Letteratura | Xħin tistenbaħ il-Mara r-Rieqda

Fir-rokna letterarja ta’ din il-ġimgħa, Kevin Saliba jirrifletti dwar il-ġabra Nimirħu maż-Żmien ta’ Marlene Saliba. Kollox jitlaq mis-sejba arkeoloġika tal-istatwetta tal-Mara r-Rieqda f’Ħal Saflieni. Mal-miġra tal-iżmna Saliba jimraħ id f’id magħha billi jpoġġi l-immaġinarju poetiku tal-poetessa fl-isfond ta’ diversi għejun ta’ għerf tal-qedem, fosthom il-Corpus Hermeticum t’Ermete Trismegistu u l-Filosofija Perenni kif imfissra minn Aldous Huxley, bi tħejjija għal xħin tqum il-Mara r-Rieqda. 

Lejn il-bidu nett tas-seklu 20, fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, instabet mara rieqda. Ħaġa ċara li din ix-xbieha mwebbsa fit-tafal Megalitiku – mimduda fuq leminha – mhix sewwasew mejta iżda rieqda. Skont l-estimi ta’ ċerti studjużi din il-mara enigmatika bħal daħlet fin-ngħas daqs tlett elef sena ilu, forsi anke erba’. Uħud minnhom jassoċċjawha ma’ divinità femminili ewlenija, aktarx matrijarkali. Oħrajn isostnu wkoll illi ġaladarba din instabet f’midfen sagru taħt l-art, dina l-mara fuq kollox tippersonifika – bħal xi veġġenta ħalliema timraħ fl-imwiet fi stat ta’ inkubazzjoni – bosta nozzjonijiet u dimensjonijiet fl-istess waqt: l-għerf kożmiku tal-allat, id-dwiewi tar-ruħ u tal-ġisem, id-dwiem maħġub wara l-velu taż-żmien, il-ħelsien tal-mewt, il-lilhinn. 

Fi żmienna dina l-mara fejjieda bħal donnha tinstenbaħ fostna, b’dawn l-attributi dewwejja kollha, fl-immaġinarju poetiku ta’ Marlene Saliba, b’mod ġenerali fil-ġabra Xbihat tal-Antenati/Ancestral Visions u mbagħad b’mod partikulari fil-ġabra Time-Faring/Nimirħu maż-Żmien. Mhux lakemm tfisser bis-sħiħ tul ftit paragrafi l-wisgħa tad-dinja ermetika li tgħammar fiha dil-messaġġiera ħajja minn ċiviltà ormaj mitlufa. Mhux l-għan tiegħi li nittanta nagħmel dan hawnhekk. Tul is-snin kienu bosta l-poeti Maltin illi sabu l-wens u n-nebħ fl-iġbla tat-tempji Neolitiċi tagħna: Ġorġ Pisani, Achille Mizzi, Antoine Cassar, Immanuel Mifsud. Iżda ebda vuċi poetika ma wasslithom għandna bl-istess urġenza intensa. U ħadd iżjed minnha ma fissirhom lilna b’rabta daqstant intrinsika ma’ tant għejun t’għerf filosofiku u reliġjuż illi – f’ġieħ is-sewwa – imorru ferm lil minn faxxini purament estetiċi jonkella mis-soliti nostalġiji fiergħa għal imgħoddi li fis-sew qatt m’għexna. 

Lejn tmiem il-preistorja tal-bloggosfera Maltija, fi bloggata pjuttost skjetta (u kemxejn problematika) dwar il-mara r-rieqda, Immanuel Mifsud kien bħal masħar dit-tendenza romantika tal-bniedem li jfittex jispjega l-attwali permezz tal-primordjali. Saliba hija ħassieba u poetessa ta’ dina x-xeħta, sintendi, iżda jegħlet bl-ikrah min jaħseb li dix-xejra fi vrusha tinsiġha ammozz. Iżjed mill-poeżiji nfushom, li jiġbidni l-iżjed lejn Saliba huma l-iġbla ħolistiċi li jsawru l-viżjoni kożmika tagħha – dawka r-raddi fil-blat, biex ngħidu hekk, li bihom tintraċċa l-mikrokożmu ċkejken tagħha lejn l-immensità tal-makrokożmu li jħaddan fih lilna lkoll. La qed nitkellmu fuq l-antikità, bħal Gottfried Liebnitz hija temmen bis-sħiħ illi “l-bnedmin tal-qedem kellhom iżjed siwi milli nobsru”. F’Saliba dan jgħodd bis-sħiħ kemm għall-filosofi Pre-Sokratiċi li kien qed jirreferi għalihom Liebnitz u kemm għall-ewwel ġemgħat ta’ bnedmin li qatt rifsu fuq din l-art, voldieri n-Neolitiċi. Tgħodd dan b’minnu wkoll fir-rigward ta’ bosta ċiviltajiet u djien tal-qedem oħrajn. Għaldaqstant l-Univers f’Saliba mhuwiex biss sempliċement għadd ta’ fenomeni mbejna kollox u mixħuta addoċċ fil-baħħ. Wisq anqas huwa s-somma aħħarija ta’ għadd kbir ta’ partijiet distinti. 

Qabelxejn, il-fil illi jsensel kollox f’kulma tikteb, tgħid u tħoss Saliba għandu ħafna, ngħidu aħna, minn wieħed mill-kredi ewlenin tal-Corpus Hermeticum ta’ Ermete Trismegistu. Kif imfisser mit-Tliet Inizjati fil-Kybalion: “Filwaqt illi Kollox jinsab f’IL-KOLLOX, minnu daqsinsew illi L-KOLLOX jinsab f’Kollox”. Nistgħu jekk irridu – kif żgur taf ben tajjeb Saliba – insibu l-istess intwizzjonijiet metafiżiċi fid-duttrini non-duwalisti tal-iskola Ħinduwista tal-Advaita Vedanta skont Xankara, fil-prinċipji tal-Filosofija Perenni kif imfissra minn Aldous Huxley u, kemxejn eqreb lejn żmienna, fil-moniżmu sostanzjali ta’ Baruch Spinoza u ta’ Giordano Bruno kif ukoll fir-raba’ vija ta’ George Gurdjieff. Fl-epistemoloġija ta’ Saliba hemm biss sustanza waħda biss illi – minkejja li tinbidel bla hedu sabiex tidher f’dewwidija ta’ forom bla tmiem – tibqa’ tinsab f’kollox għax hija kollox, anzi fuq kollox hija l-Kollox, għalkollox. Terġa’, minkejja l-apparenzi qarrieqa u t-tassonomija tal-iskajjel naturali tan-Neo-Platonisti, kollox huwa magħmul mill-istess (non)-ħaġa: “iftaħ dirgħajk beraħ, ħabib / ħoss il-blat, il-ħdura, / il-baħar u s-sema. Qegħdin madwarek. / Qegħdin ġewwa fik. / Huma ħaġa waħda” (Ħoss iċ-Ċagħqa f’Idejk, Ħabib). Ittenni dan b’iżjed intimità fiżika fil-poeżija Baħar Ħieles: “Għadmi, il-vini, jafuh tajjeb / lill-ġisem t’ommna d-dinja, / għax hu magħġun mill-istess elementi / li jsawru ġismi”.

Marlene Saliba
Marlene Saliba

Xi ftit jew wisq huwa proprju fl-isfond ta’ dan it-twemmin illi Saliba donnha tillokalizza l-etos ġenerali tal-komunitajiet Neolitiċi li “għexu ċ-ċiviltà li tellgħet / dal-binjiet imdaqqsin”. (Ġewwa l-Imqades ta’ Ħal-Tarxien). Dan it-twemmin huwa wieħed mill-mezzi kif imbagħad fi vrusha tissokta tgħaddi, fi kliem Oliver Friggieri, “mill-arkeoloġija tal-ġebla għall-arkeoloġija tar-ruħ”. Mill-ġdid, ġaladarba qabelxejn kollox minsuġ arloġġ f’ħaġa waħda, fit-tempji ta’ Ħaġar Qim saħansitra l-opposti joħorġu fid-dieher imwaħħdin – f’coincidentia oppositorum perenni – bħal żewġ naħat illi fil-fatt isawru munita waħda. Għaldaqstant Ħaġar Qim huwa lok “fejn jgħammar is-skiet / u fejn jitwieldu l-ħsejjes” fl-istess nifs (Ħaġar Qim). Fil-poeżija Imboliku li dehret fil-ġabra preċedenti Xbihat tal-Antenati/Ancestral Visions Saliba tħabbar li “ġismi bħall-sar maqdes għaref, / ħaġa waħda mas-smewwiet / jistenna kull ekwinozju”. Dan għax temmen li s-setgħa ta’ dawn l-ilwiek sagri li bnew l-antenati kapaċi wkoll – l-iżjed meta mixgħula b’dawn l-idhna perenni – tikxef is-santwarju ħaj li jinsab moħbi f’kulħadd: “U wara li ssir ħaġa waħda / mal-ambjent ta’ madwarek, / tinsiex tħares tajjeb / fil-fond tiegħek innifsek, / fil-blat u l-baħar u l-ġebel / imnaqqxa bl-ispirali / ta’ dak il-Maqdes ħaj, dejjiem, / li hemm mistur fik”. Madankollu Saliba twiddeb: “jekk jogħġbok tiġi wrajja / imxi bir-reqqa meta tgħaddi / minn ħdejn il-ħxejjex u l-fjuri” – versi li f’moħħi jqanqlu l-immaġni ta’ Ċesare jitwissa, b’serjetà liema bħalha, biex joqgħod attent kif jimxi fuq il-ħaxix ta’ Trojja ma jmurx jirfes l-ispettru t’Ettore.

Bħalma kitbet il-poetessa Denise Levertov fil-poeżija L-Ilment t’Adam, “xi wħud, tagħtihom x’tagħtihom, xorta waħda jibqgħu jridu l-qamar”. Marlene Saliba – “bħal dija li ġejja mill-qedem” (Kwiekeb Madwar id-Dinja) – hija waħda minn dawn, għad illi mhux fit-tifsira biżbetika li spiss tingħata ’l dan il-vers. Bħal Robert Frost f’salib it-toroq għażlet il-mogħdija l-inqas imterrqa. B’nannitha l-pjanista fi ħsiebha, tiftakar f’“mużika li tqarreb / l-art u s-sema”, f’“għajnejn mistiċi” li żvelawlha “dehriet sagri u veritajiet lil hinn / mill-qawwa u l-ħakma tal-kliem”. “Jum Wara Jum” matul “is-sigħat bikrin ta’ filgħodu” erħilha tosserva “l-alkemija ta’ kull żerniq” illi “tbiddel id-dlam fid-dawl” (Il-Mużika tal-Pjanti). Tqatta’ snin sħaħ tixtarr “bil-qima l-art u s-sema / b’għajnejn żagħżugħa u xjuħ” (It-Tao jew Lejn Fejn Sejra l-Miġra). Tibqa’ “ħdejn il-baħar” biex tkebbes ruħha “bi rmied il-kwiekeb u l-imħabba” ħalli ssib il-vera mogħdija tagħha “ġewwa u lil hinn / mill-wesgħat taż-żmien” (Meditazzjoni). Mas-sinjal tal-Budda, “tintebaħ bil-preżenza ta’ qaddisin u għorrief / ta’ bosta kulturi, pajjiżi, żminijiet” (Meta Jsejjaħlek Gawtama). Ma’ Ġesù tintasab imsaħħra wara “l-btir fil-qofol ta’ ruħna / l-Arti Sagra tal-Ħolqien” (Kristu, Artist ta’ Xejra Differenti).

Fit-temenos ġewwieni tagħha – sewwasew taħt għajnejn Il-Ġganta t’Għawdex – Saliba mbagħad timxi “waħdeha qajl qajl lejn l-artal”, tqim “lill-ambjent ta’ madwarha”, “issellem ’il-kwiekeb / il-qamar dħuli, u tagħmel żifna sagra. / Titlob b’ġisimha u b’ruħha / għal żminijiet aħjar”. U tagħmel dan għax imħassba dwar żminijietna. Fil-kitbiet u l-intervista tagħha spiss tirrimarka li l-immaġnijiet artistiċi li ħallewlna dawn in-Neolitiċi jixhdu li dawn il-komunitajiet gawdew epoka ta’ “kreattività artistika, koperazzjoni u paċi tul madwar 15-il seklu”. L-istatwarji tagħhom juri figuri f’pożi rilassati u trankwilli b’uċuħ jirradjaw is-sliem. F’kulma ħallew warajhom ma nstab ebda ħjiel ta’ gwerra jew ta’ arkitetturi ta’ difiża. Għaldaqstant Saliba bħal donnha tħares – imbikkma fuq dawn “l-għeżież imqades” – lejn it-tifrik tad-diżutopiji qerrieda tagħna bħalma Kristu skont San Luqa beka fuq Ġerusalem huwa u jeħber bit-tiġrifa tat-tempju. U bħalma William Wordsworth f’London, 1802 kien invoka ’l John Milton sabiex iġib lura l-virtujiet mitlufa fl-Ingilterra ta’ żmienu, Saliba ssejjaħ lil “dik il-parti sigrieta fl-inkonxju li tinsab fina lkoll” – Il-Mara r-Rieqda – sabiex “tqum / wara eluf ta’ snin, kollha gwerer, ibsin” ħalli tfittex “tfejjaq / il-weġgħat, il-ġlied, in-niket tagħna”. Bħal donnu f’din il-mara Saliba tara – kif Martin Heidegger interpreta ’l Friedrich Hölderlin fis-sensiela ta’ taħditiet Hölderlins Hymne »Der Ister« – qaddejja storika mill-imgħoddi b’messaġġ poetiku għall-fidwa tal-ġejjieni.

Din is-sejħa għall-qawmien mir-raqda – l-iżjed fix-xbieha poetika tal-Mara r-Rieqda li nsibu fil-ġabra Nimirħu maż-Żmien – fakkritni wkoll f’fuljett li ġie f’idi snin ilu f’ħanut tal-kotba waqt żjara fl-Indja. Kien fih dal-messaġġ mir-raheb Ħinduwista Swami Vivekananda: “Id-dinja qed taqbad fil-miżerja [...] Kif tistgħu torqdu? Ejjew insejħu u nibqgħu nsejħu sakemm l-allat rieqda jqumu, sakemm l-alla ta’ ġo fina jwieġeb is-sejħa. Jiena ngħidilkom biss qumu, qumu minn hemm!”

“Il-Mara r-Rieqda għad tqum”, tgħidilna Saliba. Jalla xħin tistenbaħ hi nistenbħu magħha aħna lkoll.

More in Arti