Letteratura | Bħall-għama li jħobb l-iswed

Fir-rokna letterarja ta’ din il-ġimgħa, Kevin Saliba jiddiskuti l-ġabra ta’ poeżiji My Love Had Eyes of Blue and Dreams ta’ Ġorġ Mallia mal-poeta nnifsu. Saliba bħal jeħodha mas-swidija li nebbħet dawn il-vrus viżtużi dwar imħabbiet mitlufa. B’sensiela ta’ mistoqsijiet skjetti u b’referenzi pertinenti, fosthom Leonard Cohen, Nick Cave u Charlie Kaufman, Saliba bħal jinterroga lill-poeta dwar il-veri motivi u l-preżunt siwi tal-liriki sewdiena. Jixħet dubji dwar jekk fl-aħħar mill-aħħar das-swidiji kollha humiex tabilħaqq vallapena. Mallia jibqa’ sod fil-fehma filwaqt li xorta jinsisti, madankollu, li fi vrusu jqim ukoll il-kulur

F’din il-ġabra bżaqt minnek bosta ħsus kiebja ta’ wġigħ li żammejt midfuna fik tul ħafna snin. Iżda donnu kien biss wara l-falliment tal-aħħar żwieġ tiegħek li tassew ħassejt il-ħtieġa li turi ruħek bħala poeta tal-qalb sewda. Minkejja l-qoxra mlewna, il-ġewwien muswied qatigħ. Laqatni bħal sajjetta l-vers “bħall-għama li jħobb l-iswed.” Litteralment hawnhekk, bħal xi Leonard Cohen – you want it darker. X’inhi eżatt din? Flaġelazzjoni fuqek innifsek jew forsi wkoll stqarrija ta’ vulnerabbiltà?

Jogħġobni Loenard Cohen. Għamilt żmien nisma’ lilu biss. Iżda ma nemminx fil-flaġellazzjoni tiegħi nnifsi, anzi pjuttost l-oppost. Nikteb biex inserraħ il-menti u l-qalb mid-dlam li jinfirex fihom kull darba li mħabba kbira tintemm. Iżda l-ktieb ma jiġborx fih biss versi mudlama. Ngħanni wkoll is-sbuħija tal-imħabba hi u tiffjorixxi. Iżda jekk il-fjura tkun tant sabiħa li tgħammxek u tgħaxxqek fl-aħjar tagħha, mela s-sabta mbagħad tkun wisq akbar meta dik il-fjura tinqata’, tidbiel u tmut quddiem għajnejk bla ma tkun tista’ tagħmel xejn biex iżżommha ħajja. 

Tul erbgħin sena ta’ ħajja poetika, kelli dawn iż-żewġ esperjenzi kemm-il darba. Iżda, iva, din tal-aħħar kienet kbira wisq, għax ħabbejt b’qalbi, b’ġismi u b’ruħi kollha. Tajt kollox lill-imħabba u meta ntemmet ħesrem bla ma stajt inwaqqaf il-qerda ta’ dak kollu li ħlomt għal ħajti – il-ġejjieni tiegħi u dak tal-maħbuba – trabba fija l-impuls biex dak illi qabel kien biss tal-maħbubin u biss għalihom, isir jappartieni wkoll lil min xtaq jaqrah u jħossu. 

Il-linja li kkwotajt inti hawn, minn versi miktubin fis-snin tmenin, fl-intier tagħha tgħid hekk: “Bħall-għama li jħobb l-iswed / għax qatt m’għaraf il-kuluri”. Kienet miktuba fi żmien meta l-imħabba tiegħi kienet f’deżert xott. Kont infittex u ma nsibx. U bilfors ikollok tħaddan dak li ma tridx jekk dak li trid ma ssibux. Sfajt hemm erġajt. Ikolli nħaddan is-solitudni għax dik il-persuna li ħabbejt bi mħabba tant għamja m’għadhiex preżenti.

Ġaladarba tiddeskrivi l-poeżija tiegħek bħal versi liriċi, bla ma ridt moħħi mar f’bosta liriki li wennsuni meta l-imħabbiet tiegħi sfaw nieqsa. Jien u naqra ftakart f’bosta kantawturi li għannew dwar imħabbiet mitlufa. Fosthom il-kantawtur Nick Cave, li fl-għeluq tat-taħdita tiegħu The Secret Life of the Love Song, jiddefendi bis-sod dix-xorta ta’ luttu kreattiv kontra l-qsim tal-qalb. Saħansitra jasal jistqarr illi l-fidwa mill-istess diżappunti bir-Romantiċiżmu nistgħu niksbuha biss billi nirromantiċizzaw id-diżillużjoni nfisha. Int xi tgħid? Tħoss li b’dil-ġabra lħaqt xi għamla ta’ redenzjoni? 

Naqbel ma’ Nick Cave, iżda biss sa ċertu punt. Bniedem kreattiv ma jistax ma joħloqx f’mumenti ta’ sentimenti estremi. Voldieri kemm fl-eqqel tal-estasi kif ukoll fl-abbissi tad-diqa, l-artist jimmanifesta u jesternalizza skont is-sejħa tiegħu. Jiena nikteb u npitter. Kull meta nkun għaddej minn emozzjonijiet qawwija (sbieħ jew koroh) dejjem sibt il-kreattività tisplodi u l-produzzjoni timmultiplika bil-kbir. Voldieri ma hemmx dubju li l-mewt ta’ mħabba tant għażiża kapaċi ttuq dik il-kreattività u ħafna drabi taf tkun ukoll is-suġġett ewlieni tal-ħwejjeġ li jinħolqu bis-saħħa tagħha. 

Ġorġ Mallia
Ġorġ Mallia

Iżda għedt “biss sa ċertu punt” għax ma nemminx illi l-arti li noħloq f’mumenti bħal dawn qatt tassew tkun l-għan tagħha nfisha. Cave donnu jrid jibdel dak li jkun tilef ma’ dak li mbagħad joħloq. B’xorti ħażina għalija, l-arti tibqa’ biss reazzjoni instigata minn xi ħaġa li ma tmut qatt. U jekk din tkun xi ħaġa negattiva, mela l-uġigħ se jibqa’ hemm għal dejjem. Iva, l-arti tagħti sulliev tul żmien qasir, iżda dawn il-ħwejjeġ bħal nixxiegħa ġierja. Ras il-għajn tibqa’ fissa, ma tiċċaqlaqx.

Kien bit-telf tal-imħabba li l-kuluri ta’ d-dinjietek żvintaw ħesrem fis-swidija. Fi vrusek saħansitra jaħbat iroxx id-dlam fuq l-ilwien tal-friefet. The very dark is changed... butterflyless dark. Lura għal-lirika, ħsus bħal dawn lili jġibuli fil-menti diversi liriki traġiċi b’enfasi fuq l-iswed: Back to Black – Amy Winehouse. Black – Pearl Jam. Addirittura The End of the World – Skeeter Davis, jekk niġu f’dan. Intant, donnu dal-uġigħ f’erwieħ mortali iżda kreattivi mhux talli ma jkunx tmiem id-dinja, talli anzi ġieli kien kapaċi jaqtagħlhom passaġġ lejn imfakar umani perenni. Ma taħsibx, allura, li int jew jien ma nkunux tabilħaqq onesti sabarra meta ninfexxu f’dal-għali kollu għalina nfusna?

Intenni li dan kollu mhux ‘self-pity’. Iva, ma tistax ma tweġġax. Kif jista’ jkun titlef dak kollu li kien importanti f’ħajtek u tibqa’ miexi, stojkament, qisu qatt ma ġara xejn? Impossibbli. Kif jista’ jkun li bħala persuni artistiċi nonqsu milli nimmanifestaw dak l-uġigħ fl-arti tagħna? Ma jistax ikun. Iżda s-‘self-pity’ hija distruttiva iżjed milli kreattiva. Tieklok minn ġewwa u jekk tintilef fiha ma tfiq qatt. Nammetti li immedjatament wara l-qtil ta’ emozzjoni qawwija minn ħaddieħor, ma tistax ma tħosshiex. Iżda trid tiġġildilha, anke bl-esternalizzazzjoni artistika stess, għax dik titma’ lid-dlam u maż-żmien lill-poeżija toqtolha u mhux issostnieha. 

Madankollu bilfors trid tgħanni d-dwejjaq fil-mument li jolqtuk jekk ma tridx li dawn jikkankraw ġo fik. Ngħid għalija l-poeżija u l-pittura narahom (u forsi hawn fejn it-tradizzjoni ma niċħadhiex) bħala katarsi. Huwa proprju għalhekk li nikteb il-lirika u xejn aktar. Dawn huma versi personali ħafna. Għall-ewwel ktibthom biex ma jinqraw minn ħadd għajr minni u l-maħbubin tiegħi. Iżda maż-żmien trabbiet fija x-xewqa li dawn iservu ta’ katarsi, inkella tal-anqas ta’ assoċjazzjoni ma’ ħsus familjari, anke għall-qarrejja li ma kinux involuti fir-relazzjonijiet intimi li nissluhom.

Fit-taħdita msemmija qabel Nick Cave jistqarr li “lkoll kemm aħna nġarrbu dak illi l-Portugiżi jsejħulu Saudade, li tista’ tittraduċih bħala sens ta’ tixwiq li ma jitfissirx, tixniq bla isem u oskur tar-ruħ, u huwa sewwasew das-sentiment illi jgħammar fl-isferi tal-istħajjil u tan-nebħ, u li huwa l-art għammiela tal-kanzunetta mnikkta, għax il-kanzunetta ta’ mħabba hija d-dawl t’Alla, li tfernaq minn ġo ġriħitna, sa mill-qigħan tagħna.” Cave hawnhekk mhux biss jirromantiċizza dal-faħam iġemmed fir-ruħ mitbugħ minnek f’dil-ġabra, iżda saħansitra jimmistiċċizzah. Għaldaqstant mid-dlam għandu ħabta jgħaddi għad-dawl. Hemm xi xaqq dawl fin-nugrufun tal-versi tiegħek? Xi dimensjoni spiritwali? Forsi xi karba subkonxja għal tħaddina usa’?

Għalija t-tama dejjem hemm, għax nemmen li d-dlam m’għandu jkun qatt l-għan ewlieni tal-poeta. Id-dlam jinstab fih inċidentalment u għalkemm, iva, jitmagħlu l-ispirazzjoni kreattiva, xorta m’għandu qatt jiġġedded biex dan id-dlam stess isir l-għan tal-eżistenza. Id-dlam jixref biss fl-assenza tal-kuluri, iżda jidhirli li huma l-kuluri (sbieħ, jgħajtu u jixagħlu) li għandhom jibqgħu l-għan aħħari. 

L-aħħar versi fil-ktieb My Love Had Eyes of Blue and Dreams inkitbu eżatt wara dil-firda kiefra. Voldieri sa tmiem dan il-ktieb żgur li ma kien hemm ebda xaqq ta’ dawl, għalkemm fil-versi li jagħlqu l-ġabra nistqarr emozzjoni oħra – ir-rabja. Loġikament din toħroġ mill-inġustizzja sfiqa tat-tmiem ħesrem ta’ mħabba kbira u minn xi daqqiet tista’ tgħin fil-fejqan mid-dlam. “U r-rabja tgħin lill-għada jbexbex / bid-dawl inemnem sieket, bati, / lehma sielma jagħti / ’l ħajti miskina, / maħsuda b’sikkina / li qerdet l-imħabba minn fija. / U l-lehma ssir dija / xi darba, / li twitti lill-għada / għalija.” 

Mela, le: nirrifjuta li nimmistiċizza l-uġigħ li jirriżulta mit-tmiem tal-hena. Anzi naħdem bis-sħiħ, anke permezz tal-esternalizzazzjoni artistika, biex naħarbu ħalli nfittex insib dika l-hena mill-ġdid. U dan minkejja li naf illi fl-aħħar mill-aħħar dik l-hena hija illużorja u li – kif ġara kemm-il darba f’ħajti u kif turi sew din il-ġabra – maż-żmien kollox għad jerġa’ jdur ċirku tond. 

Ngħid għalija, dad-diskors dan l-aħħar sar ifakkarni wkoll f’din il-linja mill-iskript li kiteb Charlie Kaufman għall-film The Eternal Sunshine of the Spotless Mind: “tista’ tħassar persuna minn moħħok. Li tħassarha minn qalbek mbagħad hija storja oħra”. Qed nagħmilha apposta tal-avukat tax-xitan, iżda mhux biex immerik. Anzi, bħalek ġarrabt u ktibt. Dawn il-mistoqsijiet kemxejn HARDtalk jgħoddu għalik daqs kemm jgħoddu għalija. Qed ninterroga wkoll lili nnifsi hawnhekk: you want it darker, iżda fl-aħħar mill-aħħar, x’temmen li tista’ tikseb bħala poeta għama li – għax tilef l-imħabba – tilef ukoll l-ilwien u sar iħobb l-iswed? Il-fidwa? In-nisi? Il-vendetta? Ir-riżarċiment? It-trijonf fuq il-qsim tal-qalb? Xi tama ta’ mħabba ġdida? Jew inkella s-sodisfazzjon – kif darba kkummenta Kaufman innifsu – li dawk li jisfgħu f’dad-dlam ċappa kollu forsi almenu jħossuhom xi kemxejn inqas waħidhom?

Le, ma tista’ tħassar qatt persuna minn qalbek. Mhux meta dik il-qalb tkun tajthielha bla kundizzjoni. Meta tkun għadek kif waqajt minn għoli kbir, impossibbli tara żmien meta se jintemm l-uġigħ. Il-konfużjoni li jġib miegħu t-tmiem taċ-ċertezza tolqotlok is-sensi kollha, tiddomina kull emozzjoni, teqred kull tama għall-futur, titfi s-sbuħija tax-xemx fi nżulha, tqarras it-togħma tal-għasel. 

M’għandi l-ebda xewqa ta’ vendetta. Ormaj li ġara ġara. Hemm katina li torbot flimkien lil dawk kollha li jgħaddu minn dlam bħal dan, anke b’mod virtwali. Kienu ħafna li resqu lejja meta qraw il-vrus jew il-proża li ktibt jien u għaddej minn did-dalma qalila. Qaluli li fehmuni għax anke huma kienu hemm xi darba, jew għadhom hemm. Il-punt hu li l-uġigħ għat-telfa ta’ emozzjoni ġenwina ma jmut qatt. Iġib ir-rabja kbira, iva, iġib dieqa enormi, iva, iġib it-telfien tat-tama u tar-rieda għall-għajxien, iva, iżda l-uġigħ innifsu hemm jibqa’. 

Forsi ż-żmien itaffi l-qawwa tiegħu, iżda ma joqtlux. U hemm l-għajn li taħji kliem l-għanja miktuba jew impittra. Ma jistax ikun hemm xi tama għal imħabba ġdida dment li l-imħabba l-oħra ma tissejjaħx “qadima”. 

Il-firda ma teqridx l-imħabba. Teqred biss is-sbuħija li tagħti. Tibdel kollox f’uġigħ. Għalhekk l-għanja tiegħi hija mnikkta, għax il-muġugħ ma jistax ma jgħidx “ajma”.

More in Arti