Ittri Il-punt Blogs

opinjoni | Soho

'Dak li qal Adrian Delia fl-intrata tad-Dar Ċentrali, li l-għedewwa huma dawk t’hemm barra, huwa l-oppost ta’ dak li verament ried jgħid, għax l-għedewwa tiegħu huma dawk li jgħixu taħt dak is-saqaf f’nofs tal-Pietà'

Immanuel Mifsud / 7 ta' Settembru 2017 17:04
Bl-iżviluppi politiċi riċenti f’Malta tibda taħseb li m’għadx hawn gvern imma oppożizzjoni biss. Veru li għadu s-sajf, u s-soltu fis-sajf anki l-politika tieħu vaganza, imma bit-taqlib li sab ruħu fih il-Partit Nazzjonalista ħadd mhu jara x’inhu jiġri fuq in-naħa l-oħra.

Qed nikteb dan l-artiklu ftit wara t-tieni dibattitu televiżiv bejn l-erba’ kontendenti għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Bejn l-ewwel u t-tieni dibattitu ftit li xejn inbidel il-kliem li ngħad minnhom. Iżda s-sitwazzjoni kemm wara l-kwinti kif ukoll fuq il-palk inbidlet mhux ħażin. Bażikament, jekk qatt xi ħadd kellu xi dubju, intwera li l-politika mhi xejn għajr ġlieda għall-poter li tiħrax l-aktar mhux meta tissara mal-avversarju iżda meta taqta’ bi snienek biex tirbaħ fuq sieħbek stess.

B’dak kollu li qiegħed jiġri f’Tal-Pietà bħalissa – jew ħalli ngħidu, b’dak kollu li ħiereġ minn Tal-Pietà – ma nistax ma niftakarx fid-dramm ta’ Alfred Sant, “Qabel Tiftaħ l-Inkjesta” li kien itella’ għall-ewwel u l-aħħar darba fit-Teatru Manoel lejn nofs is-snin disgħin. L-istorja tad-dramm, fil-qosor, hija dwar partit li jinsab fil-gvern li, iżda, għaddej minn kriżi kbira interna minħabba żewġ fazzjonijiet li qegħdin itertqu l-partit u jressquh lejn punt li l-qasma tidher inevitabbli. Tul id-dramm wieħed jara kemm il-politika, kif murija minn Sant, mhi xejn għajr manifestazzjoni ta’ ambizzjoni purament personali, imlibbsa b’ħafna kliem sabiħ bħal, ngħidu aħna, il-“ġid komuni”, “is-servizz lill-poplu”, “l-impenn soċjali” u frażijiet bħal dawn li joħorġu minn fomm il-politiċi bħall-fniek bojod tal-bużulottisti.

"Fost dawk li kienu jaħarqu l-inċens għal isimha (DCG) dawru d-diska fuq in-naħa l-oħra u qegħdin jgħajruha b’kull forma ta’ ħaġa. Anzi, biex l-ironija tkun iktar kattiva, qegħdin jużaw l-istess metafori użati mill-partitarji Laburisti"
Immanuel Mifsud
Ħalli ma ninsewx li Alfred Sant kien president ta’ partit, kap u kap tal-oppożizzjoni, prim ministru u mill-ġdid kap tal-oppożizzjoni. Lanqas ma rridu ninsew li l-elezzjoni tiegħu bħala kap tal-partit kellha storja warajha b’allegazzjonijiet u mini-saga magħhom. U, fuq kollox, lanqas ma rridu ninsew li l-gvern tiegħu twaqqa’ minn wieħed minn ta’ ġewwa, anzi ġgant minn ta’ ġewwa li Sant innifsu, fil-pjazza ta’ Bormla, kien sejjaħlu ‘traditur’.

Li rrid ngħid huwa li Alfred Sant jaf il-politika mhux mit-televixin, mill-gazzetti jew mill-Facebook, imma mill-ħjatat u l-kefef tagħha. Jaf l-inforra. U allura “Qabel Tiftaħ l-Inkjesta” iberraħ mingħajr ma jikxef intriċċi li huwa bilfors li rahom iseħħu quddiemu u xi drabi kien ukoll il-protagonist tagħhom.

Wieħed mill-morali tad-dramm huwa appuntu dan: mhuwiex l-avversarju l-akbar għadu tiegħek imma l-kollega li fl-elezzjoni jikkontesta fl-istess lista u bl-istess arma tiegħek. F’dan is-sens, dak li qal Adrian Delia fl-intrata tad-Dar Ċentrali, li l-għedewwa huma dawk t’hemm barra, huwa l-oppost ta’ dak li verament ried jgħid, għax l-għedewwa tiegħu huma dawk li jgħixu taħt dak is-saqaf f’nofs tal-Pietà.

Jekk xejn, is-saga kollha li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista bħalissa tfakkarna li hemm differenza kbira mhux ħażin bejn ‘ħabib’ u ‘kollega’. Il-ħbiberija hija relazzjoni fraġli ħafna, li faċli tixxaqqaq u tinkiser. Ħalli nieħdu pereżempju x’qiegħed jiġri fost il-partitarji Nazzjonalisti. Meta fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni Daphne Caruana Galizia bdiet itella’ bloggata wara l-oħra dwar l-iskandlu tal-Panama Papers u saħansitra saħqet li l-kont imsejjaħ Egrant kien mart il-Prim Ministru, ħafna Nazzjonalisti bdew iħarsu lejha bħala salvatriċi ta’ Malta (mhux biss tal-Partit tagħhom) u bdew jinċensawha u jesprimu l-gratitudni tagħhom lilha għax kienet qiegħda ‘tikxef l-għawar’ tal-Labour. Issa li Caruana Galizia fetħet in-nar fuq wieħed minn ta’ ġewwa (għalkemm dan attwalment ġej minn barra) fost dawk li kienu jaħarqu l-inċens għal isimha dawru d-diska fuq in-naħa l-oħra u qegħdin jgħajruha b’kull forma ta’ ħaġa. Anzi, biex l-ironija tkun iktar kattiva, qegħdin jużaw l-istess metafori użati mill-partitarji Laburisti (li issa qegħdin jogħrku jdejhom bil-pjaċir). L-istorja attwali tal-Partit Nazzjonalista turina kemm huwa faċli li filli tbus u filli tigdem.

"Meta fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni Daphne Caruana Galizia bdiet itella’ bloggata wara l-oħra dwar l-iskandlu tal-Panama Papers u saħansitra saħqet li l-kont imsejjaħ Egrant kien mart il-Prim Ministru, ħafna Nazzjonalisti bdew iħarsu lejha bħala salvatriċi ta’ Malta"
Immanuel Mifsud
Iżda mit-tagħjir kollu li qrajt, l-aktar li intrigani kien dak kontra żewġ nisa: appuntu Caruana Galizia u d-deputat Nazzjonalista Kristy Debono. Lil Galizia għajruha “the witch of Mġarr”, u “kemm hi kerha Madonna”. Dwar Debono nkitbu kummenti tat-tip li “fiha daqqa” u li postha bilqiegħda fuq banketta taħt id-dawl aħmar f’xi toqba f’Soho, dak il-qasam f’Londra li, ħalli ngħiduha, ma tantx jagħmel ġieħ lil din l-art ħelwa. L-istess Caruana Galizia, li, f’diversi bloggati tagħha, ġustament, tikkritika l-maskiliżmu u l-mod kif in-nisa għadhom jiġu użati, tellgħet sensiela ta’ ritratti preżumilment mill-kont tal-facebook tad-deputata Nazzjonalista, li fihom tidher tippoża waqt il-vaganzi u okkażjonijiet oħrajn, bi lbiesi qosra; mingħajr kummenti xejn iżda l-qarrejja ħadu l-messaġġ u ntefgħu jikkummentaw fuq suret Debono.

Għax ovvjament, minkejja kemm għandna liberali madwarna, malli fil-mira nsibu mara, allura l-vleġeġ li nisparawlha jridu jkunu dwar ġisimha, dwar il-ħajja sesswali tagħha, dwar hijiex liebsa ‘diċenti’, dwar kemm hi jew mhijiex provokanti, u d-diskors kollu maħluq li jirrendi l-mara f’oġġett gustuż li tħares lejh u tapprezzah.

Immanuel Mifsud twieled f'Malta fl-1967. Beda jikteb il-poeżija u l-proża meta kellu 16-il sena u beda jaħdem ukoll ma' gruppi teatrali esperimentali. Kien jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu stess u iktar tard xogħlijiet ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet, Harold Pinter u Alfred Buttigieg. Diversi xogħlijiet ta' Immanuel Mifsud kienu tradotti u ppubblikati f'ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Il-proża ta' Mifsud mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-kritiċi Maltin u rebaħ l-unur Maltese Generation-X writer. Il-ġabra ta' stejjer qosra fl-2005 'Kimika' qajmu kontroversja u ntqal li kienu 'letteratura pornografika' u l-pubblikatur oriġinali waqqaf l-istampar ta' dan ix-xogħol. Iżda mbagħad dil-ġabra ġiet ippubblikata iktar tard f'dar tal-pubblikazzjoni oħra. Ironikament 'Kimika' spiċċa fit-tieni post fl-Unuri tal-Ktieb Nazzjonali tal-2005. Immanuel Mifsud jikteb ukoll għat-tfal, u ppubblika ġabra ta' stejjer qosra għat-tfal u ktieb bit-taħniniet. Fl-2002, il-ġabra ta' stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali u fl-2011 Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook