Ittri Il-punt Blogs

Il-mixja ta’ tfulitek

Immanuel Mifsud jikteb dwar il-mixjiet differenti li wieħed iwettaq f'ħajtu... pass wara pass

Immanuel Mifsud / 9 ta' Marzu 2017 17:18
Il-mixi, bħall-ħobż, huwa universali. In-nies kullimkien jimxu: f’ċerti postijiet jimxu aktar minn oħrajn; f’ċerti żminijiet aktar minn fi żminijiet oħra. Iżda l-mixi huwa attività tal-bniedem li ssir kullimkien. Mhux talli hekk, talli anki f’dawk l-inħawi fejn hemm mezzi u servizzi ta’ trasport efiċċjenti ħafna, il-mixi jibqa’ jsir, bejn b’neċessità u bejn b’għażla.

Fil-ktieb tiegħu On Foot: A History of Walking, maħruġ fl-2004, Joseph Amato jfakkarna li l-antenati tagħna waqfu fuq żewġ saqajn u bdew jimxu fuqhom madwar sitt miljun sena ilu. L-istorja tal-mixi tmur lura għal daqstant snin. Kellu jimxi l-bniedem, biex isib l-ikel u s-sostenn tiegħu, biex jistkenn, fuq kollox biex jaqta’ l-kurżitajiet kbar tiegħu u biex jiskopri. U ntebaħ mill-ewwel bl-importanza ta’ din l-attività, tant li beda jużaha mhux biss għall-ħtieġa prattika ta’ tiftix għall-bżonnijiet l-aktar bażiċi, imma anki għal raġunijiet estetiċi u kulturali, u reliġjużi wkoll, pereżempju l-purċissjonijiet li bażikament huma mixja stilizzata f’ritwal u l-pellegrinaġġi.

L-importanza tal-mixja, għall-inqas fil-kultura tagħna, tintwera wkoll meta wieħed jifhem kemm nieħdu l-attività bis-serjetà. Dakinhar li tarbija tibda timxi, il-ġenituri jieħdu r-ruħ u, aktar minn hekk, jifirħu. Dik tkun tappa importanti fl-istorja tal-iżvilupp ta’ bniedem. U, iva, niċċelebraw dan il-mument mhux biss għax juri li t-tarbija qiegħda tiżviluppa kif suppost, imma anki għax il-mixi huwa attività importanti għalina. Mhux għall-ġenituri biss huwa mument importanti dan, imma aktar, ħafna aktar, għal dik it-tarbija. Mhux ta’ b’xejn li t-tfal jitbissmu, anzi jidħqu, meta jibdew jimxu mingħajr l-għajnuna ta’ xi ħadd kbir. Il-mixja tfisser libertà, l-ewwel eżempju ta’ meta wild iħossu indipendenti mill-ġenituri tiegħu, u anki l-ewwel eżempju meta wild jista’ jieħu deċiżjoni waħdu – ’il fejn se jimxi u meta.

Minn dak il-mument, aktarx, tibda l-ġlieda għal-libertà, iżda din il-libertà tant meħtieġa mill-bniedem għandha rivali: il-bżonn tant ieħor importanti tas-sigurtà. Hemm tifla li bdiet miexja waħidha. Timxi kull fejn jgħidilha moħħha. Kull darba li missierha jipprova jżommilha idha tagħmel xenata biex jitlaqhielu. Għax issa hija libera li timxi fejn ġie ġie u waħidha. Imma r-riġlejn u s-saqajn għadhom torja, għadhom ma drawx jagħtu l-passi fuq l-iebes u allura, wara ftit passi, din it-tarbija taqa’ u tweġġa’ u tibki. U mbagħad taċċetta l-għajnuna tal-missier. Imma mhux se ddum wisq: malli l-weġgħa tgħaddi, it-tifla tqum u terġa’ tibda miexja, bl-iskossi u biż-żifna, u terġa’ tirrifjuta l-għajnuna tal-kbar.

Dakinhar li tarbija tagħti l-ewwel passi waħidha, mingħajr l-għajnuna tal-kbar u mingħajr ma żżomm mal-ħajt jew mal-għamara, l-omm iċċempel lil ommha biex tgħidilha li t-tifla “telqet timxi”. Telqet. Ma naħsibx li l-verb “telqet” huwa użat b’mod innoċenti hawn. Naħseb li l-espressjoni “telqet timxi” tikxef diversi ħwejjeġ. L-ewwel nett, anki jekk għall-ġenituri din hija tappa importanti fl-iżvilupp ta’ binthom, minn hawn jibdew jindunaw li t-tarbija tagħhom mhijiex tagħhom. Minn issa ’l quddiem se jkun hemm dan il-proċess li bih it-tarbija tikber u titbiegħed dejjem ftit aktar minn niesha. “Telqet”.

Sfortunatament dan il-mument hekk kruċjali f’ħajjitna ma niftakruhx. Imma żgur li għadna niftakru l-mixja lejn l-iskola, lejn il-pjazza, lejn il-vann tal-iskola. Jew il-mixja mal-ewwel maħbub jew maħbuba, lejn toroq imwarrba jew maġenb il-baħar. Hemm dawn il-mixjiet li l-memorja tagħhom tibqa’ stampata tant ċara f’moħħna.

Fost il-mixjiet li nagħmlu hemm din l-esperjenza sabiħa meta nsibu rwieħna f’pajjiż barrani. Sabiħ li timxi xi mkien ma tafux, speċjalment għal min bħalna jgħix fuq blata u fuq din il-blata kontinwament jaħbat ma’ nies jafhom. Sabiħ tkun barrani, imqar għal ftit. Sabiħ timxi f’toroq li ma tafhomx. Sabiħ timxi.

"Stramba li timxi f’post b’xi torri jew tnejn li taqla’ għonqok biex tħares lejh, jew f’post fejn il-palazzi jinbidlu f’lukandi minn dawk li ftit ikollhom il-mezzi biex jużawhom"
Imbagħad hemm il-mixja li tagħmel meta tmur lura lejn raħal twelidek, meta tmur lura wara ċertu żmien. U timxi u timxi u int u timxi tiftakar fi tfulitek, u ttella’ memorji varji.

Issa, jista’ jiġri li meta tmur timxi f’toroq tfulitek, tispiċċa daqstant ieħor barrani għax il-lokal tiegħek ikun inbidel. Iż-żmien għandu dan l-effett. Imma hemm bidliet u bidliet. Hemm bidliet li huma sempliċiment riżultat taż-żmien, iżda hemm oħrajn li huma aktar drastiċi – dawk li jseħħu minħabba l-fissazzjoni li għandna bil-ġebel, bil-bini. Stramba tkun dik il-mixja f’post suppost familjari li ma tibqax tagħraf. Stramba li timxi f’post b’xi torri jew tnejn li taqla’ għonqok biex tħares lejh, jew f’post fejn il-palazzi jinbidlu f’lukandi minn dawk li ftit ikollhom il-mezzi biex jużawhom.

Taf tkun tassew mixja stramba.

Immanuel Mifsud twieled f'Malta fl-1967. Beda jikteb il-poeżija u l-proża meta kellu 16-il sena u beda jaħdem ukoll ma' gruppi teatrali esperimentali. Kien jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu stess u iktar tard xogħlijiet ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet, Harold Pinter u Alfred Buttigieg. Diversi xogħlijiet ta' Immanuel Mifsud kienu tradotti u ppubblikati f'ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Il-proża ta' Mifsud mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-kritiċi Maltin u rebaħ l-unur Maltese Generation-X writer. Il-ġabra ta' stejjer qosra fl-2005 'Kimika' qajmu kontroversja u ntqal li kienu 'letteratura pornografika' u l-pubblikatur oriġinali waqqaf l-istampar ta' dan ix-xogħol. Iżda mbagħad dil-ġabra ġiet ippubblikata iktar tard f'dar tal-pubblikazzjoni oħra. Ironikament 'Kimika' spiċċa fit-tieni post fl-Unuri tal-Ktieb Nazzjonali tal-2005. Immanuel Mifsud jikteb ukoll għat-tfal, u ppubblika ġabra ta' stejjer qosra għat-tfal u ktieb bit-taħniniet. Fl-2002, il-ġabra ta' stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali u fl-2011 Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook