Jiddokumenta bid-daqqa tal-pinzell dak li seħħ fil-Birgu f'nhar il-Ġimgħa l-Kbira

L-artist Fabio Borg ried li bil-kuluri, d-dellijiet u duwalużmu bejn id-dlam u d-dawl, ifisser l-effett li l-pandemija ħalliet fil-ħajja umana

L-artist Fabio Borg, li huwa wkoll għalliem fil-Kulleġġ Sant’Elija tal-Karmelitani ħoloq pittura u ddokkumenta bid-daqqa tal-pinzell tiegħu dak li seħħ fil-Birgu f’nhar il-Ġimgħa l-Kbira, meta l-Arċipriet, akkumpanjat minn saċerdot wieħed, ħareġ idur bil-kurċifiss mat-toroq vojta tal-Belt Vittoriosa.

Ir-ritratt, li Borg biddlu f’pittura, ittella’ wkoll fuq is-sit illum.com.mt.

Borg stess saħaq li dan ir-ritratt impressjonah u mmarkah tant li pittru f’lejl wieħed.

“Mhux nikkopja r-ritratt, imma xtaqt noħloq viżjoni mqanqla minnu. Ispiratni l-kompożizzjoni u xtaqt noħloq verżjoni tiegħi,” spjega l-artist.

“Din hija l-viżjoni li ħlaqt, mqanqla mir-ritratt tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Birgu. Pinġejt fuq żewġ tili ma’ xulxin, sabiex noħloq qasma. Din tirrappreżenta l-effett ta’ dan il-virus li ħalla fil-ħajja umana. Kollox kellu jinbidel din is-sena, anki l-mod ta’ kif niċċelebraw il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa!”, spjega l-Pittur.

“F'din il-pittura wieħed jinnota nuqqas ta’ kulur. Il-kulur dominanti huwa biss l-aħmar, dak taż-żewġ saċerdoti. Xi ħaġa oħra evidenti huwa d-dell qawwi; dan jirrappreżenta l-biża' u l-inċertezzi tagħna f'dan iż-żmien. Hawn naraw djwaliżmu bejn id-dawl u d-dlam: it-tama ta' Alla u d-dubji tagħna! Triq vojta, fejn is-soltu f'din il-ġurnata mqaddsa tkun ippakjata bin-nies, imma din is-sena Kristu mexa waħdu fit-toroq tagħna. L-effett ta’ Kristu fil-ħajja tagħna huwa rrappreżentat fid-dell li ħalla fit-triq. Kristu qalilna: 'Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom'. Hawn qisu qed jistedinna nafdaw biss fih f'dan il-biża' kollu li għaddejjin minnu u d-dell tagħna jinbidel f'dawl,” spjega l-artist.

More in Arti