Pyrostars: kanzunetti b’kalejdoskopju ta’ kuluri

L-ILLUM titkellem ma’ persuna minn għaqda tan-nar li torganizza wieħed mill-iprem spettakli piromużikali annwali f’Malta, li jispjega x’inhi l- piroteknika mużikali, il-proċess wara l-kwinti, u l-imħabba lejn in-nar 

Il-Pyrostars huwa wieħed mill-ispettakli ewlenin li jsir f’Malta, fejn tidħol il-piroteknika mużikali. Dan l-ispettakklu jittella’ darba dis-sena, fl-ewwel Sibt ta’ Lulju, mill- Għaqda Mużikali Sant’Andrija f’Ħal Luqa. 

L-ILLUM tkellmet ma’ Andrei Zammit, dilettant ta’ 45 sena, li ilu jaħdem in-nar ma’ din l-għaqda għal dawn l-aħħar 13-il sena.  

Hu spjega kif l-ewwel edizzjoni ta’ Pyrostars saret lura fis-sena 2014, b’dik ta’ din is-sena tkun id-disa’ edizzjoni tal-ispettaklu. L-idea nibdet fejn f’irħula oħra bdew isiru dawn l-ispettakli ta’ nar tradizzjonali sinkronizzat mal-mużika. “Dan kien kunċett ġdid għal Malta. Konna mdorrijin b’murtali tradizzjonali, nar tal-art mekkaniżżat. Barra, bdiet din l-idea fejn ikollok nar sinkronizzat mal-mużika, li ġiet addottat f’ċertu rħula Maltin. Minn hawnhekk, bosta rħula oħra tħajjru u bdew itellgħu spettakli simili,” kompla jispjega. “Bdejna b’affarijiet żgħar u komplejna nkabbru.” 

Żied ukoll kif hemm differenza artistika fuq kif jinħadem. F’dak tradizzjonali, wieħed għandu kanvas vojt fejn jista’ jpitter l-arti tiegħu; il-kuluri, il-ħsejjes, id-dimensjoni – ħafna elementi li jibnu l-idea tal-artist. Minn naħa l-oħra, fejn jidħol in-nar sinkronizzat, tkun il-mużika li tifrixlek il-kanvas, fejn l-artist irid joħloq nar li bih jiżżewwqu l-elementi tal-mużika stess, skont ir-ritmu. 

Għal Zammit, il-mużika klassika hija l-aktar addattata għal dawn it-tip ta’ spettakli. Madankollu, xorta waħda jiprovaw jinkorporaw tipi ta’ mużika differenti, sabiex jappellaw lil kulħadd.  

Fis-sena 2017, sar wieħed mill-aktar spettakli ambizzjużi li għamel il-grupp. Dan meta l-ispettaklu inkluda struttura ta’ 38 metru, b’ċirklu b’dijametru ta’ 21 metru mqabbad miegħu, li serva bħala parti mill-pjattaforma minn fuq liema saret il-ħarqa ta’ dik is-sena. 

Wara li tintgħażel il-mużika, isir site plan, li jiddettalja l-post minn fejn se jsir il-ħruq. Wara, jintuża software speċjali, li bih tkun tista’ tiddisinnja x-xow. Dakinhar tal-ħruq, kollox jitpoġġa skont kif ikun iddiżinjat bil-kompjeter, u dan jinħaraq permezz ta’ sistema kompjuteriżżata. 

“Spettaklu bħal dan jirrikjedi ħafna ħin, prattikament is-sena kollha,” stqarr Zammit. “Il-festa tagħna tiġi f’Lulju. Aħna nimxu bix-xhur. Pereżempju, nimmiraw li sa Novembru jkun lest ix-xogħol tal-porvli. Sa Frar, ikunu lesti l-beraq. Trid tippjana skont iż-żmien, anke sabiex inti dejjem tnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti. Il-proċess huwa simili ta’ dak ta’ fabbrika, fejn hemm diversi stadji biex wieħed jasal mill-prekursuri għall-prodott finali.” 

Stqarr ukoll li biex ittella’ spettaklu ta’ dan ix-xorti hemm bżonn ammont sostanzjali ta’ fondi. “L-akbar sors ta’ dħul huwa l-bejgħ ta’ dawn l-ispettakli lil lokalitajiet oħra. Din il-ġimgħa stess kellna spettaklu ieħor ġewwa x-Xagħra Għawdex. Għalina hija responsabbiltà kbira, għalhiex dawn in-nies jinvestu ammont ta’ flus fik, u jkun hemm kemm ir-reputazzjoni tal-kamra tan-nar tagħna, kif ukoll dik tal-lokalità li tospitana, li rridu nissalvagwardjaw.” 

Tenna li, “Wieħed ma jistax jippreżenta prodott inferjuri. L-ewwel nett, inti trid tkun kburi biex xogħol tiegħek, u allura ma tippermettix lilek innifsek li ma tkunx viċin il-perfezzjoni kemm tista’ f’dak li tagħmel. It-tieni, f’Malta hawn numru sostanzjali ta’ kmamar tan-nar. Jekk il-prodott tiegħek ma jkunx fost l-aqwa, se ssibha diffiċli sabiex issib min lest li jħallas sabiex tmur tagħmel spettaklu fil-lokalità tiegħu. Minbarra l-prodott, is-servizz ovjament irid ikun ta’ kwalità ukoll.” 

Kieku mhux għad-dħul minn dawn l-ispettakli, ikollhom jiddependu aktar fuq donazzjonijiet mingħand in-nies, li għalkemm ikun hemm min lest biex jgħin sabiex iżomm it-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna ħajjin, m’huhiex mod sostennibbli ta’ kif dan isir. 

Il-finanzi huma waħda mill-akbar diffikultajiet li jaffaċċjaw id-dilettanti tan-nar. Skont Zammit, “il-prekursuri għolew bejn 35 u 40% tul dawn l-aħħar xhur. Fost diversi fatturi, il-gwerra fl-Ukranja kellha impatt żgur.” 

Hemm ukoll responsabbiltà kbira. “Il-persuna li jkun qed imexxi l-kamra tan-nar mhux biss irid jassigura li jkollhom il-permessi kollha neċċessarji, iżda huwa responsabbli wkoll għas-sigurtà ta’ kull min ikun preżenti għall-ispettaklu.” 

Stqarr li ġieli jkun hemm affarijiet li jmorru ħażin. “Pereżempju din is-sena, minħabba li kien hemm kemmxejn riħ, qabdu xi nirien f’għelieqi fil-madwar. Dawn huwa affarijiet li jiġru, u għalkemm tieħu prekawzjonijiet, ma tistax tipprevenihom dejjem. Madankollu, importanti li inti tibqa’ attent. Meta jinqala’ xi ħaġa hekk, l-ispettaklu jieqaf għal ftit sakemm tissolva l-problema, u jitkompla wara.” 

Dan apparti r-responsabbiltà ta’ sena sħiħa taħdem f’fabbrika fejn inti litteralment qed taħdmu b’splussiv. Pereżempju, sabiex innaqqsu r-riskji abbinati mad-delizzju, il-fjuwils u l-ossidanti, żewġ tipi ta’ prekursuri li huma perikolużi meta jitħalltu flimkien, jinżammu f’postijiet differenti fil-kamra tan-nar, sabiex ma jkunx hemm kontaminazzjoni.” 

“Hemm element ukoll ta’ maniġjar ta’ persuni; għax inti tkun qed tmexxi tim ta’ ħaddiema,” spjega Zammit. 

Staqsejna lil Zammit x’jimmotivah jibqa’ jaħdem in-nar, meta wieħed iqis il-perikli u d-diffikultajiet li jaffaċċjaw id-dilettanti. “Irid ikollok passjoni għalih,” irrisponda. “Il-passjoni tiġi mill-fatt li meta tikber ġo każin, jew ġo ċertu kultura, mingħajr ma trid ikollok rabta. Aħna, bħala poplu Mediterran, kulħadd irid iħossu bħala parti minn xi ħaġa. Din narawha fil-politika u narawha fil-futbol.” 

“Aħna, li trabbejna f’ċertu rħula u f’ċertu kultura, tħoss din ir-rabta mingħajr ma trid, li tkun trid tkun parti minn dak il-każin u tkun parteċipi fl-attivitajiet tiegħu. L-istess jiġi meta xi ħadd imur lejn l-armar u lejn il-banda. Fortunatament, din hija ħaġa li għada ħajja mhux ħażin f’Malta.” 

Provajna nitkixxfu ftit ukoll x’hemm fil-futur għal din il-kamra tan-nar. B’daħka, Zammit qal li l-pjan b’mod ġenerali huwa li jkomplu jagħmlu dawn it-tip ta’ spettakli, filwaqt li jkomplu jesperimentaw b’ideat ġodda sabiex dejjem ikomplu jżidu mal-kwalità għolja li diġa qed joffru. Madankollu, il-ħolma personali tiegħu hija li jidħlu f’kompetizzjoni barra minn xtutna, sabiex ikollhom l-unur jirrappreżentaw lill-pajjiż, kif ukoll iċ-ċans li forsi jiksbu wkoll unuri. 

More in Festi