fardal bagħtu fl-Imġarr ta’ Malta imma ta’ madwar il-Monsinjur twajjeb tal-mitra. Jalla l-insara fl-Iraq li qed ibatu u jinħaqru jsibu id ta’ twemmin li toħroġ għalihom, li taqbeż għalihom biex twemminhom jibqa’ jitfisser fil-kotra mingħajr ma jaqilgħu ġo ġisimhom u ġo rashom il-balal tal-mibgħeda. 

Illejla mmorru l-Imġarr?

More in Il-punt