Kotba | Il-ġenn ta’ waħdi

Bħal Ġakobb jissielet mal-anġlu, Mark Vella jammira t-testi ta’ Gioele Galea imma jsib limitu għall-apprezzament tagħhom, speċjalment meta t-tiftixa għat-tifsir donnha ssir ossessjoni biex jintlemaħ wiċċ Alla.

Fl-aħħar inlesti ż-żewġ xogħlijiet narrattivi ta’ Gioele Galea, sew biex nikteb dwarhom sew għax kont ili biex naqrahom. Meta boton osservaturi, x’aktarx minn dawk xettiċi dwar dak li joħroġ il-kittieb Malti, jibdew isefsfu fis-salotti l-preġji ta’ awtur, widnejk bilfors iqumu. Kif iqumu għall-premjazzjoni ta’ dawn l-opri li, nibdew billi nistqarru mill-ewwel, għandhom il-preġju immedjat li jesprimu b’ħila liema bħala, u anki b’aċċessibbiltà, argumenti profondi dwar it-tiftixa għat-tfsira tal-eżistenza u r-relazzjoni mal-lil hinn, bl-għarfien tal-flessibbiltà potenzjali tal-ilsien Malti kif ukoll b’ħarsa lejn it-tradizzjonijiet fil-qasam, sew dawk letterarji, speċjalment poetiċi, kif ukoll l-istorja kotrana tal-espressjoni reliġjuża bi lsienna.

Id-diskors dwar is-salotti ma jridx ikun polemiku. Anzi, jieqfu l-widnejn għaliex xogħlijiet bħal ta’ Galea jafu jkunu l-oażi f’xi deżerti letterarji li drabi huma wisq ippopolati jew bi prodott skadenti jew inkella b’espressjoni li tinħass imtaqqla minn ċertu immaturità jew xrufija li m’hemmx li tingħeleb. Tħabbat Xtaqtek u In-Nar għandu Isem(Horizons, 2018 u 2020) huma kotba li minnufih jiskartaw it-tiftixa għall-għoġba jew għall-parteċipazzjoni f’kurrenti popolari, u jmorru dritt fil-qalba tal-kwistjoni li tinteressahom: essenzjalment Alla bħala r-raġuni jew it-tama għal eżistenza x’aktarx ġa rikonoxxuta bħala assurda. Huma wkoll finzjoni ispirata mill-bijografija, li ktibna diversi drabi dwarha, li għal darb’oħra mhux neċessarjament tipparteċipa konxjament mal-fil ta’ xogħlijiet simili. Madankollu, ta’ min isemmi li l-eremitaġġ, li huwa l-ispunt għall-ewwel xogħol kif ukoll il-prinċipju jew is-sies għar-riflessjoni u l-eżistenza għalkollox solitarja tal-ilħna narranti, huwa tassew esperjenza li għexha l-kittieb.

Galea qassis mhux tas-soltu, almenu f’għajnejja. Malti fi lsienu u f’demmu, li madankollu għadda żmien barra, appuntu eremit f’kunvent l-Italja, u dan il-qtugħ kien, litteralment u kif ngħidu fid-diskors ta’ kuljum, mid-dinja. Il-klawżura u l-ħarba kemm jista’ jkun minn kull forma ta’ ingaġġ materjali hija għażla – jekk dubjuża jew siewja jaf diskussjoni oħra – imma hija żgur mument fejn bniedem jiġi wiċċ imb wiċċ miegħu nnifsu huwa u jitgħarwen (wieħed minn fost bosta verbi essenzjali li bihom Galea jfisser l-eremitaġġ spiritwali) sabiex iċedi għall-misteru li qed ifittex li jsolvi iżda fl-istess ħin jaf li mhux se jasal għal ebda ċavetta għalih.

Quddiem il-kotba ta’ Galea, inħoss bosta emozzjonijiet li forsi jbegħduni milli nagħmel ġustizzja lil xogħlijietu. Żgur li xi ħadd bħal Kevin Saliba, li għamel karriera reċensjonijiet fuq dan il-ġurnal qabel ma dħalt jien, kien jogħxa b’xogħlijiet bħal dawn, għaliex għandu l-grammatika – l-għodda neċessarja – biex jistħarreġ dan il-vjaġġ filosofiku u kważi mistiku li jittrattaw dawn iż-żewġ rakkonti. Min-naħa tiegħi, inħossni jekk mhux għalkollox injorant, forsi mhux ippreparat, jew saħansitra mhux interessat. Jew ejja ngħidu sajjem, bħalma jaf ikun il-qarrej medju li jiltaqa’ ma’dawn iż-żewġ kotba. Nimmaġinah kapaċi japprezza l-kitba ta’ Galea, xorta waħda, li jirnexxilha tesprimi b’tant modi, u spiss bi sħubija kumplessa minkejja s-sempliċità tal-kliem u tax-xbihat, it-taqlib spiritwali ta’ min idaħħalha f’rasu li se jiddedika lil ħajtu biex, fl-aħħar mill-aħħar, jittanta jara ’l wiċċ Alla. 

Alla, li anki jekk distillat għal entità astratta, filosofika, li ma tistax tinħafen, huwa Alla Nisrani, jew mill-inqas post-Nisrani, li Galea jipprova jeħilsu mill-mitoloġija Kattolika li tgħabbejna biha minn tfulitna, li x’aktarx dejqet lil Galea stess fil-vjaġġ tiegħu tul is-saċerdozju, u li fuq livell intellettwali, bosta jippruvaw jinżgħuha, bħal San Franġisk li jneħħi kull xedd sabiex jibda l-missjoni ġdida tiegħu. Minkejja dan, Alla diffiċli, li tista’ anki titlewwem miegħu, daqs Kristu msallab jistaqsih għala ħallieh waħdu fl-eqqel waqt. U Alla paradossali, għaliex ma jidher qatt, ma jitkellem qatt – fuq dan ma hemm l-ebda dubju, almenu fuq livell empiriku – imma li l-eremit ta’ dawn il-kitbiet jagħrfu meta ma jagħrfux, iħossu meta ma jinħassx, u jaċċetta li qiegħed hemm minkejja d-dubju insistenti u etern.

Forsi dik hi l-problema tiegħi. Fl-ewwel ktieb, Galea jdaħħal lil sieħbu Mario, tad-demm u l-laħam daqs il-poeta Mario Azzopardi, li wkoll ixxebblek ma’ xbiha wara l-oħra biex jipprova jsib is-sens ta’ Alla (xi alla?), mill-Orjent sal-Punent, u mis-seħer bil-kruċifissjoni u l-kustat imdemmi. Ħin minnhom, Mario jiġi deskritt bħala ateu skont l-atei, anjostiku skont l-anjostiċi, u anti-klerikali għall-Kattoliċi. Stqarrija kważi umoristika u ironika fis-serjetà tad-diskors ta’ Tħabbat Xtaqtek, djarju li jimxi mal-istaġuni sew tan-natura sew tar-ruħ, li però kapaċi tinkwadra aħjar ir-reliġjożità espressa minn Galea. Twemmin li għal darb’oħra jrid jinża’ minn kollox biex tassew jasal biex jesperjenzah dan l-alla li mhuwiex l-għajn li tara kollox magħluqa fi trijanglu mdawwar bix-xemx, imma preżenza li ma tistax tinħafen, ħaġa li tilma u tleħħ eżatt fil-waqt li tkun ġa telqet minn quddiemek.

L-eremit tal-ewwel rumanz, minkejja li maqtugħ mid-dinja, jiltaqa’ man-nies xorta waħda, għax eremitaġġ maqtugħ minn kullimkien fih ix-xogħol, kif ukoll jiġbed lill-kurjużi, mis-sempliċi turistiċi vojeristiċi kurjuża għal-lemħa ta’ din l-għażla estrema, kif ukoll nies b’għatx ieħor, fejn l-eremitaġġ jaf ikun l-aħħar u l-akbar sfida li lesti jidħlu għaliha biex forsi jifhmu tikka oħra, tikka aħjar. Imur kulħadd għandu l-eremit, mill-ateu ddikjarat u rrabjat sa min tilef kull tama u jispera li l-eremita jista’ jurihom dak li kixef u skopra. Imma kulħadd donnu jibqa’ b’xiber imnieħer. Forsi għax wara kollox Alla ma jeżistix, biex ngħiduha bl-aktar mod sempliċi, imma bi skjettezza responsabbli? Forsi għax l-ateu jista’tassew ikun ateu, u neħħa darba għal dejjem ix-xewqa tas-soluzzjoni ta’ misteru li ma jinteressahx? Jew forsi għaliex, minkejja kull emmna li jista’ jkollna, nibqgħu fl-aħħar mill-aħħar ilkoll anjostiċi, ngħixu dejjem b’dak id-dubju rqiq li għandna mnejn qatt ma naslu naraw tassew wiċċ Alla?

Dawn iż-żewġ kotba jinqraw ukoll flimkien, jew bħala s-segwitu mill-ewwel għat-tieni, jew ukoll bħala varjazzjoni fl-istorja tat-tiftixa ta’ Galea u li tista’ tkun ta’ kulħadd. In-Nar għandu Isem ikompli jsus fuq ix-xbihat ewlenin użati spiss minn Galea, l-għatx tal-vojt tar-ruħ u tax-xewqa għal xi forma ta’ divin, u n-nar ifernaq li jindika fl-istess nifs passjoni u ħrara imma anki l-abbissi tal-infern ta’ moħħna. Komuni fiż-żewġ stejjer, imbagħad, hemm l-isem enigmatiku ta’ ċerta Milena, fittiexa daqs il-protagonista, u li trodd xifer ħafif ta’ senswalità li donnha anki żżomm lill-eremit, kif ukoll liż-żagħżugħ inkorlat tat-tieni ktieb, dejjem fuq tarf li ma jinftihemx eżatt iżda li xorta waħda jinħass konkret u veru. Tibqa’, madankollu, ossessjoni li jekk mhux marida, tidher x’aktarx li tinfexx f’paradossi u xbihat waħda wara l-oħra li jistgħu jagħtu sodisfazzjon lil min tassew irid isibu lil Alla, xi alla, iżda li tħalli fejn kien li min iddeċieda li ma jemmen b’xejn. 

U għalhekk, inħossni sempliċistiku, ċarlatan u anki filistin. Imma nibqa’ ma nintmessx, bħalma nagħżel li ma niħux sehem fl-imħatra ta’ Pascal, li jgħidlek li aħjar temmen għax ma tafx xi jkun qed jistenniek wara mewtek. Speċi ta’ assigurazzjoni fuq ruħek. Fl-istess ħin, kapaċi dak li jkun, bħal bosta atei inċerti, wara kollox, jimmeravilja ruħu, u forsi kważi jgħir, għal min kapaċi jemmen, jew saħansitra jissielet biex jemmen. Ta’ min jiġġieled biex jifhem il-vojt ta’ ġo fih, u jtih sura traxxendenti, anki jekk tant qrib il-komodina tal-eremit, jista’ jkun hemm il-qanpiena rqiqa li ssejjaħ għall-ajjut f’din id-dinja, anki jekk tal-pirmli u tal-psikjatri.

Mhux kull tiftixa tfittex lil Alla, imma kull tiftixa għandha valur. U hawnhekk lil Galea apprezzajtu. Iżda hemm tiftixiet, anki fuq il-livell letterarju li suppost qed nittrattaw hawn, li jistgħu jmissu ħafna aktar mal-materjali. Każ minnhom huwa Yoga ta’ Emmanuel Carrére, fejn l-awtur imur irtir li jixbah ħafna l-eremitaġġ, għalkemm temporanju, li jiddeskrivi Galea. Il-kriżi ta’ Carrére tinfirex mal-meded kollha ta’ ħajtu: mill-passat sal-futur, bl-imħabbiet, is-suċċessi u l-fallimenti, il-karriera, in-nisa, il-ħbieb u l-ulied. U anki l-preżent fastidjuż tal-poża tal-yoga li ma tistax tinżamm, daqs id-distrazzjoni antipatika waqt il-lectio divina, jew inkella t-tnaffir għall-fissazzjoni tal-yogisti Ewropej fit-Tajlandja jibqgħu jitgħawġu u jistiraw waqt li lil hinn mis-sigurtà turistika tagħhom, it-tsunami kien qed jixkupa kull m’hemm. 

Forsi hemmhekk nasal niqaflu lix-xogħol ta’ Galea, speċjalment fit-transizzjoni mill-ewwel għat-tieni kittieb, fejn isseħħ ċarament evażjoni kważi inkorlata minn kull ma hu konkret u ħaj, u l-fidwa, x’aktarx anti-erojka u rasha iebsa, jekk isseħħ, hija biss waħda individwali, forsi anki egoista, u msawra skont il-finzjonijiet li kapaċi nibnu f’rasna u ruħna jekk nibqgħu weħidna biżżejjed – jew iżżejjed. 

More in Arti